Dokument ta' sessjoni

 

16.1.2012                                                                                                                B7‑0006/2012

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara l-mistoqsijiet b'talba għal tweġiba orali B7‑0021/2012 , B7‑0675/2011 u B7‑0676/2011

skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar żbilanċi fil-katina tal-provvista tal-ikel ( 2011/2904(RSP) )

Maria do Céu Patrão Neves, Albert Deß, Esther Herranz García

f'isem il-Grupp PPE

 

B7‑0006/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar żbilanċi fil-katina tal-provvista tal-ikel ( 2011/2904(RSP) )

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Lulju 2010 dwar 'il-futur tal-Politika Agrikola Komuni wara l-2013'[1], ir-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Jannar 2011 dwar 'ir-rikonoxximent tal-agrikoltura bħala settur strateġiku fil-kuntest tas-sigurtà tal-ikel'[2] u r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ġunju 2011 dwar 'il-PAK fid-dawl tas-sena 2020: Nindirizzaw l-isfidi tal-futur fl-ambitu tal-ikel, tar-riżorsi naturali u dak territorjali'[3],

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu, 'Katina tal-provvista alimentari fl-Ewropa li taħdem aħjar' ( COM(2009)0591 ) u d-diversi dokumenti ta' ħidma mehmuża ma' din il-Komunikazzjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Settembru 2010 dwar 'Dħul ġust għall-bdiewa: katina tal-provvista alimentari fl-Ewropa li taħdem aħjar',[4],

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Lulju 2010 li tistabbilixxi Forum ta' Livell Għoli dwar it-Titjib tal-Funzjonament tal-Katina ta' Provvista tal-Ikel (2010/C 210/3),

–   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet finali tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar il-Kompetittività tal-Industrija Agroalimentari tas-17 ta' Marzu 2009, kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-29 ta' Marzu 2010 dwar funzjonament aħjar tal-katina tal-provvista tal-ikel fl-Ewropa,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tiegħu tad-19 ta' Frar 2008 dwar l-investigazzjoni u r-rimedju tal-abbuż ta' poter minn supermarkets kbar li joperaw fl-Unjoni Ewropea[5], kif ukoll ir-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Marzu 2009 dwar 'Il-prezzijiet tal-ikel fl-Ewropa'[6],

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar katina tal-provvista alimentari li taħdem aħjar ( COM(2009)0591 ) identifikat żbilanċi serji fil-katina ta' distribuzzjoni tal-ikel li jinkludu: abbuż tal-poter tal-akkwist dominanti; termini kuntrattwali inġusti; ħlasijiet tard; modifiki kuntrattwali unilaterali; aċċess limitat għas-suq; nuqqas ta' informazzjoni dwar l-iffissar tal-prezzijiet; distribuzzjoni inugwali tal-marġnijiet ta' qligħ fil-katina tal-ikel kollha; u għadd ta' problemi marbuta ma' konċentrazzjoni akbar fis-settur tal-provvista bl-imnut;

B.  billi l-livell ta' konċentrazzjoni ta' bejjiegħa bl-imnut kbar ħafna fl-Unjoni Ewropea jaffettwa ħażin lill-produtturi u lil fornituri oħra għaliex jirriżulta fi żbilanċi li jikbru tal-poter bejn il-partijiet kontraenti; billi hemm telf progressiv ta' saħħa ta' negozjar għall-produtturi agrikoli u l-industriji agrikoli meta mqabbla mas-saħħa ta' dawn il-gruppi kbar fir-rigward tad-determinazzjoni tal-livell tal-prezzijiet tul il-katina tal-valur - mill-produzzjoni primarja, għall-ipproċessar sal-konsumatur aħħari;

C. billi ż-żieda fil-kostijiet tal-produzzjoni u l-impossibilità li dawn il-kostijiet jiġu rkuprati tul il-katina tad-distribuzzjoni tal-ikel jistgħu, fuq perjodu qasir ta' żmien, jipperikolaw is-sopravivenza tal-impriżi agrikoli, u għalhekk idgħajfu l-potenzjal produttiv fl-Istati Membri u jkabbru l-problema ta' bilanċi kummerċjali, livelli ta' importazzjonijiet, volatilità u dipendenza mis-swieq esterni;

D. billi l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni f'għadd ta' Stati Membri sabu li hemm erba' oqsma ewlenin fejn l-iżbilanċi fil-katina tal-provvista tal-ikel huma partikolarment sensittivi: l-impożizzjoni unilaterali ta' termini kuntrattwali; il-prattiki ta' għoti ta' skont; il-penali; u t-termini ta' ħlas;

E.  billi l-konsumatur ukoll jintlaqat ħażin minn prattiki bħal dawn, billi prezzijiet baxxi mħallsa lill-produtturi u lil fornituri oħra ma jirriżultawx fi prezzijiet aktar baxxi għall-konsumaturi u li barra minn hekk, il-bejjiegħa bl-imnut il-kbar jużaw prodotti alternattivi minn pajjiżi terzi, li jikkompetu mal-prezzijiet tal-produtturi lokali, u dan ifisser li l-konsumaturi jixtru prodotti magħmula bi standards aktar baxxi - partikolarment f'termini ta' kwalità, sikurezza tal-ikel u rispett għall-istandards tax-xogħol, l-ambjent u l-benessri tal-annimali - minn dawk mitluba mill-produtturi tal-UE;

1.  Jenfasizza li l-problema tal-iżbilanċi fil-katina tad-distribuzzjoni tal-ikel għandha dimensjoni Ewropea ċara, li tirrikjedi soluzzjoni Ewropea speċifika, minħabba l-importanza strateġika tal-katina agroalimentari għall-Unjoni Ewropea; ifakkar li l-katina tal-provvista tal-ikel, l-agrikoltura, l-industrija agroalimentari u d-distribuzzjoni jirrappreżentaw 7% tal-impjieg totali fl-UE b'valur ta' EUR 1400 biljun fis-sena - ċifra akbar minn dik fi kwalunkwe settur ieħor tal-manifattura fl-UE;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi leġiżlazzjoni Komunitarja robusta - mingħajr distorsjoni tal-funzjonament xieraq tas-swieq - biex tagħmel aktar ġusti r-relazzjonijiet bejn il-produtturi, il-fornituri u d-distributuri ta' prodotti tal-ikel, u biex timplimenta b'mod xieraq ir-regoli diġà fis-seħħ, anke għaliex l-aħħar ċifri dwar l-introjtu agrikolu mill-Eurostat juru li, mill-2009, kien hemm tnaqqis ta' 11.6% fl-introjtu tal-farms fil-livell tal-UE;

3.  Jiġbed l-attenzjoni dwar il-ħidma li qed issir fil-Forum ta' Livell Għoli dwar it-Titjib tal-Funzjonament tal-Katina ta' Provvista tal-Ikel u l-erba' pjattaformi tiegħu; jiddispjaċih li l-Parlament Ewropew mhuwiex involut formalment fil-ħidma tal-Forum u jitlob li din il-kwistjoni tiġi indirizzata bħala kwistjoni ta' urġenza biex il-Parlament ikun jista' jieħu sehem bis-sħiħ;

4.  Jinsisti li l-Istati Membri għandu jkollhom rwol attiv fl-istabbiliment ta' fora ta' konsultazzjoni, b'rappreżentanza xierqa tal-atturi tul il-katina tal-ikel, sabiex jippromwovu d-djalogu u jistabbilixxu linji gwida favur relazzjonijiet aktar ġusti u bilanċati; ifakkar li konsultazzjonijiet uffiċjali bħal dawn jikkontribwixxu għall-protezzjoni tal-produtturi u l-fornituri u biex jiġu evitati miżuri ta' ritaljazzjoni mis-settur tad-distribuzzjoni;

5.  Jinsisti fuq il-ħtieġa biex l-ewwel nett jintlaħaq ftehim dwar definizzjoni ċara. rigoruża u oġġettiva ta' prattiki abużivi u inġusti, inklużi definizzjonijiet aktar stretti ta' kunċetti u delimitazzjoni aktar ċara, sabiex ikunu jistgħu jiġu sottomessi għal regolamentazzjoni speċifika, superviżjoni u sanzjonijiet oġġettivi;

6.  Jipproponi l-lista li ġejja bħala lista mhux eżawrjenti ta' prattiki li dwarhom il-produtturi wrew tħassib fir-rigward tal-funzjonament tal-katina tal-provvista tal-ikel:

I) Aċċess għall-bejjiegħa bl-imnut:

 

      i) Ħlas minn qabel għall-aċċess għan-negozjati

      ii) Miżati għall-inklużjoni fil-listi

      iii) Miżati ta' dħul

      iv) Iffissar tal-prezzijiet għal spazju fuq l-ixkafef

      v) Impożizzjoni ta' promozzjonijiet

      vi) Dewmien fil-ħlasijiet

      vii) Iffissar tal-prezzijiet

      viii) Klawżola tal-klijent l-aktar ivvantaġġat

 

 

II) Kundizzjonijiet kuntrattwali inġusti jew bidliet unilaterali għat-termini kuntrattwali:

 

      i) Bidliet unilaterali u retrospettivi għall-kundizzjonijiet kuntrattwali

      ii) Ksur unilaterali tal-kuntratt

      iii) Klawżoli/miżati ta' esklussività

      iv) Impożizzjoni ta' kontribuzzjoni 'obbligatorja' għal ditti privati

      v) Impożizzjoni ta' mudelli kuntrattwali standard

      vi) Prattiki ta' ritaljazzjoni

      vii) Ftehimiet kuntrattwali mhux miktuba

      viii) Irkupru tal-marġnijiet

      ix) Skontijiet globali

      x) Dewmien fil-ħlasijiet

      xi) Impożizzjoni ta' ħlas għall-ipproċessar/għat-tneħħija tal-iskart

      xii) Xiri minn gruppi/negozjati konġunti

      xiii) Irkantijiet invertiti

      xiv) Termini ta' konsenja mhux realistiċi

      xv) Impożizzjoni tal-użu ta' fornitur (speċifiku) ta' imballaġġ jew ta' materjal ta' imballaġġ

      xvi) Impożizzjoni tal-użu ta' pjattaforma loġistika (speċifika) jew ta' operatur (speċifiku)

      xvii) Ħlas biex jiġu koperti promozzjonijiet (mhux miftiehma minn qabel)

      xviii) Ordnijiet eċċessivi ta' prodott maħsub għall-promozzjoni

      xix) Ħlas talli ma jintlaħqux ċerti livelli ta' bejgħ

      xx) Impożizzjoni fuq il-fornituri ta' skont extra għal bejgħ li jaqbeż ċertu livell

      xxi) Irtirar unilaterali ta' prodotti mill-ixkafef tal-ħwienet

      xxii) Impożizzjoni ta' ritorn inkundizzjonat ta' merkanzija (mhux mibjugħa)

      xxiii) Impożizzjoni fuq il-fornituri ta' kostijiet marbuta mal-kontrazzjoni jew mas-serq ta' prodotti

      xxiv) Impożizzjoni fuq il-fornituri ta' kostijiet mhux raġonevoli marbuta ma' lmenti tal-klijenti;

 

7.  Jitlob l-istabbiliment ta' qafas biex dawn il-prattiki jiġu kkontrollati b'mod effikaċi, b'mezzi amministrattivi jew ġuridiċi, sistema ta' evalwazzjoni u monitoraġġ imħaddma mill-Istati Membri u kkoordinata mill-Kummissjoni Ewropea, bl-istabbiliment ta' sanzjonijiet dissważivi applikati b'mod effikaċi u fi żmien xieraq;

8.  Jitlob, fir-rigward tal-kundizzjonijiet kuntrattwali u l-prattiki kummerċjali abużivi, li jissaħħu l-mezzi biex ikun żgurat li l-iskadenzi għall-ħlasijiet jiġu rispettati u, meta jkun meħtieġ, għandhom jiddaħħlu fis-seħħ strumenti ġodda biex jitnaqqas kemm jista' jkun it-tul ta' żmien bejn il-konsenja u meta l-ħlas fil-fatt jasal għand il-fornituri; jenfasizza, f'dan il-kuntest, li jinħtieġu urġentement soluzzjonijiet għall-problemi inaċċettabbli li jaffaċċjaw il-produtturi ta' prodotti li jiħżienu, bi żminijiet qosra li matulhom jistgħu jibqgħu fil-ħwienet, billi dawn il-prodotti jinbiegħu malajr fis-supermarkets iżda l-produtturi jitħallsu biss diversi xhur wara, u dan ifisser problemi kbar ta' likwidità għall-produtturi;

9.  Jinnota l-miżuri fl-abbozzi tal-proposti tal-Kummissjoni għar-riforma tal-PAK, imfassla biex isaħħu l-pożizzjoni tal-bdiewa fil-kattina tal-provvista tal-ikel, permezz ta' appoġġ għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi u għall-organizzazzjonijiet intersettorjali u billi jippromwovu katini qosra bejn il-produtturi u l-konsumaturi, bħas-swieq għall-produzzjoni lokali; jemmen li t-tisħiħ tal-pożizzjonijiet tal-bdiewa jippermetti li dawn jirċievu sehem aktar ġust tal-valur miżjud;

10. Jirrimarka li x-xiri ta' importazzjonijiet minn reġjuni jew pajjiżi oħra ta' prodotti li jkunu disponibbli lokalment xi kultant isir bħala azzjoni sfurzata u jitlob li jiddaħħlu fis-seħħ miżuri li jipprevjenu tali importazzjonijiet 'ta' ritaljazzjoni', li fuq perjodu qasir ta' żmien, jikkawżaw l-indeboliment tal-fornituri agrikoli nazzjonali, reġjonali u lokali, billi dawn huma strutturi żgħar li ma jistgħux ikampaw f'ambjent li fih l-istrateġiji ta' xiri jvarjaw ferm;

11. Jitlob, fir-rigward tad-ditti proprji tal-bejjiegħa bl-imnut, li jiġu stabbiliti strumenti u regolamenti ġodda biex ikun żgurat li l-entitajiet legali separati biss jitħallew ifornu lill-bejjiegħ bl-imnut bil-prodott li se jinbiegħ bl-isem tad-ditta proprja tal-bejjiegħ bl-imnut, anke jekk l-entità tal-forniment tappartejni għall-istess grupp kummerċjali; jemmen li l-bejjiegħa bl-imnut m'għandhomx ikunu fil-pożizzjoni fejn jistgħu jibbenefikaw simultanjament mill-fatt li jkunu kemm il-klijent kif ukoll il-kompetitur tal-fornituri tagħhom;

12. Jinsisti wkoll li ditti indipenedenti għandhom jitqiegħdu ħdejn id-ditti proprji tal-bejjiegħa bl-imnut fuq l-ixkafef tas-supermarkets sabiex il-konsumatur jingħata għażla kemm jista' jkun wiesgħa, u jirrifjuta prattiki ta' kummerċjalizzazzjoni 'in-store' inġusti li jiffavorixxu d-ditti proprji meta mqabbla ma' ditti indipendenti; jitlob aktar trasparenza u ġustizzja fil-prattiki tal-iffissar tal-prezzijiet għad-ditti proprji u indipendenti; jinsisti li għandu jkun hemm regoli fis-seħħ biex jiġi evitat ikkupjar b'mod parassitiku ta' ditti indipendenti minn bejjiegħa bl-imnut kbar biex joħolqu d-ditti tagħhom stess;

13. Jitlob li jsir tibdil fil-liġi tal-kompetizzjoni eżistenti tal-UE sabiex jitqiesu aktar l-effetti ta' ħsara tal-konċentrazzjoni vertikali fuq il-katina kollha tal-provvista tal-ikel, minflok enfasi limitata fuq il-pożizzjonijiet relattivi ta' diversi kumpaniji fis-suq;

14. Jitlob li jiġi implimentat il-proġett pilota dwar il-ħolqien ta' osservatorju Ewropew tal-prezzijiet u l-marġnijiet tal-farms, li, meta titqies il-volatilità tal-prezzijiet tas-snin reċenti, ikun għodda importanti biex tittejjeb it-trasparenza fil-katina tal-provvista tal-ikel;

15. Jistieden lill-Kummissjoni tikkoordina aħjar il-ħidma tad-diversi servizzi tagħha sabiex ikun jista' jkollha rwol aktar effikaċi fil-monitoraġġ tal-prezzijiet fil-katina tal-ikel kollha u fil-monitoraġġ tad-dinamika tal-provvista bl-imnut u tal-ishma tas-suq rispettivi fl-UE kollha; jitlob li jinħoloq Ombudsman għall-Kummerċ tal-Ikel biex jikkomunika mal-awtoritajiet kummerċjali u tal-kompetizzjoni rilevanti u ma' Ombudsmen nazzjonali għall-kummerċ tal-ikel f'kull Stat Membru, sabiex jikkoordinaw u jaqsmu informazzjoni; iqis ukoll li l-Ombudsman Ewropew u l-Ombudsmen nazzjonali differenti għandhom ikunu responsabbli biex jiżguraw l-konformità mal-leġiżlazzjoni rilevanti fis-seħħ u biex jirrakkomandaw sanzjonijiet xierqa u f'waqthom;

16. Jinsisti fuq sistema ta' sanzjonijiet li għandhom jiġu applikati meta jinstabu abbużi, liema sanzjonijiet għandhom ikunu proporzjonati għall-ħsara finanzjarja u kummerċjali kkawżata lill-atturi tal-katina tal-provvista tal-ikel u għandhom jiġu imposti malajr biżżejjed biex ikun żgurat li jkunu estremament dissważivi;

17. Iqis li s-soluzzjoni biex jiġu ttrattati l-iżbilanċi fil-katina tad-distribuzzjoni tal-ikel tikkonsisti minn, qafas ġdid li jgħaqqad ir-regolamentazzjoni, bidliet fil-liġi tal-kompetizzjoni u leġiżlazzjoni aktar orizzonatli, flimkien ma' ftehmiet awtoregolatorji volontarji eżistenti u ġodda; jinsisti li l-Istati Membri għandhom jippromwovu l-iżvilupp tal-aħjar prattiki u/jew kodiċijiet tal-imġiba fi sħubija mal-partijiet interessati kollha, bl-involviment tal-produtturi, l-industrija, il-fornituri, il-bejjiegħa bl-imnut u r-rappreżentanti tal-konsumatur, filwaqt li s-sinerġiji eżistenti jintużaw bl-aħjar mod possibbli;

18. Jemmen li għandha tingħata prijorità lil kampanja ta' informazzjoni fl-UE kollha li tinforma lill-bdiewa dwar id-drittijiet kuntrattwali tagħhom kif ukoll dwar il-prattiki kuntrattwali u kummerċjali illegali, inġusti u abużivi l-aktar komuni;

19. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

 

[1] Testi adottati, P7-TA(2010)0286
[2] Testi adottati, P7-TA(2011)0006
[3] Testi adottati, P7-TA(2011)0297
[4] Testi adottati, P7-TA(2010)0302
[5] Testi adottati, P6-TA(2008)0054
[6] Testi adottati, P6-TA(2009)0191