Dokument ta' sessjoni

 

31.1.2012                                                                                                                B7‑0043/2012

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar il-Konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew (30 ta’ Jannar 2012) dwar ftehim internazzjonali dwar Unjoni ta’ Stabilità Fiskali

Jürgen Klute, Jean-Luc Mélenchon, Miguel Portas, Nikolaos Chountis, Willy Meyer, Paul Murphy, Marisa Matias

f'isem il-Grupp GUE/NGL

 

B7‑0043/2012

dwar il-Konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew (30 ta’ Jannar 2012) dwar ftehim internazzjonali dwar Unjoni ta’ Stabilità Fiskali

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Istati Membri taż-żona tal-euro, fit-30 ta’ Jannar 2012,

–   wara li kkunsidra l-abbozz ta’ Trattat Internazzjonali dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Ewropea,

A. billi l-miżuri deċiżi mill-Kapijiet tal-Istat u l-Kunsill tal-UE ma jindirizzawx l-elementi ewlenin li wasslu għall-kriżi, jiġifieri d-dipendenza eċċessiva fuq is-swieq finanzjarji u d-disparitajiet makroekonomiċi dejjem jiżdiedu fiż-żona tal-euro;

B.  billi d-dipendenza fuq is-swieq finanzjarji, minkejja l-effetti devastanti tagħhom, saħansitra żdiedet mindu bdiet il-kriżi finanzja; billi huma biss il-kontroll pubbliku tal-banek u l-attribuzzjoni ta’ self b’rati baxxi mill-Bank Ċentrali Ewropew lill-Istati Membri li jistgħu jġibu fi tmiemha din is-sitwazzjoni;

C. billi t-Trattat propost se jneħħi l-għażliet tal-politika fiskali mill-gvernijiet eletti demokratikament tal-Istati Membri u l-kontroll demokratiku tal-popli tal-Ewropa, inkluż mill-parlamenti nazzjonali, u se jistabbilixxi qafas permanenti ta’ awsterità;

D. billi l-kriżi ta’ fiduċja bejn iċ-ċittadini fl-Istati Membri tal-UE u l-istituzzjonijiet tal-UE tkompli tikber u qiegħda twassal għal kriżi ta’ leġittimità għall-UE;

E.  billi l-proċess li wassal għal dan il-ftehim ma kienx trasparenti u b’hekk injora l-iskrutinju demokratiku li normalment għandu jikkaratterizza kull riforma tal-Unjoni;

F.  billi l-gvernijiet fl-Ewropa kollha aċċettaw dak li ddettaw is-swieq finanzjarji u għalhekk orjentaw il-proposti tagħhom ta’ politika kompletament biex jissodisfaw is-swieq;

G. billi kull tibdil maġġuri fil-politika tal-UE ma jistax isir mingħajr l-involviment sħiħ tal-parlament tal-UE u l-parlamenti nazzjonali;

H. billi ċ-ċittadini dejjem qed iqisu aktar li l-politiki tal-UE huma theddida għal benesseri ekonomiku u soċjali tagħhom, bħala sors ta’ nuqqas ta’ sigurtà dejjem jiżdied għax-xogħol u l-introjtu tagħhom, bħala kawża ta’ inugwaljanza u inġustizzja u bħala ostaklu għall-kontroll demokratiku taċ-ċittadini fuq ħajjithom stess;

1.  Jemmen li l-miżuri tal-Kunsill Ewropew se jaggravaw il-kriżi globali tal-kapitaliżmu;

2.  Ifakkar li l-kawżi prinċipali tal-kriżi attwali tad-dejn sovran huma estremament kumplessi u mhux se jiġu indirizzati bl-approċċ unilaterali tat-tnaqqis tal-infiq kif dan it-Trattat jissuġġerixxi;

3.  Jopponi t-Trattat Internazzjonali dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM) u l-bidliet li saru dan l-aħħar fl-arkitettura tal-UEM (il-Governanza Ekonomika, is-Semestru Ewropew, il-Patt għall-Euro plus); jemmen li dawn il-bidliet jiffurmaw it-tweġiba neoliberali l-aktar reazzjonarja, mhux demokratika u estrema għall-kriżi li għaddejja bħalissa;

4.  Ifakkar li l-fatturi li jinsabu fil-bażi tal-kriżi huma relatati, pereżempju, mal-liberalizzazzjoni ta’ industriji ewlenin, żbilanċi fil-kontijiet attwali u rati ta’ inflazzjoni diverġenti konnessi ġejjin minn dinamiki irregolari tal-kost unitarju tax-xogħol kif ukoll in-nuqqas ta’ bosta Stati Membri li jintaxxaw b’mod effettiv il-patrimonji u l-impriżi l-kbar;

5.  Barra minn hekk jemmen li l-abbozz ta’ Trattat Internazzjonali se jistituzzjonalizza l-awsterità u jċedi l-prinċipju tad-drittijiet demokratiċi ugwali tas-27 Stat Membru kollha kemm huma, ħaġa li b’mod inevitabbli se taggrava l-kriżi, iddgħajjef l-istandards tal-għajxien tal-maġġoranza taċ-ċittadini fl-UE u se żżid l-inugwaljanza bejn l-Istati Membri u toħloq firdiet li se jwasslu għal UE ta’ diversi veloċitajiet, u f’dan il-proċess mhux sempliċement tiġi pperikolata l-eżistenza tal-Euro imma forsi wkoll l-UE kollha kemm hi;

6.  Ifakkar li uħud mill-Istati Membri qed jibbenefikaw mill-kriżi tad-dejn sovran u li l-orjentazzjoni tal-esportazzjoni mmexxija minn xi Stati Membri kkontribwiet sewwa għal allokazzjoni żbaljata ta’ riżorsi produttivi u l-ħolqien ta’ bżieżaq ekonomiċi, u jistieden lil dawn il-pajjiżi jagħtu kontribut ikbar għas-soluzzjoni tal-kriżi; jistieden lill-Istati Membri jintroduċu mekkaniżmi bbażati fuq is-solidarjetà u l-proporzjonalità;

7.  Jiddenunċja l-fatt li l-abbozz ta’ Trattat Internazzjonali dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja qed jiffoka fuq l-istess strumenti li wasslu għall-kriżi minflok ma jorjenta mill-ġdid l-iżvilupp ekonomiku fis-27 Stat tal-UE lejn xogħol għal kulħadd (inklużi iktar impjiegi u impjiegi aħjar), tkabbir soċjoekonomiku, koeżjoni soċjali (b’mod partikolari, il-ġlieda kontra l-faqar, inugwaljanzi fid-dħul finanzjarju u l-qgħad) u l-ħarsien tal-ambjent;

8.  Jopponi l-inroduzzjoni ta’ regola ġdida li tiffissa d-defiċit strutturali annwali tal-Istati Membri għal 0.5% tal-PDG nominali peress li din twassal għal awsterità permanenti u deklin ekonomiku ulterjuri, filwaqt li tqawwi ċ-ċirku vizzjuż ta’ dħul tal-istat dejjem jonqos u żżid id-dejn, u jopponi bil-qawwa s-sanzjonijiet u l-kundizzjonalità li tinkiseb aktar assistenza;

9.  Jemmen, barra minn hekk, li l-introduzzjoni ta’ impenn biex jitnaqqas id-dejn b’wieħed f’kull għoxrin annwalment biex jinkiseb dejn ta’ 60% għall-proporzjon tal-PDG, apparti mill-fatt li ma jistax jinkiseb, se joħnoq l-isforzi tal-gvernijiet li jkabbru l-ekonomiji tagħhom u joħorġu mill-kriżi;

10. Jistieden lill-Istati Membri jtemmu t-trasferiment kontinwu tal-patrimonju mis-salarji għall-profitti; dan inevitabilment se jwassal għal distabbilizzazzjoni ekonomika ulterjuri u l-ħolqien ta’ bżieżaq;

11. Jerġa’ jafferma l-bżonn ta’ miżuri kompensivi u sostenibbli għas-soluzzjoni tal-kriżi bħall-introduzzjoni ta’ ftehimiet li jirristrutturaw id-dejn għal ekonomiji b’dejn eċċessiv li jinvolvu write-downs tad-dejn kif ukoll investimenti fl-ekonomija ambjentali li jistimulaw it-tkabbir bl-użu tal-kapaċità ta’ self tal-Bank Ewropew tal-Investiment;

12. Jemmen bil-qawwa li biex nirritornaw għal kontijiet pubbliċi bbilanċjali jeħtieġ li jkollna approġġ fuq żmien twil li jinkludi tassazzjoni tal-patrimonji, taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji, ġlieda kontra l-frodi fiskali u l-evażjoni tat-taxxi, intervent adegwat tal-BĊE u kontroll b’saħħtu fuq is-settur finanzjarju;

13. Jemmen li impenji tal-kobor li hemm indikat fl-abbozz ta’ Trattat Internazzjonali jobbligaw li ssir l-aktar konsultazzjoni eżawrjenti possibbli maċ-ċittadini permezz ta’ referenda skont ir-regoli nazzjonali; jinsisti li dawk ir-referenda jitmexxew mingħajr indħil politiku mill-Kummissjoni Ewropea; Jemmen ukoll li l-gvernijiet f’dawk l-Istati Membri fejn mhuwiex possibbli li jsiru referenda jagħtu lill-poplu s-setgħa li jiddeċiedi dwar ir-ratifika ta’ dan l-abbozz ta’ Trattat permezz ta’ konsultazzjoni mal-poplu;

14. Jinnota li kwalunkwe bidla fil-kostituzzjoni Irlandiża teħtieġ referendum, u li s-setgħat baġitarji huma mogħtija mill-kostituzzjoni fil-Parlament u l-Gvern Irlandiżi, u għalhekk jeħtieġu li l-kostituzzjoni tiġi emendata fil-każ li jsir xi trasferiment tas-setgħat baġitarji;

15. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti tal-Istati Membri.