Dokument ta' sessjoni
8.2.2012 B7‑0048/2012
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar il-Ftehim UE-Marokk dwar il-liberalizzazzjoni reċiproka fir-rigward tal-prodotti agrikoli u l-prodotti tas-sajd ( 2012/2522(RSP) )
Véronique De Keyser, Bernd Lange, David Martin, Josefa Andres Barea, Vital Moreira
f'isem il-Grupp S&D
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Ftehim UE-Marokk dwar il-liberalizzazzjoni reċiproka fir-rigward tal-prodotti agrikoli u l-prodotti tas-sajd ( 2012/2522(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Barċellona tat-28 ta' Novembru 1995 li stabbiliet sħubija bejn l-Unjoni Ewropea u l-Pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-14 ta' Ottubru 2005 li tawtorizza n-negozjati mal-Marokk dwar il-liberalizzazzjoni reċiproka fir-rigward tal-prodotti agrikoli, il-prodotti agrikoli pproċessati, il-ħut u l-prodotti tas-sajd,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-14 ta' Diċembru 2011 li tawtorizza li jinbdew negozjati bilaterali mal-Eġittu, il-Ġordan, il-Marokk u t-Tuneżija, bil-ħsieb tal-istabbiliment ta' żoni ta' kummerċ ħieles "profondi u komprensivi", bħala parti mill-ftehimiet ta' assoċjazzjoni Euro-Mediterranji eżistenti ma' dawk il-pajjiżi,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni Ewropea lill-Kunsill Ewropew, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bl-isem "Sħubija għad-demokrazija u l-Prosperità Komuni fin-Nofsinhar tal-Mediterran" COM(2011)0200 finali,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta lill-Kunsill Ewropew, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tal-25 ta’ Mejju 2011 bl-isem 'Risposti ġodda għal Viċinat fi trasformazzjoni' COM(2011)303 finali,
– wara li kkunsidra l-proċedura ta’ approvazzjoni skont l-Artikolu 207 u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C7-0201/2011),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 dwar ir-responsabilità soċjali tal-kumpanniji fil-ftehimiet kummerċjali internazzjonali ( 2009/2201(INI) ),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-UE għandha surplus kummerċjali sinifikanti fil-kummerċ tal-prodotti mal-Marokk, li fl-2010 laħaq il-€5.9 biljun;
B. billi l-UE għandha surplus kummerċjali sostanzjali fil-kummerċ tal-agrikoltura u tas-sajd mal-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran ta' aktar minn €4 biljun iżda għandha defiċit kummerċjali bilaterali fl-agrikoltura u fis-sajd mal-Marokk, li kien ta' €633 miljun fl-2010;
C. billi fl-2009 l-agrikoltura kkontribwiet 16.4 % tal-PDG tal-Marokk u timpjega 'l fuq minn 40 % tal-forza tax-xogħol Marokkina; billi fl-2006 l-agrikoltura kkontribwiet 5.2 % tal-PDG tal-UE u timpjega 5.2 % tal-forza tax-xogħol Ewropea iżda, minkejja dan, xorta waħda hija ta' importanza straordinarja f'ċerti reġjuni tal-UE;
D. billi l-Ftehim jipprevedi l-liberalizzazzjoni immedjata ta' 55 % tat-tariffi fuq il-prodotti agrikoli u tas-sajd tal-UE (mit-33 % attwali) u ta' 70 % tat-tariffi fuq il-prodotti agrikoli u tas-sajd tal-Marokk fi żmien 10 snin (mil-1 % attwali);
E. billi l-monitoraġġ ta' prodotti sensittivi u l-applikazzjoni stretta tal-kwoti huma rekwiżiti meħtieġa għall-funzjonament bilanċjat tal-ftehim;
F. billi l-Marokk huwa wieħed mill-erba' pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran li għalihom il-Kunsill awtorizza direttivi ta' negozjati għal Ftehim ta' kummerċ ħieles profond u komprensiv (DCFTA); billi l-kummerċ fil-prodotti agrikoli se jiġi diskuss bħala parti minn dawn in-negozjati;
G. billi aktar minn 85 % tal-bdiewa Marokkini għandhom anqas minn ħames ettari ta' art u billi l-Marokk qed iwettaq riformi kbar biex jimmodernizza dan is-settur;
1. Ifakkar l-impenji tal-UE b'segwitu tar-Rebbiegħa Għarbija biex hija tgħin lill-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran fil-proċess ta' demokratizzazzjoni, billi tagħmel użu minn strumenti ta' kummerċ biex toffri opportunitajiet ekonomiċi u ta' libertà akbar; jilqa', f'dan il-kuntest, il-ftehim bħala pass pożittiv fl-appoġġ tal-istabilizzazzjoni politika u l-iżvilupp ekonomiku reċiproku u sostenibbli;
2. Jemmen li l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ bejn l-UE u l-Marokk tista' tagħti benefiċċji reċiproċi, li tmexxi t-tkabbir ekonomiku, il-prosperità, toħloq l-impjiegi u tnaqqas il-faqar;
3. Jenfasizza t-tħassib muri minn ċerti setturi tal-UE dwar iż-żieda fil-kwoti bla dazju fir-rigward tal-importazzjoni ta' frott u ħaxix sensittiv; jinnota l-ilmenti kostanti dwar l-implimentazzjoni tas-sistema tal-prezz ta' dħul u jitlob garanziji sabiex il-kwoti tariffarji futuri previsti fil-ftehim jibqgħu rregolati kif xieraq mill-UE u li ma jkun hemm l-ebda interpretazzjoni żbaljata tal-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu tal-prezz ta' dħul; jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni timmoniterja l-impatt ta' dan il-ftehim fuq il-produtturi Ewropej u biex tgħarraf lill-Parlament dwar dan, b'mod partikulari dwar id-dħul tal-bdiewa, u biex tikkumpensa għal kull impatt negattiv fuq dawn il-produtturi tal-UE;
4. Jilqa' l-miżuri mhux tariffarji addizzjonali fil-ftehim, bħall-protezzjoni supplimentari għall-indikazzjonijiet ġeografiċi Ewropej, mekkaniżmi msaħħa ta' salvagwardja u miżuri sanitarji u fitosanitarji (SPS); ifakkar, barra minn hekk, li l-UE u l-Marokk qablu dwar mekkaniżmu ta' soluzzjoni ta' tilwim li jippermetti lil kull waħda mill-partijiet tikseb rimedju jekk il-parti l-oħra ma tirrispettax it-termini tal-Ftehim;
5. Jenfasizza li l-aċċess għas-suq intern tal-UE għandu jkun bil-kundizzjoni li jintlaħqu ċerti standards ta' iġjene u ta' sikurezza, u jilqa' r-rapport pożittiv tal-2011 tal-Uffiċċju tal-Ikel u Veterinarju (FVO); jisħaq dwar l-importanza ta' kontrolli ta' iġjene bir-reqqa u regolari; jilqa' l-enfasi fil-Ftehim dwar miżuri SPS u jappella sabiex l-għajnuna teknika tkun fil-qofol tan-negozjati għal ftehim ta' kummerċ ħieles profond u komprensiv;
6. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-ftehim futur jirrispetta bis-sħiħ il-liġi internazzjonali u jkun ta’ benefiċċju għall-gruppi kollha tal-popolazzjoni lokali kkonċernati;
7. Jirrikonoxxi li l-Marokk irratifika l-biċċa l-kbira tal-konvenzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) u riċentement adotta leġiżlazzjoni li tagħmel illegali t-tħaddim tal-minorenni; madankollu, jenfasizza li għad hemm lok ta' titjib fir-rigward tal-libertà tal-assoċjazzjoni u t-tħaddim tal-minorenni; jistenna li, permezz tal-ftehim, titwettaq aktar ħidma biex jiġu implimentati l-konvenzjonijiet tal-ILO b'kooperazzjoni mal-UE, u li l-Marokk regolarment jippreżenta tagħrif aġġornat dwar il-kisbiet fl-implimentazzjoni;
8. Jilqa' r-riforma fis-settur agrikolu Marokkin, l-hekk imsejjaħ "Plan Vert", imfassal speċifikament biex ikun ta' appoġġ għall-bdiewa fuq skala żgħira u jagħtihom aċċess għat-teknoloġija moderna u għall-investiment. jappella għal appoġġ kontinwu mill-UE fil-metodi ta' produzzjoni biex tiġi skambjata l-aħjar prattika u biex jiġu megħjuna l-isforzi tal-Marokk għall-ħarsien tar-riżorsi tal-ilma;
9. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lid-Delegazzjoni tal-PE għar-Relazzjonijiet mal-Pajjiżi tal-Magreb, lill-Bureau tal-Assemblea Parlamentari tal-Unjoni għall-Mediterran u lill-Parlament u l-Gvern tal-Marokk.