Dokument ta' sessjoni
8.2.2012 B7‑0050/2012 /rev
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija ( 2012/2511(RSP) )
Joszef SZAJER, Manfred WEBER, Simon BUSUTTIL, Kinga GÁL
f'isem il-Grupp PPE-DE
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija ( 2012/2511(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet tal-Unjoni Ewropea dwar il-valuri fundamentali u l-libertajiet fundamentali, u b'mod partikolari l-Artikoli 2, 3 u 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 130 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi fit-18 ta' April 2011 il-Parlament Ungeriż adotta l-liġi fundamentali l-ġdida tal-Ungerija, il-Konstituzzjoni ġdida, li daħlet fil-liġi wara votazzjoni minn 262 membri tal-Parlament magħmul minn 386 siġġu;
B. billi l-Kostituzzjoni ġdida sostitwixxiet il-Kostituzzjoni kommunista, mill-1949 u billi l-Ungerija kienet l-uniku pajjiż fl-Ewropa Ċentrali li ma adottax liġi fundamentali ġdida minn mindu waqa' l-komuniżmnu;
C. billi l-Kostituzzjoni ġdida inkorporat bis-sħiħ il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u billi sistema elettorali ġdida, u aktar ġusta ġiet stabbilita, li toffri għotjiet lir-rappreżemtazzjoni tal-minoritajiet fil-Parlament;
D. billi r-rappreżentazzjoni taċ-ċittadini mill-Parlament tagħhom, elett domokratikament, tikkostitwixxi waħda mill-fundazzjonijiet essenzjali tas-soċjetajiet demokratiċi Ewropej u hija rikonoxxuta fit-Trattati Ewropej u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;
E. billi l-Kummissjoni Ewropea qajmet kwestjonijiet dwar l-aspetti tal-leġiżlazzjoni, li għandhom jiġu kkjarifikati;
1. Jirrifjuta l-attakki mingħajr provi fuq l-Ungerija li jitfgħu dubju fuq l-impenji demokratiċi tal-Gvern Ungeriż; Jiddikjara li tinħtieġ analiżi newtrali u bbażata fuq il-fatti, min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea;
2. Jafferma li l-Istati Membri għandhom kompetenza sovrana li jistabbilixxu l-Kostituzzjonijiet proprji tagħhom u li dan il-prinċipju jikkorispondi mas-sovranità tal-poplu bl-għan tal-awto determinazzjoni permezz tad-demokrazija;
3. Itenni li l-liġi tal-Unjoni tirrispetta l-kompetenza tal-Istati Membri li jadottaw il-Kostituzzjonijiet tagħhom fir-rigward tal-prinċipju u l-valuri tal-UE;
4. Jemmen li l-Istati Membri kollha għandhom jirrispettaw bis-sħiħ il-liġi tal-UE fil-prattika leġiżlattiva u amministrattiva taghħom, u li kwalunkwe leġilazzjoni, inkluża l-liġi primarja ta' kwalunkwe pajjiż li huwa Membru tal-UE jew kandidat li jixtieq jingħaqad mal-Unjoni, għandha tirrifletti u tkun konformi mal-valuri bażiċi Ewropej; prinċipji demokratiċi, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali;
5. Isostni r-rwol tal-Kummissjoni Ewropea li tiżgura li l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali huma konformi kemm mat-Trattati tal-Unjoni Ewropea kif ukoll mal-valuri Ewropej u f'dan il-kuntest, il-valutazzjoni attwali tal-liġijiet kardinali Ungeriżi ġodda;
6. Jistieden lill-Gvern Ungeriż jaħdem fil-qrib mal-Kummissjoni Ewropea biex jiżgura li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ġdida hija konformi mal-liġi tal-UE u, jekk meħtieġ, jagħmel modifiki;
7. Isostni, abbażi tat-Trattati Ewropej, ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-konformità tal-liġijiet kardinali Ungeriżi ġodda mal-liġi tal-UE, taħt il-kontroll tal-Qort tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea;
8. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri u lill-President tar-Repubblika tal-Ungerija.