Dokument ta' sessjoni

 

7.3.2012                                                                                                                  B7‑0131/2012

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar is-sitwazzjoni fin-Niġerja ( 2012/2550(RSP) )

Charles Tannock, Peter van Dalen, Tomasz Piotr Poręba, Konrad Szymański, Ryszard Antoni Legutko, Ryszard Czarnecki

f'isem il-Grupp ECR

 

B7‑0131/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fin-Niġerja ( 2012/2550(RSP) )

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar in-Niġerja, b'mod partikolari dik tas-6 ta' Mejju 2010 dwar l-atroċitajiet tal-massa f'Jos, fin-Niġerja,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mir-Rappreżentant Għoli Catherine Ashton u l-kelliema tagħha, b'mod partikolari dawk tas-26 ta' Diċembru 2011 u tat-22 ta' Jannar 2012,

–   wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tar-Repubblika Federali tan-Niġerja u b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-libertà reliġjuża stipulati fil-Kapitolu IV tagħha - Id-dritt għal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Cotonou rivedut, b’mod partikolari l-Artikolu 8 tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A. billi fl-1999, terz tas-36 stat Niġerjan daħħlu l-kodiċi penali Islamiku, u b'hekk għamlu x-xarija (il-liġi Islamika) l-ogħla awtorità legali, u ħolqu stat reliġjuż de facto, bi ksur tal-kostituzzjoni nazzjonali sekolari; billi d-dispożizzjonijiet dwar il-kastigi taħt ix-xarija jinkludu l-piena tal-mewt għal 'offiżi sesswali', amputazzjonijiet u swat bil-frosta; billi l-proċedimenti ta' dawn il-qrati huma inkompatibbli ma' standards internazzjonali aċċettati rigward il-proċess dovut tal-liġi u huma diskriminatorji kontra n-nisa;

B.  billi, skont ir-rapporti dwar id-drittijiet tal-bniedem, fl-2012, il-vjolenza reliġjuża fit-Tramuntana tan-Niġerja swiet il-ħajja ta' madwar 1 000 persuna;

C. billi l-ġrajjiet vjolenti riċenti jinkludu attakk bil-bombi kontra l-bini tan-Nazzjonijiet Uniti f'Abuja fis-26 ta' Awwissu 2012, attakki fuq knejjes u simboli reliġjużi madwar in-Niġerja tul żmien il-Milied fl-2011, mewġa ta' attakki li qatlet iktar minn 150 ċittadin f'Kano, fit-Tramuntana tan-Niġerja fl-20 ta' Jannar u attakk suwiċida fuq knisja f'Jos fis-26 ta' Frar 2012;

D. billi l-organizzazzjoni terroristika Boko Haram saret responsabbli mill-biċċa l-kbira tal-vjolenza f'dawn l-aħħar snin u għadha tintensifika l-attakki tagħha;

E.  billi l-gruppi militanti fin-Nofsinhar heddew li jirritaljaw kontra l-persuni Musulmani mit-Tramuntana li jgħixu fin-Nofsinhar jekk l-attakki kontra l-Kristjani fit-Tramuntana ma jieqfux;

F.  billi l-kawżi fl-għeruq ta' din il-vjolenza jinkludu mhux biss il-qasma etnika u reliġjuża, iżda wkoll il-faqar mifrux, l-inugwaljanza, sistemi ta' klijenteliżmu u diviżjonijiet politiċi qerrieda; billi, għalkemm in-Niġerja hija t-tmien l-akbar produttur taż-żejt fid-dinja, il-maġġoranza tal-abitanti tagħha jgħixu fil-faqar;

G. billi s-sena 2012 fin-Nigerja bdiet bi strajkijiet fil-pajjiż kollu u dimostrazzjonijiet tal-massa kontra l-korruzzjoni tal-gvern u prezzijiet tal-fjuwil li kienu qed jogħlew immens wara li nqatgħu s-sussidji;

H. billi l-UE hija donatur finanzjarju ewlieni tan-Niġerja u billi l-Kummissjoni Ewropea u l-Gvern Federali tan-Niġerja fit-12 ta' Novembru 2009 ffirmaw id-Dokument ta' Strateġija għall-Pajjiż Niġerja-KE u l-Programm Indikattiv Nazzjonali għall-perjodu 2008-2013, skont liema dokumenti l-UE se tiffinanzja proġetti bl-għanijiet, inter alia, tal-paċi u s-sigurtà u d-drittijiet tal-bniedem;

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-attakki terroristiċi fuq il-komunitajiet Kristjani, il-beni u s-simboli tagħhom u l-ġlied vjolenti u t-telf traġiku tal-ħajja li jirriżulta minnu; jesprimi s-solidarjetà u l-kondoljanzi tiegħu lill-vittmi u l-familji tagħhom;

2.  Jistieden lill-gvernijiet Federali u tal-Istat biex jaħdmu iktar bex jipproteġu komunitajiet vulnerabbli, speċjalment fil-partijiet tat-Tramuntana u taċ-ċentru tal-pajjiż, partikolarment fl-Istati ta' Yobe u Bauchi, permezz ta' iktar rondi regolari min-naħa tal-pulizija;

3.  Jilqa' l-isforzi li saru fil-livelli Federali u ta' Stat li wasslu għall-arrest ta' persuni li kienu magħrufa li pparteċipaw, jew instabu li pparteċipaw, f'attakki vjolenti; jistieden lill-awtoritajiet Niġerjani jtemmu l-impunità billi jiżguraw il-prosekuzzjoni ta' min hu ħati, u jiżguraw li n-nies ma jieħdux il-liġi f'idejhom;

4.  Jistieden lill-awtoritajiet Niġerjani biex mhux biss jippruvaw jevitaw iktar vjolenza, iżda wkoll jindirizzaw il-kawżi li jikkaġunawha, bħas-sistema tal-almajiri (tallaba), il-faqar mifrux, l-inugwaljanzi ekonomiċi, in-nuqqas ta' aċċess għall-art agrikola għammiela u riżorsi oħra, il-korruzzjoni, il-vjolenza mill-pulizija u d-diskors ta' mibgħeda;

5.  Jistieden lill-Gvern Niġerjan biex jintervjeni f’każi individwali ta’ persuni proċessati skont il-liġi tax-xarija u li ġew ikkundannati għall-mewt, għall-amputazzjoni, għas-swat bil-frosta jew għal trattament inuman u degradanti ieħor li jikser il-Kostituzzjoni Niġerjana kif ukoll il-liġi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;

6.  Iħeġġeġ lill-UE tkompli d-djalogu politiku tagħha man-Niġerja skont l-Artikolu 8 tal-Ftehim ta' Cotonou rivedut, u biex f'dak il-kuntest tindirizza kwistjonijiet relatati mal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza, tar-reliġjon jew tat-twemmin, kif imħaddna fi strumenti universali, reġjonali u nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;

7.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, u lill-Gvern u lill-Parlament tan-Niġerja.