Dokument ta' sessjoni

 

7.3.2012                                                                                                                  B7‑0000/2012

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Kunsill u mill-Kummissjoni

skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar l-indirizzar tal-epidemija tad-dijabete fl-UE

 

Christel Schaldemose, Linda McAvan

f’isem il-Grupp S&D

 

B7‑0000/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-indirizzar tal-epidemija tad-dijabete fl-UE

Il-Parlament Ewropew,

–      wara li kkunsidra l-Artikolu 168 tat-Trattat ta' Liżbona,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Saint Vincent dwar il-Kura u r-Riċerka tad-Dijabete fl-Ewropa, adottata waqt l-ewwel laqgħa tal-Programm ta' Azzjoni dwar id-Dijabete tad-Dikjarazzjoni ta' Saint Vincent, li saret f'Saint Vincent bejn l-10 u t-12 ta' Ottubru 1989[1],

- wara li kkunsidra l-ħolqien mill-Kummisjoni ta' Pjattaforma tal-UE dwar id-Dieta, l-Attività Fiżika u s-Saħħa fil-15 ta' Marzu 2005[2],

- wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tat-8 ta' Diċembru 2005 dwar "Il-promozzjoni ta’ dieta tajba għas-saħħa u tal-attività fiżika: Dimensjoni Ewropea għall-prevenzjoni tal-ħxuna, l-obeżità u l-mard kroniku", li tindirizza d-determinanti li fuqhom huwa bbażat il-bidu tad-dijabete tat-Tip 2 [3],

- wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Konferenza tal-Presidenza Awstrijaka "Il-prevenzjoni tad-dijabete tat-Tip 2", li saret fil-15 u s-16 ta' Frar 2006 fi Vjenna[4],

- wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni bil-Miktub tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' April 2006 dwar id-dijabete[5],

- wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-1 ta' Ġunju 2006 dwar "Il-promozzjoni ta' stili ta' ħajja li huma tajbin għas-saħħa u l-prevenzjoni tad-dijabete tat-Tip 2"[6],

- wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa tal-11 ta' Settembru 2006 dwar "il-Prevenzjoni u l-kontroll ta' mard li ma jitteħidx fir-reġjun Ewropew tal-WHO"[7],

- wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tat-18 ta' Jannar 2007 dwar "il-Jum Dinji tad-Dijabete"[8],

- wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2007 li tistabbilixxi t-tieni programm ta' azzjoni Komunitarja fil-qasam tas-saħħa (2008-2013)[9], u d-deċiżjoni sussegwenti tal-Kummissjoni tat-22 ta' Frar 2011 dwar il-kontribuzzjonijiet finanzjarji għall-azzjonijiet ta' dan il-programm[10],

- wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tat-23 ta' Ottubru 2007 dwar "Flimkien għas-Saħħa: Approċċ Strateġiku għall-UE 2008-2013"[11],

- wara li kkunsidra s-Seba' Programm Kwadru għall-attività ta' riċerka (2007-2013)[12] u l-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni – Orizzont 2020[13],

- wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Ottubru 2009 dwar "Is-solidarjetà fis-saħħa: it-tnaqqis tal-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa fl-UE"[14],

- wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tat-18 ta' Jannar 2007 dwar "Il-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard li ma jitteħidx"[15],wara li kkunsidra r-riżultati u r-rakkomandazzjonijiet prinċipali tal-proġett FP7-HEALTH-200701 "DIAMAP – Pjan direzzjonali għar-riċerka dwar id-dijabete fl-Ewropa"[16],

- wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ottubru 2010 dwar "Inizjattiva emblemika Europa 2020 – Unjoni innovattiva", u s-sħubija pilota tagħha dwar it-tixjiħ attiv u san[17],

- wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-7 ta' Diċembru 2010 dwar "Approċċi innovattivi għall-mard kroniku fis-sistemi tas-saħħa pubblika u ta' kura tas-saħħa"[18],

- wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni dwar il-Modalitajiet tan-Nazzjonijiet Uniti tat-13 ta' Diċembru 2010[19],

- wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Moscow adottata matul l-ewwel konferenza ministerjali dinjija tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Istili tal-Ħajja Sani u l-Kontroll tal-Mard li ma Jitteħidx, li saret f'Moska fit-28 u d-29 ta' April 2011[20],

–       wara li kkunsidra s-Samit tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-mard li ma jitteħidx li sar f'Settembru 2011,

-       wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Settembru 2011 dwar il-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea u l-impenn tagħha għal-laqgħa ta' livell għoli tan-NU dwar il-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard li ma jitteħidx,

 

A. billi d-dijabete hija waħda mill-iktar mard komuni li ma jitteħidx, stmata li taffettwa iktar minn 32 miljun ċittadin tal-UE, ammont li jirrappreżenta kważi 10 % tal-popolazzjoni kollha tal-UE, bi 32 miljun ċittadin ieħor li jsofru minn tolleranza mnaqqsa għall-glukożju u bi probabilità kbira ħafna li din twassal għal dijabete li tkun tidher b'mod kliniku[21],

B. billi n-numru ta' persuni li qed jgħixu bid-dijabete fl-Ewropa huwa mistenni jiżdied b'16.6 % sal-2030, konsegwenza tal-epidemija tal-obeżità, it-tixjiħ tal-popolazzjoni Ewropea u fatturi oħrajn li għad iridu jiġu ddeterminati,

C. billi d-dijabete tat-Tip 2 tnaqqas l-istennija tal-ħajja b'bejn 5 u 10 snin u d-dijabete tat-Tip 1 tnaqqas l-istennija tal-ħajja b'madwar 20 sena[22], filwaqt li 325,000 mewt fis-sena huma attribwiti lid-dijabete fl-UE[23], jiġifieri ċittadin tal-UE kull żewġ minuti,

D. billi t-tnaqqis tal-fatturi ta' riskju identifikati, l-iktar id-drawwiet tal-istil tal-ħajja, huwa dejjem aktar rikonoxxut bħala strateġija ewlenija ta' prevenzjoni li tista' tnaqqas l-inċidenza, il-prevalenza u l-kumplikazzjonijiet kemm għad-dijabete tat-Tip 1 kif ukoll għal dik tat-Tip 2,

E. billi għadha meħtieġa riċerka biex jiġu identifikati b'mod ċar il-fatturi ta' riskju għad-dijabete tat-Tip 1, filwaqt li qed issir riċerka dwar il-predispożizzjoni ġenetika u d-dijabete tat-Tip 1 tinqabad f'età dejjem iktar żgħira,

F. billi d-dijabete tat-Tip 2 hija marda li tista' tiġi evitata u li l-fatturi ta' riskju għaliha –bħal dieta fqira u mhux ibbilanċjata, l-obeżità, in-nuqqas ta' attività fiżika u l-konsum tal-alkoħol – ġew identifikati b'mod ċar u jistgħu jiġu indirizzati permezz ta' strateġiji effikaċi ta' prevenzjoni,

G. billi għalissa għad m'hemm ebda kura għad-dijabete,

H. billi l-kumplikazzjonijiet tad-dijabete tat-Tip 2 jistgħu jiġu evitati permezz tal-promozzjoni ta' stili tal-ħajja iktar sani u d-djanjożi bikrija; billi imma spiss tiġi djanjosikata tard wisq u sa 50 % tal-persuni kollha bid-dijabete bħalissa ma jafux bil-kundizzjoni tagħhom[24],

I. billi sa 75 % tal-persuni kollha li għandhom id-dijabete mhumiex f'kontroll tajjeb tal-kundizzjoni tagħhom, ħaġa li twassal għal riskju akbar ta' komplikazzjonijiet, telf ta' produttività u kostijiet kbar għas-soċjetà[25] kif instab minn studju riċenti mill-London School of Economics[26];

J. billi f'ħafna Stati Membri d-dijabete hija responsabbli għal iktar minn 10 % tal-infiq għall-kura tas-saħħa, ċifra li xi kultant titla' sa 18.5 %, u l-ispiża ġenerali għall-kura tas-saħħa għal ċittadin tal-UE bid-dijabete hija bħala medja EUR 2100 fis-sena[27], u billi dawn l-ispejjeż inevitabbilment se jiżdiedu meta jitqies in-numru ta' nies bid-dijabete, it-tixjiħ tal-popolazzjoni u ż-żieda assoċjata fil-komorbożitajiet multipli;

K. billi d-dijabete hija kawża prinċipali ta' attakki tal-qalb, attakki ta' puplesija, agħma, amputazzjoni u problemi bil-kliewi, jekk dik ma tiġix trattata kif suppost jew djanjostikata tard wisq,

L. billi l-promozzjoni ta' stili tal-ħajja sani u l-indirizzar tal-erba' fatturi prinċipali li huma ta' detriment għas-saħħa – it-tabakk, dieta ħażina, in-nuqqas ta' attività fiżika u l-alkoħol – fl-oqsma politiki kollha jistgħu jagħtu kontribut kbir għall-prevezjoni tad-dijabate, il-kumplikazzjonijiet tagħha u l-kostijiet ekonomiċi u soċjali tagħha,

M. billi l-persuni li qed jgħixu bid-dijabete għandhom jipprovdu 95 % tal-kura tagħhom stess[28], u billi l-piż tad-dijabete fuq l-individwi u l-familji tagħhom mhuwiex biss finanzjarju, iżda jinvolvi wkoll kwistjonijiet psikosoċjali u kwalità ta' ħajja iktar fqira;

N. billi 14 biss minn 27 Stat Membru għandhom qafas jew programm nazzjonali fis-seħħ biex tiġi indirizzata d-dijabete, u ma jeżisti ebda kriterju dwar x'inhu programm tajjeb jew liema huma l-pajjiżi tal-aħjar prattika[29], u billi hemm differenzi u inugwaljanzi konsiderevoli fil-kwalità tat-trattament tad-dijabete fl-UE;

O. billi ma jeżisti l-ebda qafas legali tal-UE għad-diskriminazzjoni kontra l-persuni li jbatu mid-dijabete jew minn mard kroniku ieħor, u l-preġudizzju kontra dawk li jbatu minn dan il-mard għad għandu rwol kbir fl-iskejjel, fir-reklutaġġ, fil-postijiet tax-xogħol, fil-poloz tal-assikurazzjoni u fil-valutazzjoni għal liċenzji tas-sewqan fl-UE kollha;

P. billi hemm nuqqas ta' finanzjament u infrastruttura biex tiġi kkoordinata r-riċerka dwar id-dijabete fl-UE, ħaġa li qed ikollha impatt negattiv fuq il-kompetittività tar-riċerka tal-UE dwar id-dijabete u li qed tipprevjeni lill-persuni li għandhom id-dijabete milli jibbenefikaw għalkollox mir-riċerka fl-Ewropa,

Q. billi bħalissa m'hemm l-ebda strateġija Ewropea biex tiġi indirizzata d-dijabete minkejja l-Konlużjonijiet tal-Kunsill tal-Presidenza Awstrijaka dwar "Il-promozzjoni ta' stili ta' ħajja li huma tajbin għas-saħħa u l-prevenzjoni tad-dijabete tat-Tip 2"[30], lista estensiva ta' Riżluzzjonijiet tan-NU u d-Dikjarazzjoni bil-Miktub tal-Parlament Ewropew dwar id-dijabete;

 

1.  Jilqa' l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar "Approċċi innovattivi għall-mard kroniku fis-sistemi tas-saħħa pubblika u ta' kura tas-saħħa"[31] u t-talba tiegħu lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jibdew proċess ta' riflessjoni mmirat lejn l-ottimizzazzjoni tar-reazzjoni għall-isfidi tal-mard kroniku;

2.  Jilqa' r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea u l-impenn tagħha għal-laqgħa ta' livell għoli tan-NU dwar il-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard li ma jitteħidx li tiffoka fuq id-dijabete bħala wieħed mill-erba' mardiet ewlenin li ma jitteħdux[32];

3.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa u timplimenta Strateġija tal-UE għad-Dijabete fil-forma ta' Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-UE dwar il-prevenzjoni, id-djanjosi, il-ġestjoni, l-edukazzjoni u riċerka tad-dijabete;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni tħejji kriterji u metodi komuni u standardizzati għall-ġbir tad-data dwar id-dijabete, u b'kollaborazzjoni mal-Istati Membri, biex tikkoordina, tiġbor, tirreġistra, timmoniterja u tiġġestixxi d-data epidemjoloġika komprensiva dwar id-dijabet u data ekonomika dwar il-kostijiet diretti u indiretti tal-prevenzjoni u l-ġestjoni tad-dijabete;

5.  Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw, jimplimentaw u jimmoniterjaw programmi nazzjonali dwar id-dijabete mmirati lejn il-promozzjoni tas-saħħa, it-tnaqqis, it-tbassir u l-prevenzjoni tal-fatturi ta' riskju, id-djanjosi bikrija u t-trattament tad-dijabete, intenzjonati għall-popolazzjoni kollha u għal gruppi li jinsabu f'riskju għoli b'mod partikulari u bl-għan li jnaqqsu l-inugwaljanzi u jottimizzaw ir-riżorsi tal-kura tas-saħħa;

6.  Jitlob lill-Istati Membri jippromwovu l-prevenzjoni tad-dijabete tat-Tip 2 u l-obeżità –filwaqt li jirrakkomanda li l-istrateġiji jiġu implimentati minn età bikrija permezz tal-edukazzjoni dwar drawwiet dietetiċi sani u l-attività fiżika fl-iskejjel – strateġiji favur l-istil tal-ħajja san, inklużi approċċi tad-dieta u tal-eżerċizzju, u d-djanjosi bikrija bħala oqsma prinċipali għall-azzjoni fil-programmi nazzjonali tagħhom dwar id-dijabete;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa lill-Istati Membri billi tippromwovi l-iskambju tal-aħjar prattiki dwar il-programmi nazzjonali tajbin dwar id-dijabete; jenfasizza l-bżonn li l-Kummissjoni timmoniterja l-progress b'mod kontinwu fir-rigward tal-implimentazzjoni mill-Istati Membri tal-programmi nazzjonali dwar id-dijabete u li tirrappreżenta r-riżultati kull tliet snin fil-forma ta' rapport tal-Kummissjoni;

8.  Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw programmi ta' ġestjoni tal-mard ibbażati fuq l-aħajr prattiki u linji gwida dwar it-trattament ibbażati fuq l-evidenza;

9.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw l-aċċess kontinwu għall-pazjenti tal-kura primarja u sekondarja għal timijiet interdixxiplinari, trattamenti tad-dijabete u teknoloġiji ta' kwalità għolja, inklużi teknoloġiji tas-saħħa elettronika, u biex jappoġġaw lill-pazjenti fil-ksib u ż-żamma tal-ħiliet u l-fehim meħtieġa biex ikollhom awtoġestjoni kompetenti tul il-ħajja kollha;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jtejbu l-koordinazzjoni tar-riċerka Ewropea dwar id-dijabete billi jħeġġu l-kollaborazzjoni bejn id-dixxiplini tar-riċerka u joħolqu infrastrutturi ġenerali komuni li jiffaċilitaw l-isforzi tar-riċerka Ewropea dwar id-dijabete, anke fl-oqsma tal-identifikazzjoni u tal-prevenzjoni tal-fatturi ta' riskju;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw l-appoġġ kontinwu għall-finanzjament tad-dijabete taħt il-Programmi Qafas għar-Riċerka tal-UE kurrenti u futuri, filwaqt li jqis li d-dijabete tat-Tip 1 hija marda differenti minn dik tat-Tip 2;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex jiżguraw is-segwitu xieraq u adegwat għar-riżultati tas-Samit tan-NU dwar il-Mard li ma Jitteħidx f'Settembru 2011

13.  Ifakkar l-importanza li l-UE u l-Istati Membri jintegraw aktar il-prevenzjoni u t-tnaqqis ta' fatturi ta' riskju fl-oqsma leġiżlattivi u ta' politika kollha u b'mod partikolari fil-politiki tal-ambjent, tal-ikel u tal-konsumatur tagħhom, sabiex jiġu implimentati l-objettivi marbutin mal-mard li ma jitteħidx u biex jiġu indirizzati l-isfidi għas-saħħa pubblika, soċjali u ekonomiċi;

14.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, il-Kummissjoni u l-parlamenti tal-Istati Membri.

[1] http://www.idf.org/webdata/docs/idf-europe/SVD%201989.pdf
[2] http://ec.europa.eu/health/nutrition_physical_activity/platform/index_en.htm
[3] http://ec.europa.eu/health/ph_determinants/life_style/nutrition/documents/nutrition_gp_en.pdf
[4] http://www.msps.es/organizacion/sns/planCalidadSNS/pdf/excelencia/cuidadospaliativos-diabetes/DIABETES/opsc_est9.pdf.pdf
[5] http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-//EP//TEXT+TA+P6-TA-2006-0185+0+DOC+XML+V0//EN&language=EN
[6] http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:C:2006:147:0001:0004:EN:PDF; http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_Data/docs/pressdata/en/lsa/89847.pdf
[7] http://www.euro.who.int/__data/assets/pdf_file/0004/77575/RC56_eres02.pdf
[8]http://www.un.org/ga/search/view_doc.asp?symbol=A/RES/64/265&referer=http://www.un.org/en/ga/president/65/issues/ncdiseases.shtml&Lang=E
[9] http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:L:2007:301:0003:0013:MT:PDF
[10] http://ec.europa.eu/eahc/documents/health/calls/2011/WP2011_mt.pdf
[11] http://ec.europa.eu/health/ph_overview/Documents/strategy_wp_mt.pdf
[12] Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 (ĠU L 412, 30.12.2006, p. 1), http://cordis.europa.eu/documents/documentlibrary/90798681MT6.pdf
[13] http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2011:0808:FIN:mt:PDF
[14] http://ec.europa.eu/health/ph_determinants/life_style/nutrition/documents/nutrition_gp_mt.pdf
[15]http://www.un.org/ga/search/view_doc.asp?symbol=A/RES/64/265&referer=http://www.un.org/en/ga/president/65/issues/ncdiseases.shtml&Lang=E
[16] http://www.diamap.eu/report/DIAMAP-Road-Map-Report-Sept2010.pdf
[17] http://www.leru.org/files/general/innovation-union-communication_en.pdf
[18] http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_Data/docs/pressdata/en/lsa/118282.pdf
[19] http://www.un.org/ga/search/view_doc.asp?symbol=A/65/L.50&Lang=E
[20] http://www.who.int/nmh/events/moscow_ncds_2011/conference_documents/moscow_declaration_en.pdf
[21] International Diabetes Federation (il-Federazzjoni Internazzjonali tad-Dijabete), IDF Diabetes Atlas, ir-4 edizzjoni, 2009, http://www.diabetesatlas.org/downloads
[22] http://www.diabetes.org.uk/Documents/Reports/Diabetes_in_the_UK_2010.pdf
[23] International Diabetes Federation (il-Federazzjoni Internazzjonali tad-Dijabete), IDF Diabetes Atlas, it-3 edizzjoni, Brussell, 2006, http://www.diabetesatlas.org/sites/default/files/IDF%20Diabetes%20Atlas-2007%20(3rd%20edition).pdf
[24] Diabetes – The Policy Puzzle: towards benchmarking in the EU 25 (2005), il-Federazzjoni Internazzjonali tad-Dijabete, 2006, http://www.idf.org/webdata/docs/idf-europe/DiabetesReport2005.pdf
[25] Diabetes – The Policy Puzzle: towards benchmarking in the EU 25 (2005), il-Federazzjoni Internazzjonali tad-Dijabete, 2006, http://www.idf.org/webdata/docs/idf-europe/DiabetesReport2005.pdf
[26] Diabetes expenditure, burden of disease and management in 5 EU countries, 2012 http://www2.lse.ac.uk/LSEHealthAndSocialCare/research/LSEHealth/MTRG/LSEDiabetesReport26Jan2012.pdf
[27] Diabetes – The Policy Puzzle: towards benchmarking in the EU 27 (2007) http://www.idf.org/webdata/docs/EU-diabetes-policy-audit-2008.pdf
[28] http://www.worlddiabetesday.org/media/press-materials/press-releases/idf-launches-world-diabetes-day-2010-campaign
[29] Diabetes – The Policy Puzzle: towards benchmarking in the EU 27 (2007) http://www.idf.org/webdata/docs/EU-diabetes-policy-audit-2008.pdf
[30] http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:C:2006:147:0001:0004:EN:PDF; http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_Data/docs/pressdata/en/lsa/89847.pdf
[31] http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_Data/docs/pressdata/en/lsa/118282.pdf
[32] http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?type=TA&language=MT&reference=P7-TA-2011-0390