Dokument ta' sessjoni

 

20.3.2012                                                                                                                B7‑0189/2012

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni

skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar ir-rapport ta’ progress 2011 dwar it-Turkija

Ria Oomen-Ruijten

f'isem il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin

 

B7‑0189/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-rapport ta’ progress 2011 dwar it-Turkija ( 2011/2889(RSP) )

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-rapport ta’ progress tat-Turkija għall-2011 tal-Kummissjoni ( SEC(2011)1201 ),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bit-titolu ''Strateġija ta' Tkabbir u Sfidi Ewlenin 2011-2012'' ( COM(2011)0666 ),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu tas-27 ta' Settembru 2006 dwar il-progress tat-Turkija lejn l-adeżjoni[1], tal-24 ta' Ottubru 2007 dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u t-Turkija[2], tal-21 ta' Mejju 2008 dwar ir-rapport ta’ progress tat-Turkija għall-2007[3], tat-12 ta' Marzu 2009 dwar ir-rapport ta' progress tat-Turkija għall-2008[4], tal-10 ta’ Frar 2010 dwar ir-rapport ta’ progress tat-Turkija għall-2009[5], tad-9 ta' Marzu 2011 dwar ir-rapport ta' progress tat-Turkija għall-2010[6], tas-6 ta' Lulju 2005[7] u tat-13 ta' Frar 2007[8] dwar ir-rwol tan-nisa fit-Turkija fil-ħajja soċjali, ekonomika u politika,

–   wara li kkunsidra l-Qafas ta' Negozjar għat-Turkija tat-3 ta' Ottubru 2005,

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/157/KE tat-18 ta’ Frar 2008 dwar il-prinċipji, il-prijoritajiet u l-kundizzjonijiet li jinsabu fis-Sħubija għall-Adeżjoni mar-Repubblika tat-Turkija[9] (“ls-Sħubija għall-Adeżjoni”), kif ukoll d-deċiżjonijiet preċedenti tal-Kunsill dwar is-Sħubija għall-Adeżjoni tal-2001, l-2003 u l-2006,

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta' Diċembru 2010 u tal-5 ta' Diċembru 2011,

–   wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea[10],

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi n-negozjati għall-adeżjoni mat-Turkija nfetħu fit-3 ta' Ottubru 2005 wara l-approvazzjoni mill-Kunsill tal-Qafas ta' Negozjar, u billi l-ftuħ ta' tali negozjati huwa l-punt ta' tluq ta' proċess twil u mingħajr limitu ibbażat fuq kundizzjonalità stretta u impenn lejn ir-riforma;

B.  billi t-Turkija impenjat ruħha li twettaq riformi, li jkollha relazzjonijiet tajba mal-ġirien u lejn l-allinjament progressiv mal-UE, u billi dawn l-isforzi għandhom jitqiesu bħala opportunità għat-Turkija stess sabiex timmodernizza ruħha, tikkonsolida u ttejjeb aktar l-istituzzjonijiet demokratiċi tagħha, l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali;

C. billi l-konformità sħiħa mal-kriterji kollha ta' Kopenħagen u l-kapaċità ta' integrazzjoni tal-UE, skont il-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2006, għadhom il-bażi għall-adeżjoni mal-UE, li hija komunità bbażata fuq valuri komuni, kooperazzjoni sinċiera u solidarjetà reċiproka bejn l-Istati Membri kollha tagħha;

D. billi fir-rapport ta' progress tagħha għall-2011 il-Kummissjoni kkonkludiet li t-Turkija kien pajjiż ta’ importanza ewlenija għas-sigurtà u l-prosperità tal-Unjoni Ewropea, li l-kontribut tagħha lill-Unjoni Ewropea f'numru ta' oqsma kruċjali jkun totalment effikaċi b'aġenda pożittiva u b'approċċ kredibbli għall-proċess ta' negozjar u li għadu kruċjali li t-Turkija tkompli bir-riformi tagħha fir-rigward tal-kriterji politiċi flimkien mal-ħtieġa ta' sforzi sinifikanti oħra sabiex jiġu żgurati d-drittijiet fundamentali;

E.  billi l-Kummissjoni nediet aġenda pożittiva mġedda bejn l-UE u t-Turkija sabiex jagħtu direzzjoni lill-futur b'mod konġunt u proattiv; billi din l-aġenda pożittiva tibni fuq il-pedamenti solidi tar-relazzjonijiet bejn l-UE u t-Turkija u tmexxi l-proċess ta' riforma 'l quddiem; billi din l-inizjattiva ġdida ma tiħux post in-negozjati għall-adeżjoni imma tikkumplimentahom billi tappoġġja r-riformi u tespandi d-drittijiet u l-libertajiet għaċ-ċittadini Torok;

F.  billi t-Turkija, għas-sitt sena konsekuttiva, għadha ma implimentatx id-dispożizzjonijiet tal-Ftehima ta' Assoċjazzjoni KE-Turkija u l-Protokoll Addizzjonali tagħha;

G. billi għal benefiċċju tagħha stess u bil-ħsieb li tittejjeb l-istabilità u jkunu promossi r-relazzjonijiet tajba mal-ġirien u s-sħubija politika u ekonomika pożittiva, it-Turkija jeħtiġilha tħaffef fl-isforzi tagħha sabiex issolvi kwistjonijiet bilaterali pendenti, inklużi obbligi legali li għadhom mhux solvuti u tilwimiet dwar il-fruntieri tal-art u tal-baħar u tal-ispazju tal-ajru, mal-ġirien diretti tagħha, bi qbil mad-dispożizzjonijiet tal-Karta tan-NU u mal-liġi internazzjonali;

H. billi l-ekonomija tat-Turkija ttriplikat fid-daqs tul l-aħħar għaxar snin, kibret bi kważi 10% fl-aħħar sena u hija meqjusa bħala waħda mill-aktar ekonomiji li qed jikbru b'ritmu mgħaġġel u waħda mis-seba' l-akbar ekonomiji emerġenti fid-dinja; billi l-kummerċ bejn l-Unjoni Ewropea u t-Turkija kien ta' EUR 103 biljun fl-2010, biex b'hekk it-Turkija hija s-seba' l-akbar sieħba kummerċjali tal-Unjoni u l-Unjoni l-akbar sieħba tat-Turkija, bi 80% mill-investiment barrani dirett fit-Turkija joriġina mill-Unjoni Ewropea; billi l-impriżi tal-UE ħolqu aktar minn 13 000 negozju fit-Turkija; billi, madankollu, il-PDG tat-Turkija għadu baxx meta mqabbel mal-maġġoranza tal-Istati Membri tal-UE, partikolarment dawk l-aktar kompetittivi; billi PDG per capita relattivament baxx f'pajjiż kbir kandidat joħloq sfidi partikolari fl-oqsma tal-konvergenza ekonomika u soċjali mal-Istati Membri attwali; billi t-tkabbir ekonomiku għandu jirrispetta wkoll il-prinċipju tas-sostenibilità ambjentali; billi kemm it-Turkija kif ukoll l-UE it-tnejn għandhom x'jakkwistaw minn integrazzjoni ekonomika kontinwa;

I.   billi d-djalogu u l-kooperazzjoni mat-Turkija dwar l-istabilità, id-demokrazija u s-sigurtà fil-Lvant Nofsani fuq skala usa' huma strateġiċi; billi t-Turkija, mibnija fuq Stat sekulari solidu, tista', fil-kuntest ta' proċess effettiv ta' riforma, tkun sors ta' ispirazzjoni għad-demokratizzazzjoni tal-Istati Għarab fl-isforzi tagħhom biex itemmu t-tranżizzjoni demokratika u r-riformi soċjoekonomiċi tagħhom; billi djalogu strutturat bejn l-UE u t-Turkija dwar il-koordinament progressiv tal-politiki esteri u tal-viċinat rispettivi tagħhom jistgħu jipprovdu sinerġiji uniċi, b'mod partikolari permezz ta' appoġġ għad-demokratizzazzjoni u r-riforma soċjoekonomika tar-reġjun kollu tal-Mediterran u tal-Lvant Nofsani b'mod ġenerali u fir-rigward tal-isfidi ppreżentati mill-Iran;

J.   billi t-Turkija hija kuridur ewlieni tal-enerġija tal-UE għar-riżorsi taż-żejt u l-gass tal-Kawkasu u l-Kaspju u għandha viċinanza strateġika għall-Iraq u għas-swieq fi żvilupp tiegħu taż-żejt mhux raffinat u tal-gass naturali; billi s-sistema ppjanata ta' pajpijiet ta' Nabucco għadha waħda mill-ogħla prijoritajiet għas-sigurtà tal-enerġija tal-UE; billi t-Turkija u l-Azerbaijan kkonkludew ftehim fil-25 ta' Ottubru 2011 dwar il-mogħdija ta' gass mill-Azerbaijan minn fuq art Torka li se tiftaħ il-passaġġ ta' gass tan-Nofsinhar, issaħħaħ il-provvistà tal-gass għas-sistema ppjanata ta' pajpijiet ta' Nabucco u għall-passaġġ ta' mogħdija tal-gass ITGI (Interkonnettur Turkija-Greċja-Italja), biex b'hekk tissaħħaħ is-sigurtà tal-enerġija tal-Unjoni; billi t-Turkija għandha potenzjal sinifikanti fl-enerġija rinnovabbli mill-għejun solari, tar-riħ u ġeotermali sinifikanti tagħha;

K. billi l-paċi dejjiema, l-istabilità u l-prosperità fil-Balkani huma strateġikament importanti kemm għall-UE kif ukoll għat-Turkija;

Interdipendenza u impenn reċiproku

1.  Jenfasizza l-interdipendenza bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u t-Turkija; jirrikonoxxi l-potenzjal ekonomiku u ta' tkabbir tat-Turkija u r-rwol sinifkanti tagħha għall-istabilità reġjonali u għas-sigurtà tal-enerġija; jenfasizza li din l-interdipendenza hija komplimentata mill-valur ta' sinerġiji potenzjali bejn il-politika barranija u ta' sigurtà u l-politika tal-viċinat tal-Unjoni u tat-Turkija b'benefiċċji u lieva msaħħa għat-tnejn; jemmen, madankollu, li din l-interdipendenza tista' tipproduċi riżultati pożittivi biss jekk titpoġġa f'kuntest ta' impenn reċiproku, djalogu strateġiku u kooperazzjoni effettiva, riżultati ta' suċċess fil-proċess ta' riforma u l-implimentazzjoni tar-riformi u relazzjonijiet tajba bejn it-Turkija u l-Istati Membri ġirien;

2.  Jilqa' u jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-isforzi tal-Kummissjoni biex tiżviluppa aġenda ġdida pożittiva li tkopri medda wiesgħa ta' oqsma ta' interess komuni u maħsuba għal dinamiżmu ġdid fir-relazzjonijiet bejn l-UE u t-Turkija, riżultati tanġibbli u benefiċċji għaż-żewġ naħat, u l-possibilità għall-UE li tibqa' l-punt ta' riferenza għat-tkomplija tar-riformi fit-Turkija u sabiex it-Turkija tersaq aktar qrib li tissodisfa l-kriterji għall-adeżjoni; jappoġġja d-djalogu mat-Turkija dwar ftehimiet ta' kummerċ ħieles iffirmati mill-UE u li għandhom impatt potenzjali fuq it-Turkija fil-qafas tal-Unjoni Doganali; huwa tal-fehma li għandhom jiġu investiti sforzi mġedda biex jinħolqu l-kundizzjonijiet għall-ftuħ tal-kapitoli fil-qasam tal-ġustizzja u d-drittijiet fundamentali; jinsisti li r-relazzjonijiet bejn it-Turkija u l-Istati Membri ġirien tagħha huma fattur ewlieni għat-tiġdid tan-negozjati u d-djalogu;

3.  Jinnota li t-Turkija huwa l-uniku pajjiż li m'għandux liberalizzazzjoni tal-viża; jenfasizza l-importanza li jkun iffaċilitat l-aċċess għall-Unjoni Ewropea għall-persuni fin-negozju, l-akkademiċi, l-istudenti u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili; jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jimplimentaw il-kodiċi tal-viża, jarmonizzaw u jissimplifikaw ir-rekwiżiti tal-viża u joħolqu ċentri ġodda sabiex ikun iffaċilitat il-ħruġ ta' viżi fit-Turkija; iħeġġeġ lit-Turkija tiffirma u timplimenta l-ftehim dwar l-ammissjoni mill-ġdid bejn l-UE u t-Turkija mingħajr aktar dewmien u li tiżgura li, sakemm dan il-ftehim jidħol fis-seħħ, jiġu implimentati kompletament il-ftehimiet bilaterali eżistenti; jenfasizza l-importanza tal-intensifikazzjoni tal-kooperazzjoni bejn l-UE u t-Turkija dwar il-ġestjoni tal-migrazzjoni, il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-kontrolli fuq il-fruntieri, fost l-oħrajn fid-dawl tal-persentaġġ għoli ta’ immigranti illegali li jidħlu fit-territorju tal-UE mit-Turkija; jappella għall-konverġenza progressiva tal-politiki dwar il-viżi tat-Turkija u tal-UE fir-rigward taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi; huwa tal-fehma li ladarba jiġi ffirmat il-ftehim dwar l-ammissjoni mill-ġdid, il-Kunsill għandu jagħti mandat lill-Kummissjoni biex tibda d-djalogu dwar il-viżi u tiddefinixxi l-pjan direzzjonali għal-liberalizzazzjoni tal-viżi;

L-ilħuq tal-kriterji ta’ Kopenħagen

4.  Ifaħħar lit-Turkija għall-proċess elettorali, fl-okkażjoni tal-elezzjonijiet ġenerali ta' Ġunju 2011, fejn kien hemm għadd kbir ta' votanti, u li kellu tifħir minn osservaturi internazzjonali li ddeskrivewh bħala demokratiku u pluralistiku u msawwar minn soċjetà ċivili mimlija ħajja; itenni mill-ġdid l-importanza ta' riforma tal-liġi elettorali u tal-liġi dwar il-partiti politiċi u tal-liġi elettorali, u li l-limitu minimu ta' 10% għar-rappreżentazzjoni fil-parlament, li huwa l-ogħla limitu minimu fost l-Istati Membru kollha tal-Kunsill tal-Ewropa, jitbaxxa, billi dan ma jistax jirrappreżenta l-pluraliżmu tas-soċjetà Torka; jappella sabiex jitneħħew l-ostakli kollha għat-twaqqif tal-Gran Assemblea Nazzjonali Torka (TGNA);

5.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-Gvern il-ġdid tar-Repubblika tat-Turkija li jistabbilixxi Ministeru għall-Affarijiet tal-UE, li jirrifletti l-għarfien li l-isforzi mġedda, l-impenn u d-djalogu huma ta' importanza assoluta;

6.  Ifakkar fir-rwol fundamentali tat-TGNA bħala ċ-ċentru tas-sistema demokratika tat-Turkija u għalhekk jenfasizza l-ħtieġa li t-TGNA tingħata rwol aktar importanti biex tipprovdi pjattaforma għall-partiti politiċi kollha, ibbażata fuq kontrolli u bilanċi, sabiex dawn jikkontribwixxu lejn id-djalogu demokratiku u l-promozzjoni ta' proċess ta' riforma inklużiv;

7.  Ifakkar il-ħtieġa li titkompla l-ħidma dwar l-implimentazzjoni tal-pakkett tar-riforma kostituzzjonali tal-2010 u jistieden lill-Kummissjoni tinkludi analiżi dettaljata tal-progress tal-proċess ta' implimentazzjoni fir-Rapport ta' Progress tal-2012;

8.  Jesprimi l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-abbozzar ta' kostituzzjoni ċivili ġdida għat-Turkija bħala opportunità unika għal riforma kostituzzjoni reali, għall-promozzjoni tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, il-garanzija tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali (b'mod partikulari l-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-midja), il-pluraliżmu, l-inklużività, il-governanza tajba, il-kontabilità u l-unità tas-soċjetà Torka, f'konformità sħiħa mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE; jistieden lill-partiti politiċi u l-atturi kollha kkonċernati jappoġġjaw u jieħdu approċċ pożittiv u kostruttiv għan-negozjati dwar il-kostituzzjoni l-ġdida, abbażi ta' konsensus u kompromess kostruttiv; jenfasizza l-ħtieġa li titkompla l-ħidma preparatorja fil-proċess ta' abbozzar u jilqa', f'dan ir-rigward, id-deċiżjoni li tiġi żgurata rappreżentanza ugwali għall-forzi politiċi kollha fil-Kumitat ta' Konċiljazzjoni Kostituzzjonali u l-impenn li l-proċess ta' abbozzar ikun ibbażat fuq konsultazzjoni l-aktar wiesgħa possibbli tal-oqsma kollha tas-soċjetà bħala parti minn proċess li jimpenja b'mod ġenwin lis-soċjetà ċivili Torka; jenfasizza li l-kostituzzjoni l-ġdida għandha tħares id-drittijiet tal-gruppi u l-individwi kollha fit-Turkija, tiggarantixxi s-separazzjoni tas-setgħat, tiżgura l-indipendenza u l-imparzjalità tal-ġudikatura, tiżgura li jkun hemm sorveljanza ċivili sħiħa fuq il-forzi militari, u tippromwovi ċittadinanza Torka inklużiva;

9.  Jenfasizza l-importanza ta' relazzjonijiet sereni u kostruttivi bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni bħala prekundizzjoni għal proċess ta' riforma effettiv; ifakkar li soċjetà verament demokratika u pluralista trid isserraħ dejjem fuq iż-żewġ pilastri ta' Gvern u Oppożizzjoni u fuq djalogu u kooperazzjoni kontinwa bejn it-tnejn; jesprimi, f'dan il-kuntest, it-tħassib tiegħu dwar il-proċessi li għadhom għaddejjin u l-perjodi twal ta' detenzjoni qabel il-proċessi li qed jolqtu lill-membri tat-TGNA, u dwar l-inkjesta ġudizzjarja li tnediet biex tneħħi l-immunità parlamentari ta' Kemal Kılıçdaroğlu, il-mexxej tal-partit ewlieni tal-oppożizzjoni; jenfasizza li, meta l-membri tal-parlament ikollhom iwettqu l-obbligi tagħhom bit-theddida li jiġu persegwitati, id-demokrazija u l-libertà tal-kelma ma jiġux garantiti;

10. Jilqa' l-isforzi kontinwi sabiex tittejjeb s-superviżjoni ċivili tal-militar, b'mod partikulari l-adozzjoni tal-Liġi dwar il-Qorti tal-Kontabilità f'Diċembru 2010 biex tiġi żgurata s-superviżjoni ċivili tan-nefqa militari; jappella biex tiġi implimentata sorveljanza sħiħa tal-qorti fuq l-ispejjeż tal-militar; jappella biex il-forzi tal-ġendarmerija u l-forzi armati jinġiebu taħt ġurisdizzjoni ċivili u sabiex il-ġendarmerija tinġieb taħt l-iskrutinju tal-Ombudsman; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata l-integrità sekulari kontinwa u l-kapaċità tal-operat tal-forzi armati, minħabba l-importanza tas-sħubija tat-Turkija fin-NATO;

11. Jenfasizza li r-riforma tas-sistema ġudizzjarja hija prerekwiżit indispensabbli għall-modernizzazzjoni tat-Turkija u li tali riforma għandha twassal għal sistema ġudizzjarja moderna, effiċjenti, totalment indipendenti u imparzjali, li tiggarantixxi l-applikazzjoni ġusta tal-liġi għaċ-ċittadini kollha; jilqa' f'dan ir-rigward l-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-Kunsill Għoli tal-Imħallfin u l-Prosekuturi (HSYK) u dwar il-Qorti Kostituzzjonali b'konsultazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni ta' Venezja; jinkuraġġixxi lill-Gvern tat-Turkija jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja tal-2011, b'mod partikulari fir-rigward tal-modalitajiet tal-elezzjoni għall-HSYK, ir-rwol tal-Ministeru tal-Ġustizzja f'din l-entità, u l-modalità tal-ħatra tal-imħallfin u l-prosekuturi; jappella biex jittieħdu miżuri li jiżguraw li dċdeċiżjonijiet tal-HSYK ikunu trasparenti u suġġetti għal kontroll ġudizzjarju; jindika l-ħtieġa li jittieħdu passi ulterjuri sabiex tiġi żgurata l-possibilità ta' stħarriġ ġudizzjarju għad-deċiżjonijiet kollha fl-ewwel istanza tal-Kunsill Għoli fir-rigward ta' promozzjonijiet, trasferimenti lejn inħawi oħra u sanzjonijiet dixxiplinarji; jilqa' d-deċiżjoni tal-Ministeru tal-Ġustizzja li jistabbilixxi direttorat ġenerali għad-drittijiet tal-bniedem li jkun responsabbli għall-implimentazzjoni sħiħa, effettiva u opportuna mit-Turkija tas-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem; jiddispjaċih, f'dan ir-rigward, għall-għadd li qed jiżdied ta' applikazzjonijiet ġodda quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem; japprezza l-proposti l-ġodda għar-riforma tas-sistema ġudizzjarja, b'mod partikulari fir-rigward tal-kriterji ta' detenzjoni, bħala l-ewwel pass fid-direzzjoni t-tajba;

12. Huwa tal-opinjoni li l-leġiżlazzjoni l-ġdida dwar il-Qorti Kostituzzjonali għandha tiżgura li din l-istanza ġudizzjarja jkollha l-kompetenza tevalwa u terġa' teżamina l-kompatibilità tal-leġiżlazzjoni Torka mal-ftehimiet internazzjonali li ġew ratifikati mit-Turkija, bħall-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem;

13. Jesprimi tħassib fir-rigward tal-aħħar verdett mogħti fil-każ ta' Hrant Dink; jenfasizza l-importanza vitali li ssir investigazzjoni sħiħa dwar il-qtil ta' Hrant Dink u li l-persuni kollha responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja, u jenfasizza f'dan il-kuntest id-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-2010, li kienet tgħid li t-Turkija kienet naqset milli twettaq investigazzjonijiet effettivi dwar il-qtil ta' Hrant Dink; iqis li dan il-proċess huwa test ta' prova għall-istat tad-dritt u l-indipendenza tal-ġudikatura fit-Turkija;

14. Itenni t-tħassib tiegħu li l-proċeduri ġudizzjarji għadhom ma ttejbux biżżejjed fir-rigward tal-effiċjenza u r-regoli tagħhom sabiex jiżguraw id-dritt ta' proċess ġust u rapidu, inkluż id-dritt għal aċċess għall-evidenza inkriminatorja u għad-dokumentazzjoni tal-proċess fil-fażijiet bikrija tal-proċedimenti u garanziji suffiċjenti għas-suspettati kollha; itenni t-tħassib serju tiegħu dwar il-perjodi twal eċċessivi ta' detenzjoni qabel il-proċess, li fil-preżent jista' jwassal sa għaxar snin u jsir kastig de facto mingħajr proċess; iħeġġeġ lit-TGNA tirriforma l-leġiżlazzjoni f'dan ir-rigward skont il-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-istandards tal-Kunsill tal-Ewropa, billi ż-żmien massimu ta' detenzjoni qabel il-proċess fit-Turkija jiġi allinjat mal-medja tal-perjodi ta' detenzjoni qabel il-proċess fl-Unjoni Ewropea; iħeġġeġ lill-gvern ikompli r-riformi tiegħu u jirrevedi l-Liġi kontra t-terroriżmu u l-Kodiċi Penali Tork; ifakkar li d-Delegazzjoni Ad Hoc tal-Parlament għall-Osservazzjoni tal-Proċessi tal-Ġurnalisti fit-Turkija ser tkompli ssegwi l-iżviluppi; jinsab allarmat dwar in-numru kbir ta' priġunieri minorenni li jammontaw għal 2 500 fil-faxxa tal-età bejn it-12 u t-18-il sena;

15. Jitlob lill-Gvern Tork biex, bil-għan li jindirizza l-akkumulazzjoni li għadha għaddejja tal-każijiet, jibda' jħaddem mill-aktar fis possibbli l-qrati reġjonali tal-appell tiegħu, li legalment kellhom ikunu operattivi minn Ġunju 2007, u biex għal dan il-għan jiffoka fuq it-taħriġ tal-imħallfin;

16. Jenfasizza l-importanza tad-dritt ta' kull ċittadin għal difiża xierqa f'każijiet fil-qorti u jfakkar fir-responsabilità tal-Istat sabiex jiggarantixxi l-aċċess għal difiża legali. ifakkar ukoll li l-avukati għandhom igawdu minn immunità ċivili u kriminali għal dikjarazzjonijiet relevanti li jsiru "in bona fede" f'talbiet bil-miktub jew orali, jew meta jidhru b'mod professjonali quddiem il-qorti, it-tribunali jew quddiem awtorità legali jew amministrattiva oħra; jitlob lit-Turkija tiżgura li l-avukati jkunu jistgħu jwettqu l-funzjonijiet professjonali kollha tagħhom bla intimidazzjoni, tfixkil, fastidju jew interferenza mhux xierqa;

17. Jenfasizza li l-investigazzjonijiet ta' pjanijiet allegati ta' kolp ta' stat, bħall-każi 'Ergenekon' u 'Sledgehammer', għandhom juru s-saħħa u l-funzjonament adegwat, indipendenti, imparzjali u trasparenti tal-istituzzjonijiet demokratiċi Torok u tal-ġudikatura u l-impenn sod u inkondizzjonat tagħhom għar-rispett tad-drittijiet fundamentali; jinsab imħasseb dwar l-allegazzjonijiet li jirrigwardaw l-użu ta' evidenza inkonsistenti kontra l-akkużati f'dawn il-proċessi; jistieden lill-Kummissjoni ssegwi mill-qrib il-proċessi msemmija hawn fuq u tippubbliċizza r-riżultati f'aktar dettall f'anness għar-Rapport ta' Progress tagħha għall-2012;

18. Itenni t-tħassib tiegħu dwar il-prattika li jinbdew prosekuzzjonijiet kriminali kontra difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, attivisti u ġurnalisti li jirrapurtaw provi ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem jew iqajmu kwistjonijiet oħra fl-interess pubbliku bħala kontribut għad-dibattitu ta' soċjetà pluralistika; jenfasizza li dawn il-prosekuzzjonijiet jaffettwaw il-perċezzjoni tal-pubbliku dwar l-indipendenza u l-imparzjalità tas-sistema ġudizzjarja; iqis il-kriminalizzazzjoni tal-opinjonijiet bħala ostaklu ewlieni għall-ħarsien sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem fit-Turkija u jiddeplora r-restrizzjonijiet sproporzjonati tal-libertajiet tal-espressjoni, tal-assoċjazzjoni u tal-assemblea;

19. Huwa mħasseb dwar il-marġni wiesa' ta' interpretazzjoni u applikazzjoni permess mill-Att Tork kontra t-Terroriżmu u mill-Kodiċi Kriminali Tork, partikolarment f'każijiet fejn is-sħubija f'assoċjazzjoni terrorista ma ġietx ippruvata u fejn att jew dikjarazzjoni jitqiesu li jikkoinċiedu mal-għanijiet ta' assoċjazzjoni terroristika; jesprimi tħassib rigward rapporti kontinwi ta' torturi u trattament ħażin f'għases tal-pulizija u ħabsijiet, l-użu eċċessiv tal-forza mill-pulizija waqt id-dimostrazzjonijiet u n-nuqqas ta' progress biex uffiċjali statali jinġiebu quddiem il-ġustizzja fuq abbużi allegati tad-drittijiet tal-bniedem; iħeġġeġ lit-Turkija tirrevedi l-Liġi Kontra t-Terroriżmu b'mod prijoritarju u tikkonforma rigorożament mal-obbligi internazzjonali tagħha dwar id-drittijiet tal-bniedem billi temenda l-leġiżlazzjoni relevanti; jilqa' d-deċiżjoni li l-imħallfin u l-prosekuturi jingħataw taħriġ intern dwar il-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-istampa u dwar ir-rwol fundamentali tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem; iħeġġeġ lill-Gvern Tork jipprovdi taħriġ sistematiku adegwat lill-pulizija tiegħu dwar il-każistika tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem; jenfasizza l-ħtieġa li jitwaqqaf mekkaniżmu effettiv ta' ilmenti dwar il-pulizija; jilqa' l-eventwalità ta' aktar miżuri li jtejbu l-aċċess dirett għall-qrati Torok miċ-ċittadini individwali għad-difiża tad-drittijiet tagħhom, sabiex jitnaqqas in-numru ta' applikazzjonijiet quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fi Strasburgu;

20. Jinsisti li l-proċessi li għaddejjin kontra l-ġurnalisti għandhom isiru b'mod trasparenti li jirrispetta l-istat tad-dritt u jiżgura kundizzjonijiet adegwati, bħall-provvista ta' siti li jkunu adegwati għat-tipi ta' smigħ li jitwettqu, it-tqassim ta' manuskritti akkurati lil persuni detenuti kif ukoll il-provvista ta' informazzjoni lill-ġurnalisti rigward l-akkużi miġjuba kontrihom, biex b'hekk jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet tal-proċess ma jkollhomx impatt negattiv fuq il-verdett; jinsab imħasseb ħafna dwar il-kundizzjonijiet li jinżammu fihom il-ġurnalisti detenuti; jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' ċifri eżatti dwar l-għadd ta' ġurnalisti detenuti u l-għadd ta' każijiet attwalment miftuħa kontra ġurnalisti; jistieden lill-awtoritajiet Torok jagħmlu din l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku;

21. Ifakkar li l-libertà tal-espressjoni u l-pluraliżmu tal-midja huma fil-qalba tal-valuri Ewropej u li soċjetà verament demokratika, libera u pluralistika teħtieġ libertà vera tal-espressjoni; ifakkar li l-libertà tal-espressjoni ma tapplikax biss għal informazzjoni jew ideat li jintlaqgħu b'mod favorevoli jew jiġu kkunsidrati bħala inoffensivi, iżda wkoll, skont il-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, għal dawk li joffendu, jixxukkjaw jew jiddisturbaw l-Istat jew kwalunkwe sezzjoni tal-popolazzjoni; jiddispjaċih li l-għadd ta' dispożizzjonijiet legali, bħall-Artikoli 301 u 318, l-Artikolu 220(6) f'kombinazzjoni mal-Artikolu 314(2) u l-Artikoli 285 u 288 tal-Kodiċi Penali, kif ukoll l-Artikoli 6 u 7(2) tal-Liġi Kontra t-Terroriżmu, qed ikomplu jillimitaw il-libertà tal-espressjoni; jenfasizza li jeħtieġ li jittieħdu miżuri bl-akbar urġenza biex titneħħa l-leġiżlazzjoni li tipprevedi multi sproporzjonalment għoljin lill-midja – li f'ċertu każi jwasslu għall-għeluq tagħhom jew għall-awtoċensura mill-ġurnalisti jew mill-edituri tagħhom – u tal-Liġi 5651/2007 dwar l-internet, li tillimita l-libertà tal-espressjoni, tnaqqas id-dritt taċ-ċittadini għall-aċċess għall-informazzjoni u li tippermetti l-projbizzjoni tal-ambitu u tat-tul taż-żmien sproporzjonati fuq is-siti tal-internet; itenni, għaldaqstant, l-appelli preċedenti tiegħu biex, mingħajr dewmien, tiġi ffinalizzata r-reviżjoni tal-qafas legali dwar il-libertà tal-espressjoni u sabiex dan jinġieb konformi mal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u mal-każistika tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem;

22. Jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-approċċ il-ġdid tal-Kummissjoni kif il-kwistjonijiet relatati mal-ġudikatura u d-drittijiet fundamentali u mal-ġustizzja u l-affarijiet interni jiġu indirizzati fi stadju bikri tal-proċess tan-negozjati, bil-ftuħ tal-kapitoli relatati fuq il-bażi ta' pjanijiet ta' azzjoni ċari u dettaljati, u li dawn il-kapitoli jkunu l-aħħar li jingħalqu, abbażi ta' riżultati tajbin u konvinċenti għall-aħħar; jemmen li, fid-dawl tal-importanza vitali tat-tkomplija tar-riforma tas-sistema ġudizzjarja fit-Turkija u tar-rispett totali tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, b'mod partikulari l-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-istampa, għandhom isiru sforzi mġedda sabiex jitħejja r-rapport ta' screening fil-qafas tal-Kapitolu 23 dwar il-ġudikatura u d-drittijiet fundamentali; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-passi li jwasslu għall-ftuħ tal-Kapitolu 24 dwar il-Ġustizzja u l-Intern;

23. Iħeġġeġ lit-Turkija tirrikonoxxi d-dritt tal-oġġezzjoni fuq kuxjenza għas-servizz militari obbligatorju, b'konformità mad-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-każ Erçep vs it-Turkija; jinnota bi tħassib in-non-implimentazzjoni tas-sentenza tal-2006 tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-kawża Ulke vs it-Turkija li talbet l-applikazzjoni ta' leġiżlazzjoni biex tipprevjeni l-prosekuzzjoni ripetuta ta' min joġġezzjona fuq kuxjenza minħabba r-rifjut tagħhom li jwettqu servizz militari;

24. Jilqa' l-implimentazzjoni ta' kważi r-rakkomandazzjonijiet kollha magħmula fir-rapporti ta' evalwazzjoni tal-Grupp ta' Stati kontra l-Korruzzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa (GRECO); jenfasizza l-ħtieġa ta' progress ulterjuri dwar il-leġiżlazzjoni u miżuri ġenerali kontra l-korruzzjoni u jitlob żieda fis-saħħa u l-indipendenza tal-istituzzjonijiet involuti fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni; jinkuraġġixxi lill-gvern jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet GRECO li fadal;

25. Iħeġġeġ l-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet kostituzzjonali sabiex ikun żgurat id-dritt li jsiru dimostrazzjonijiet u jitlob lill-Ministeru tal-Intern itemm ir-reviżjoni tal-liġi dwar il-laqgħat u d-dimostrazzjonijiet;

26. Jilqa' l-adozzjoni f'Awwissu tal-2011 tal-leġiżlazzjoni l-ġdida li temenda l-Liġi ta' Frar 2008 dwar il-fondazzjonijiet u twessa' l-ambitu tar-ristabbiliment tad-drittijiet tal-proprjetà tal-komunitajiet kollha mhux Musulmani, u jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata l-implimentazzjoni sħiħa tagħha; ifakkar, madankollu, fil-bżonn urġenti li titkompla r-riforma essenzjali u sostanzjali fil-qasam tal-libertà tal-ħsieb, il-kuxjenza u r-reliġion, b'mod partikulari billi l-komunitajiet reliġjużi jkollhom il-possibilità jiksbu personalità legali, billi jiġu eliminati r-restrizzjonijiet kollha għat-taħriġ, għan-nomina u għas-suċċessjoni tal-kleru, billi jiġu rikonoxxuti l-postijiet ta' qima Alevi u jkun hemm konformità mas-sentenzi rilevanti tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u billi jitqiesu l-opinjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja fil-qafas legali, u l-bżonn li jiġu rikonoxxuti b'mod sħiħ id-drittijiet tal-komunitajiet reliġjużi; jistieden lill-Gvern tat-Turkija jiżgura li l-monasteru San Gabrijel, imwaqqaf fit-397 w.K, ma jittiħdulux l-artijiet tiegħu, u li jiġi mħares fl-entier tiegħu;

27. Ifakkar li l-edukazzjoni għandha rwol kruċjali fil-proċess tal-bini ta' soċjetà inklużiva u diversa mwaqqfa fuq ir-rispett għall-komunitajiet reliġjużi u l-minoranzi; iħeġġeġ lill-Gvern tat-Turkija jagħti attenzjoni speċjali lill-materjal edukattiv fl-iskejjel, li għandu jirrifletti l-pluralità etnika u reliġjuża u l-pluralità tat-twemmin fis-soċjetà Torka, jelimina d-diskriminazzjoni u l-preġudizzju u jippromwovi l-aċċettazzjoni sħiħa tal-komunitajiet u l-minoranzi reliġjużi kollha, u jenfasizza l-bżonn ta' materjal għat-tagħlim imparzjali;jilqa’ t-twaqqif tal-Kummissjoni għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi fi ħdan il-Ministeru tal-Edukazzjoni; jinnota b'sodisfazzjon il-ħelsien ta' studenti li ntbagħtu l-ħabs inġustament għal 18-il xahar wara li appellaw biex l-edukazzjoni tkun b'xejn;

28. Itenni l-ħtieġa tat-tisħiħ tal-koeżjoni fost ir-reġjuni Torok u bejn iż-żoni rurali u urbani; jenfasizza, f’dan il-kuntest, ir-rwol partikolari tal-edukazzjoni u l-ħtieġa li jiġu ttrattati d-disparitajiet reġjonali kbar persistenti fejn jidħlu l-kwalità tal-edukazzjoni u r-rati ta’ reġistrazzjoni;

29. Iħeġġeġ lill-gvern sabiex l-ugwaljanza bejn is-sessi tkun prijorità fl-isforzi ta' riforma tiegħu, jindirizza l-faqar fost in-nisa u jżid l-inklużjoni soċjali tan-nisa u l-parteċipazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol; itenni l-proposta tiegħu li tkompli l-introduzzjoni ta' sistema ta' kwoti riservati sabiex tiġi żgurata preżenza sinifikanti tan-nisa fil-livelli kollha tan-negozju, fis-settur pubbliku u l-politika; jilqa' l-isforzi tal-gvern biex iżid l-edukazzjoni tal-bniet, li wassal biex jingħalaq kważi għal kollox id-distakk bejn is-sessi fl-edukazzjoni primarja, u jistieden lill-gvern jieħu l-miżuri meħtieġa kollha biex jitnaqqas id-distakk bejn is-sessi fl-edukazzjoni sekondarja wkoll; jilqa' wkoll l-għadd akbar ta' nisa fit-TGNA wara l-elezzjoni f'Ġunju 2011 u jistieden lill-partiti politiċi jsaħħu aktar l-impenn attiv u l-parteċipazzjoni attiva tan-nisa fil-politika;

30. Jilqa' l-iffirmar u r-ratifika min-naħa tat-Turkija tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika tal-24 ta' Novembru 2011; iħeġġeġ lill-gvern jadotta politika ta' tolleranza żero lejn il-vjolenza kontra n-nisa u jkompli jżid l-isforzi preventivi tiegħu fil-livelli kollha fil-ġlieda kontra l-"qtil ta' unur", il-vjolenza domestika u l-fenomenu taż-żwiġijiet mġiegħla u tat-tfal li jiġu mżewġa, b'mod partikulari billi ssir kooperazzjoni u jintlaħaq konsensus wiesa' mal-gruppi tad-drittijiet tan-nisa, billi tiġi emendata l-Liġi Nru 4320 dwar il-Protezzjoni tal-Familja sabiex jiġi żgurat li jkun hemm kamp ta' applikazzjoni wiesa' irrispettivament mill-istat ċivili u n-natura tar-relazzjoni bejn il-vittma u l-aggressur, inklużi rimedji legali effettivi u mekkaniżmi ta' protezzjoni, billi tiġi mmoniterjata mill-qrib l-implimentazzjoni tal-Liġi Nru 4320 mill-pulizija, billi tiġi mmoniterjata effettivament il-konformità sħiħa mill-muniċipalitajiet bl-obbligu li jiġu pprovduti biżżejjed postijiet ta' kenn għan-nisa u għall-minorenni fil-periklu, billi tiġi żgurata s-sigurtà tal-postijiet tal-kenn, jiġi impjegat persunal ta' servizz adegwat, u billi tiddaħħal fis-seħħ sistema ta' għajnuna ta' segwitu għan-nisa u għall-minorenni li jħallu dawn ir-rifuġji, sabiex jiġu pprovduti appoġġ psikoloġiku adegwat, assistenza legali u kura tas-saħħa u l-kapaċità li jintegraw soċjalment u ekonomikament fis-soċjetà; jilqa' l-isforzi tal-Ministeru għall-Familja u l-Politika Soċjali li jiżdiedu n-numru u l-kwalità ta' postijiet ta' kenn u d-deċiżjoni tal-Ministeru li jippermetti wkoll lill-entitajiet privati jiftħu postijiet ta' kenn bħala riżors addizzjonali għan-nisa u l-minuri fil-periklu; jilqa' ċ-Ċirkulari Nru 18 tal-Kunsill Għoli tal-Imħallfin u l-Prosekuturi, li jistipula li l-implimentazzjoni tal-miżuri ta' protezzjoni f'każijiet ta' vjolenza domestika mhux se jibqgħu aktar idumu sakemm il-proċeduri ġudizzjarji jitlestew; jilqa’ l-isforzi tal-Gvern tat-Turkija biex itejjeb il-kooperazzjoni dwar l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi bejn l-awtoritajiet statali;

31. Huwa mħasseb dwar ir-rata sproporzjonatament għolja ta' faqar fost it-tfal; jistieden lit-Turkija tiżviluppa strateġija komprensiva biex jiġu miġġielda l-faqar tat-tfal u t-tħaddim tat-tfal; jilqa' r-ratifika tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Protezzjoni tat-Tfal kontra l-Isfruttament u l-Abbuż Sesswali; iħeġġeġ lit-Turkija żżid l-isforzi tagħha fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika fuq it-tfal;

32. Iħeġġeġ lill-Gvern sabiex jiżgura li l-ugwaljanza, irrispettivament mis-sess, il-ġeneru, l-identità, l-oriġini razzjali jew etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali, tkun garantita bil-liġi u infurzata b'mod effikaċi, inkluż ir-rispett mill-pulizija; jistieden lill-Gvern tat-Turkija jallinja l-liġi Torka mal-acquis tal-Unjoni u jadotta l-leġiżlazzjoni li tistabbilixxi bord għall-ugwaljanza u kontra d-diskriminazzjoni; jinnota l-ħtieġa ta' aktar azzjoni kontra l-omofobija u kwalunkwe xorta ta' diskriminazzjoni, kedd jew vjolenza minħabba l-orjentazzjoni sesswali jew l-identità tal-ġeneru; jesprimi tħassib serju dwar il-prosekuzzjoni regolari tal-persuni LGBT abbażi tal-"Liġi dwar l-Atti Illeċiti" u tad-dispożizzjonijiet dwar "l-imġiba immorali"; jistieden mill-ġdid lill-Gvern tat-Turkija jordna lill-Forzi Armati Torok jieqfu jikklassifikaw l-omosesswalità bħala 'marda psikosesswali';

33. Jistieden lit-Turkija turi flessibilità u tintensifika l-isforzi tagħha lejn soluzzjoni politika għall-kwistjoni Kurda u jitlob lill-forzi politiċi kollha jaħdmu flimkien sabiex jintlaħaq l-objettiv ta' djalogu politiku msaħħaħ u proċess ta' inklużjoni politika, kulturali u soċjoekonomika ulterjuri u l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini ta' oriġini Kurda sabiex jiġu ggarantiti d-drittijiet għal-libertà tal-espressjoni, għal-libertà tal-assoċjazzjoni u għal-libertà tal-assemblea; iqis essenzjali, f'dan ir-rigward, li d-dritt għall-edukazzjoni fl-ilsien twelid ta' dak li jkun; jistieden lill-Gvern tat-Turkija jżid l-isforzi tiegħu sabiex jippromwovi aktar l-iżvilupp soċjoekonomiku fix-Xlokk; huwa tal-fehma li r-riforma kostituzzjonali hija qafas utli ħafna sabiex ikun promoss ftuħ demokratiku; ifakkar li sitwazzjoni politika tista' tinbena biss fuq dibattitu miftuħ u realment demokratiku dwar il-kwistjoni Kurda u jesprimi tħassib dwar in-numru kbir ta' kawżi li nfetħu kontra kittieba u ġurnalisti li jiktbu dwar is-sitwazzjoni Kurda u l-arrest ta' diversi politikanti Kurdi, sindki eletti lokalment u membri ta' kunsilli muniċipali, avukati, dimostranti u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem marbuta mal-proċess tal-KCK, u operazzjonijiet oħrajn tal-pulizija; jistieden lill-Gvern tat-Turkija joħloq bażi paċifika għall-esponenti politiċi ta' oriġini Kurda sabiex ikollhom dibattitu ħieles u pluralistiku; jenfasizza l-importanza li ssir promozzjoni dwar il-kwistjoni Kurda fi ħdan l-istituzzjonijiet demokratiċi, partikolarment fil-Gran Assemblea Nazzjonali Torka (TGNA);

34. Jilqa' u jistenna l-implimentazzjoni rapida tad-dikjarazzjoni riċenti tal-Gvern tat-Turkija li jerġa' jiftaħ skola ta' minoranza Griega fil-gżira ta' Gökçeada (Imbros), fatt li jikkostitwixxi pass pożittiv lejn il-ħarsien tan-natura bikulturali tal-gżejjer Torok ta' Gökçeada (Imbros) u Bozcaada (Tenedos), b'konformità mar-Riżoluzzjoni Nru 1625 (2008) tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa; jinnota, madankollu, li jinħtieġ li jittieħdu aktar passi sabiex jiġu indirizzati l-problemi ffaċċjati minn membri tal-minoranza Griega, partikolarment fir-rigward tad-drittijiet ta' proprjetà tagħhom;

35. Jenfasizza l-ħtieġa urġenti li l-qafas legali dwar ix-xogħol u d-drittijiet tat-trejdjunjins jinġiebu konformi mal-istandards tal-UE, mal-istrumenti tal-Kunsill tal-Ewropa u mal-konvenzjonijiet tal-ILO, u li jiġu applikati bis-sħiħ fil-prattika, billi t-tneħħija tal-ostakli kollha sabiex ikunu jistgħu jiġu eżerċitati bis-sħiħ dawn id-drittijiet se jiżgura li l-progress ekonomiku b'saħħtu attwali jimxi id f'id ma' distribuzzjoni usa' fost is-soċjetà Torka tal-ġid iġġenerat mit-tkabbir ekonomiku, u b'hekk ikun iġġenerat potenzjal akbar ta' tkabbir; għaldaqstant, iħeġġeġ lill-partijiet kollha tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali biex isaħħu l-impenn u l-kooperazzjoni tagħhom, sabiex jintlaħqu l-punti ta' riferiment għall-ftuħ tal-Kapitolu 19 dwar il-Politika Soċjali u l-Impjiegi;

36. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-prattika li jsiru prosekuzzjoijiet kriminali kontra trejdjunjonisti, b'mod partikolari fil-qasam tal-edukazzjoni li jkunu attivi favur il-kisba ta' kundizzjonijiet aħjar tax-xogħol, tal-edukazzjoni u tal-għajxien u li jirrappurtaw il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fl-interess pubbliku u tal-ħaddiema u bħala konribut favur soċjetà pluralistika;

37. Jistieden lill-Gvern tat-Turkija jippromwovi l-involviment attiv u sħiħ tal-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi fil-proċess ta' konsultazzjoni politika u leġiżlattiva dwar il-ħarsien tal-konsumaturi u jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jappoġġja u jsaħħaħ il-moviment tal-konsumaturi; iħeġġeġ lill-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi jingħaqdu flimkien sabiex iżidu r-rappreżentanza tagħhom;

38. Jilqa' d-diversifikazzjoni tas-suq tal-enerġija tat-Turkija iżda jinkuraġġixxi wkoll lill-Gvern tat-Turkija jeżamina sew ir-riskju u r-responsabbiltà rigward proġetti attwali ta' impjanti ta' enerġija nukleari, bħal dak f'Akkuyu; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li jitħares il-wirt naturali, kulturali u arkeoloġiku, b'konformità sħiħa mal-istandards Ewropej;

Il-bini ta' relazzjonijiet tajbin mal-ġirien

39. Jappoġġja bil-qawwa n-negozjati li għaddejjin dwar ir-riunifikazzjoni ta' Ċipru taħt il-patroċinju tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti; jenfasizza li soluzzjoni ġusta u vijabbli tal-kwistjoni dwar Ċipru trid tinkiseb b'urġenza u jistieden lit-Turkija u lill-partijiet ikkonċernati kollha jaħdmu b'mod intensiv u b'rieda tajba għal ftehim komprensiv; jistieden lill-Gvern tat-Turkija jibda jirtira l-forzi tiegħu minn Ċipru u biex jgħaddi lil Famagusta lin-Nazzjonijiet Uniti skont ir-Riżoluzzjoni 550 (1984) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti; jistieden b'mod parallel lir-Repubblika ta' Ċipru tiftaħ il-port ta' Famagusta taħt il-kontroll doganali tal-UE sabiex tippromwovi klima pożittiva għal soluzzjoni ta' suċċess tan-negozjati għar-riunifikazzjoni li għaddejjin u tippermetti lit-Ċiprijotti Torok jinnegozjaw direttament b'mod legali aċċettabbli għal kulħadd;

40. Iħeġġeġ lit-Turkija tintensifika l-appoġġ tagħha għall-Kumitat għan-Nies li Għebu f'Ċipru;

41. Jistieden lit-Turkija toqgħod lura milli toħloq komuniatjiet ġodda ta' ċittadini Torok f'Ċipru, peress li dan ikompli jbiddel il-bilanċ demografiku u jnaqqas il-lealtà taċ-ċittadini tal-gżira lejn stat futur komuni bbażat fuq l-imgħoddi komuni tiegħu;

42. Jiddispjaċih għad-dikjarazzjonijiet tat-Turkija li se tiffriża r-relazzjonijiet mal-Presidenza tal-Unjoni Ewropea fit-tieni nofs tal-2012, jekk sa dak iż-żmien tkun għadha ma nstabitx soluzzjoni għall-kwistjoni dwar Ċipru; ifakkar li l-Unjoni Ewropea hija bbażata fuq prinċipji ta' kooperazzjoni sinċiera u solidarjetà reċiproka fost l-Istati Membri kollha tagħha, u li bħala pajjiż kandidat it-Turkija għandha timpenja ruħha għal relazzjonijiet sereni mal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha kollha; barra minn hekk ifakkar li l-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea hija prevista fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea;

43. Jistieden lit-Turkija tippermetti d-djalogu politiku bejn l-UE u n-NATO billi tneħħi l-veto tagħha għall-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO inkluż Ċipru, u, konsegwentement, jistieden lir-Repubblika ta' Ċipru tneħħi l-veto tagħha għall-parteċipazzjoni tat-Turkija fl-Aġenzija Ewropea għad-Difiża;

44. Jieħu nota tal-isforzi intensifikati kontinwi min-naħa tat-Turkija u l-Greċja sabiex itejbu r-relazzjonijiet bilaterali tagħhom; madankollu iqis li hu ta' dispjaċir, li t-theddida casus belli ddikjarata mill-Gran Assemblea Nazzjonali Torka kontra l-Greċja għadha ma ġietx irtirata u jemmen li t-titjib tar-relazzjonijiet bilaterali bejn iż-żewġ pajjiżi għandu jwassal għall-irtirar ta' din it-theddida; iħeġġeġ lill-Gvern tat-Turkija itemm il-vjolazzjoni ripetuta tal-ispazju tal-ajru Grieg u t-titjiriet tal-ajruplani militari fuq il-ġżejjer Ġriegi;

45. Jenfasizza li l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-liġi tal-baħar (UNCLOS) ġiet iffirmata mill-UE, is-27 Stat Membru u l-pajjiżi kandidati l-oħra kollha, u li din hija parti mill-acquis tal-Unjoni; għalhekk jistieden lill-Gvern tat-Turkija jiffirmaha u jirratifikaha mingħajr aktar dewmien; ifakkar fil-leġittimità sħiħa taż-żona ekonomika esklużiva tar-Repubblika ta' Ċipru skont l-UNCLOS;  

46. Iħeġġeġ lit-Turkija u l-Armenja jkomplu lejn normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejniethom billi jirratifikaw, mingħajr prekundizzjonijiet, il-protokolli u billi jiftħu l-fruntiera;

47. Iqis li t-Turkija hi sieħba importanti tal-UE fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed, li hu ta’ importanza strateġika għall-UE; jistieden lit-Turkija tappoġġa u tikkontribwixxi b’mod attiv fl-implimentazzjoni tal-politiki u l-programmi tal-UE f’dan ir-reġjun;

Progress fil-kooperazzjoni UE-Turkija

48. Jiddeplora r-rifjut tat-Turkija li tissodisfa l-obbligu tagħha li timplimenta bis-sħiħ u b'mod li ma jiddiskriminax, il-Protokoll addizzjonali għall-Ftehim ta' assoċjazzjoni KE-Turkija fil-konfront tal-Istati Membri kollha; ifakkar li dan ir-rifjut ikompli jaffettwa bil-kbir il-proċess ta' negozjati, u jistieden lill-Gvern tat-Turkija jimplimenta l-protokoll kollu mingħajr aktar dewmien;

49. Jenfasizza li l-Unjoni Doganali UE-Turkija ippermettiet lit-Turkija tilħaq livell għoli ta' allinjament fil-qasam tal-moviment ħieles tal-prodotti u qed tkompli ssaħħaħ il-kummerċ bilaterali bejn l-UE u t-Turkija, li ammonta għal EUR 103 biljun fl-2010; jinnota, madankollu, li t-Turkija mhijiex qed timplimenta l-Unjoni Doganali b'mod sħiħ u għadha tuża leġiżlazzjoni li tmur kontra l-impenji tagħha li tneħħi ostakli tekniċi għall-kummerċ bħal-liċenzji tal-importazzjoni, ir-restrizzjonijiet fuq l-importazzjoni ta' prodotti minn pajjiżi terzi li qed jiċċirkolaw b'mod liberu fl-UE, l-għajnuna mill-Istat, l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, ir-rekwiżiti għar-registrazzjoni ta' prodotti farmaċewtiċi ġodda u t-trattament tat-taxxa diskriminatorju;

50. Itenni l-kundanna soda u qawwija tiegħu tal-vjolenza terroristika li qed tkompli mill-PKK, li qiegħed fil-lista tal-UE tal-organizzazzjonijiet terroristiċi u jesprimi s-solidarjetà sħiħa tiegħu mat-Turkija; jistieden lill-Istati Membri, b'kooperazzjoni mill-qrib mal-koordinatur tal-UE għall-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-Europol, u fir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u l-liġi internazzjonali, jintensifikaw il-kooperazzjoni mat-Turkija fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata bħala sors ta' finanzjament tat-terroriżmu; jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jiffaċilitaw djalogu informattiv adegwat u skambji ta' informazzjoni mat-Turkija dwar it-talbiet għal estradizzjoni tat-Turkija li ma jistgħux jitkomplew minħabba raġunijiet legali jew proċedurali;

51. Jiddispjaċih għad-dewmien fil-leġiżlazzjoni tat-TNGA biex jitħarsu d-drittijiet tar-rifuġjati u ta' dawk li jfittxu ażil; jesprimi tħassib dwar ir-rapporti kontinwi ta' persuni mibgħuta lura f'pajjiżi fejn huma biċ-ċans li jħabbtu wiċċhom mar-riskju ta' tortura jew abbużi oħra tad-drittijiet tal-bniedem minħabba rifjut arbitrarju tal-aċċess għall-proċedura ta' ażil;

52. Jilqa’ l-progress li għamlet it-Turkija fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli u jappoġġa l-isforzi ulterjuri biex jiżdied l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fis-setturi kollha; jenfasizza l-potenzjal tat-Turkija fir-rigward tal-enerġija rinnovabbli, riżorsi solari, tar-riħ u ġeotermali sinifikanti u l-potenzjal għall-UE li timporta elettriku rinnovabbli mit-Turkija permezz ta’ linji tat-trażmissjoni b'vultaġġ għoli u kurrent dirett fuq distanzi twal, u b’hekk tikkontribwixxi mhux biss għas-sigurtà tal-enerġija tal-UE iżda wkoll għall-objettivi tal-UE fir-rigward tal-enerġija rinnovabbli;

53. Ifakkar fir-rwol ċentrali tat-Turkija bħala l-kuridur tal-enerġija tal-UE għar-riżorsi taż-żejt u l-gass tal-Kawkasu u l-Kaspju u fil-qrubija strateġika tagħha tal-Iraq u tas-suq taż-żejt mhux raffinat tagħha, li qed jiżviluppa; jenfasizza r-rwol strateġiku tas-sistema ppjanata ta' pajpijiet ta' Nabucco u tal-pajpijiet tal-gass oħra, bħall-kuridur għat-tranżitu tal-gass ITGI (interkonnettur Turkija-Greċja-Italja), għas-sigurtà tal-enerġija tal-Unjoni Ewropea; jemmen li, b'kunsiderazzjoni tar-rwol u l-potenzjal strateġiċi tat-Turkija, inkluż għall-investiment tal-UE u għall-kooperazzjoni ulterjuri mal-UE, għandha tingħata kunsiderazzjoni inizjali għall-valur tal-ftuħ tan-negozjati dwar Kapitolu 15 dwar l-enerġija, bil-ħsieb li jinġieb 'il quddiem id-djalogu strateġiku bejn l-UE u t-Turkija dwar l-enerġija;

54. Jenfasizza r-rwol politiku u ġeografiku strateġiku tat-Turkija, għall-politika barranija tal-Unjoni Ewropea u l-politika tal-viċinat tagħha; jenfasizza r-rwol tat-Turkija bħala attur reġjonali importanti fil-Lvant Nofsani, il-Balkani tal-Punent, l-Afganistan/Pakistan, in-Nofsinhar tal-Kawkasu, l-Asja Ċentrali u l-Qarn tal-Afrika u r-rwol tat-Turkija bħala sors ta' aspirazzjoni fil-proċess ta’ tranżizzjoni demokratika tal-Istati Għarab f’oqsma sinifikanti tal-politika li jinkludu r-riforma politika u ekonomika u l-iżvilupp istituzzjonali; jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-isforzi magħmula mit-Turkija biex tikkontribwixxi għat-tkomplija tad-djalogu u l-kooperazzjoni f’livell għoli bejn l-Afganistan u l-Pakistan u jilqa’ l-proċess ta’ Istanbul li nbeda biex titjieb il-koperazzjoni reġjonali bejn l-Afganistan u l-ġirien tiegħu; jappoġġja l-pożizzjoni soda u l-impenn tat-Turkija għall-forzi demokratiċi fis-Sirja u jfakkar fir-rwol importanti tagħha fil-protezzjoni tar-refuġjati Sirjani; jistieden lill-UE u t-Turkija jsaħħu d-djalogu politiku eżistenti tagħhom dwar l-għażliet tal-politika barranija u l-objettivi ta' interess reċiproku; iħeġġeġ lit-Turkija tiżviluppa l-politika barranija tagħha fil-qafas tad-djalogu u l-koordinazzjoni mal-UE u tallinja b'mod progressiv l-politika estera tagħha ma' dik tal-UE, bil-ħsieb li jinħolqu sinerġiji prezzjużi u jissaħħaħ il-potenzjal għal impatt pożittiv;

55. Ifakkar fl-importanza ta’ koordinazzjoni u koperazzjoni mill-qrib bejn it-Turkija u l-UE dwar il-kwistjoni tal-proliferazzjoni nukleari fl-Iran u jemmen li t-Turkija jista' jkollha rwol importanti u kostruttiv fil-faċilitazzjoni u l-promozzjoni tad-djalogu mal-Iran dwar soluzzjoni bla dewmien u fl-iżgurar ta' appoġġ sħiħ għas-sanzjonijiet kontra l-Iran;

56. Ifakkar fl-ambizzjoni tat-Turkija li tispira u tassisti tranżizzjonijiet demokratiċi u riformi soċjoekonomiċi fil-viċinat tan-Nofsinhar; jinnota li l-parteċipazzjoni tal-istituzzjonijiet Torok u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi fl-istrumenti PEV jiġġeneraw effetti ta’ sinerġija uniċi, speċjalment f’oqsma bħall-istabbiliment istituzzjonali u l-iżvilupp soċjoekonomiku u tas-soċjetà ċivili; jemmen li l-kooperazzjoni prattika għandha tiġi komplimentata minn djalogu strutturat bejn l-UE u t-Turkija sabiex jiġu koordinati l-politiki tal-viċinat rispettivi tagħhom;

57. Jilqa' r-ratifika min-naħa tat-Turkija tal-protokoll fakultattiv tal-konvenzjoni tan-NU kontra t-tortura (OPCAT) fis-27 ta' Settembru 2011 u jistieden lit-Turkija tittrasponi malajr ir-rekwiżiti tiegħu fil-leġiżlazzjoni nazzjonali; iħeġġeġ l-adozzjoni bla dewmien ta’ mekkaniżmu nazzjonali ta’ implimentazzjoni; jitlob lit-Turkija tagħti aċċess lill-osservaturi internazzjonali għall-ħabsijiet tagħha;

58. Jistieden mill-ġdid lill-Gvern tat-Turkija jiffirma u jissottometti għar-ratifika l-Istatut tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, u b'hekk ikompli jżid il-kontribut u l-impenn tat-Turkija fis-sistema multilaterali globali;

59. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà/Viċi-President tal-Kummissjoni, lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, lill-President tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tat-Turkija.

 

 

[1] ĠU C 306 E, 15.12.2006, p.284
[2] ĠU C 263 E, 16.10.2008, p.452
[3] ĠU C 25 E, 19.11.2009, p. 57
[4] ĠU C 87 E, 1.4.2010, p.139
[5] Testijiet adottati, P7_TA(2010)0025
[6] Testijiet adottati, P7_TA(2011)0090
[7] ĠU C 157 E, 6.7.2006, p.385
[8] ĠU C 287 E, 29.11.2007, p.174
[9] ĠU L 51, 26.2.2008, p. 4
[10] ĠU C 364, 18.12.2000, p. 1