Dokument ta' sessjoni

 

12.4.2012                                                                                                                B7‑0200/2012

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa skont l-Artikolu 90(2) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibilità mat-Trattati tal-Ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Ewropea dwar l-użu u t-trasferiment tar-Reġistri tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) lid-Dipartiment tas-Sigurtà Interna tal-Istati Uniti

( 2012/2615(RSP) )

Cornelia Ernst

f'isem il-Grupp GUE/NGL

<<<

B7‑0200/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibilità mat-Trattati tal-Ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Ewropea dwar l-użu u t-trasferiment tar-Reġistri tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) lid-Dipartiment tas-Sigurtà Interna tal-Istati Uniti

( 2012/2615(RSP) )

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b'mod partikolari l-paragrafi 6 u 11 tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar tal-Ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Ewropea dwar l-użu u t-trasferiment tar-Reġistri tal-Ismijiet tal-Passiġġieri lid-Dipartiment tas-Siġurtà Interna tal-Istati Uniti[1],

–   wara li kkunsidra l-Ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Ewropea dwar l-użu u t-trasferiment tar-Reġistri tal-Ismijiet tal-Passiġġieri lid-Dipartiment tas-Sigurtà Interna tal-Istati Uniti, anness ma’ dak l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill 2,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-approċċ globali għat-trasferimenti ta' data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) lil pajjiżi terzi ( COM(2010)0492 ),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-14 ta' Frar 2007 dwar SWIFT, il-Ftehim tal-PNR u d-djalogu transatlantiku dwar dawn il-kwistjonijiet[2], tat-22 ta' Ottubru 2008 dwar l-evalwazzjoni tal-Ftehim tal-PNR bejn l-Awstralja u l-UE[3], tal-5 ta' Mejju 2010 dwar l-illanċjar ta’ negozjati għal ftehimiet dwar ir-Reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) mal-Istati Uniti, l-Awstralja u l-Kanada[4], u tal-11 ta' Novembru 2010 dwar l-approċċ globali għat-trasferimenti ta' data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) lil pajjiżi terzi[5],

–   wara li kkunsidra l-opinjonijiet tas-Superviżur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data tad-19 ta' Ottubru 2010 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-approċċ globali għat-trasferimenti ta’ dejta tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) lil pajjiżi terzi[6] u tal-9 ta' Diċembru 2011 dwar il-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta' Ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Ewropea dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) lid-Dipartiment tas-Sigurtà Interna tal-Istati Uniti[7],

–   wara li kkunsidra l-Opinjoni 7/2010 tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29 dwar il-Protezzjoni tad-Data, adottat fit-12 ta' Novembru 2010, dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-approċċ globali għat-trasferimenti ta’ dejta tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) lil pajjiżi terzi, u għall-ittra tas-6 ta' Jannar 2012 dwar il-Ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Ewropea dwar l-użu u t-trasferiment tar-rekords tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) lid-Dipartiment tas-Sigurtà Interna tal-Istati Uniti,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 16 TFUE u l-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin ( A7-0099/2012 ),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 90(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-qafas legali Ewropew li jippermetti lill-kumpaniji tal-ajru jittrasferixxu data tal-PNR tal-passiġġieri ġie stabbilit permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/496/KE tas-17 ta' Mejju 2004 dwar l-iffirmar ta’ Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ data tar-Reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) derivata minn trasportaturi bl-ajru lill-Uffiċċju tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri (Bureau of Customs and Border Protection) fid-Dipartiment tal-Homeland Security ta’ l-Istati Uniti[8] (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ "il-Ftehim");

B.  billi d-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja fil-Każijiet Konġunti C-317/04 u C-318/04 tat-30 ta' Mejju 2006 annullat id-deċiżjoni tal-Kunsill minħabba nuqqas ta' bażi legali xierqa;

C. billi, wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona fl-1 ta' Diċembru 2009, il-konklużjoni ta' ftehimiet tal-PNR ġodda tirrikjedi l-approvazzjoni tal-Parlament qabel ma dawn il-ftehimiet ikunu jistgħu jiġu finalment adottati mill-Kunsill;

D. billi l-Kummissjoni bdiet ftehim ġdid u, fit-23 ta' Novembru 2011, bagħtet rakkomandazzjoni lill-Kunsill biex jikkonkludi l-Ftehim, li l-Kunsill imbagħad iffirma fl-14 ta' Diċembru 2012; billi fl-istess jum, il-Parlament irċieva t-talba tal-Kunsill għall-approvazzjoni;

E.  billi l-iskop ċar tal-Ftehim, kif iddikjarat fl-Artikolu 1 tiegħu, huwa li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li bi qbil magħhom data tal-PNR tkun tista' tiġi ttrasferita, proċessata u użata, u protetta;

1.  Huwa tal-fehma li hemm inċertezza legali dwar jekk l-abbozz tal-Ftehim huwiex konformi mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data, u għalhekk jekk huwiex kumpatibbli mat-Trattati f'dan ir-rigward; barra minn hekk, għandu dubji dwar l-għażla tal-bażi legali, jiġifieri l-Artikoli 82(1)(d) u 87(2)(a) TFUE (kooperazzjoni tal-pulizija u koperazzjoni ġudizzjarja), u mhux dwar l-Artikolu 16 TFUE (protezzjoni ta' data);

2.  Jiddeċiedi li jitlob opinjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibilità tal-Ftehim mat-Trattati;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni għal skopijiet ta' informazzjoni u biex jieħu l-miżuri neċessarji biex jikseb din l-opinjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja.

 

[1] 17433/2011.
[2] ĠU C 287 E, 29.11.2007, p. 349.
[3] ĠU C 15 E, 21.1.2010, p. 46.
[4] ĠU C 81 E, 15.3.2011, p. 70.
[5] ĠU C 74E, 13.3.2012, p. 8.
[6] ĠU C 357, 30.12.2010, p. 7.
[7] ĠU C 35, 9.2.2012, p. 16.
[8] ĠU L 183, 20.5.2004, p. 83.