Dokument ta' sessjoni
17.4.2012 B7‑0202/2012
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar is-sitwazzjoni f'Burma
( 2012/2604(RSP) )
Véronique De Keyser, Ana Gomes, Robert Goebbels, Marc Tarabella, Pino Arlacchi
f'isem il-Grupp S&D
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni f'Burma
( 2012/2604(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra s-sett ta' miżuri restrittivi tal-Unjoni Ewropea kif stipulati fil-Pożizzjoni Komuni tal-PESK (2010/232/PESK) u l-aktar riċentement emendat bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 1083/2011 tas-27 ta' Ottubru 2011,
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' April 2011 dwar is-sospensjoni tal-laqgħat ta' livell għoli kif ukoll dwar il-projbizzjoni ta' viżi għall-membri ċivili tal-gvern (Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/239/PESK),
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tan-NU tat-2 ta' April 2012 dwar l-elezzjonijiet f'Burma/il-Mjanmar,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-President tal-Kunsill Ewropew tat-30 ta' Jannar 2012 dwar it-triq tar-riformi fil-Mjanmar,
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-UE dwar Burma/il-Mjanmar tat-23 ta' Jannar 2012,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjonijiet tar-Rappreżentant Għoli, b'mod partikolari d-Dikjarazzjonijiet tat-13 ta' Novembru 2010 dwar il-ħelsien ta' Aung San Suu Kyi, tat-13 ta' Jannar 2011 u tat-12 ta' Ottubru 2011 dwar il-ħelsien tal-priġunieri politiċi, u tat-2 ta' April 2012 dwar it-twettiq tal-by-elections,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tas-Samit tal-ASEAN tat-3 ta' April 2012 dwar l-eżitu tal-by-elections tal-1 ta' April 2012,
– wara li kkunsidra r-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem f'Burma, Tomás Ojea Quintana, ippreżentat lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fit-12 ta' April 2012,
– wara li kkunsidra ż-żjara riċenti tad-delegazzjoni tal-PE f'Burma/il-Mjanmar u l-laqgħat li saru b'mod partikolari mal-President Thein Sein u ma' Aung San Suu Kyi,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar Burma/il-Mjanmar, b'mod partikolari dawk tal-25 ta’ Novembru 2010 u tal-20 ta’ Mejju 2010,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi fl-1 ta' April 2012 saru by-elections biex jimtlew 44 siġġu battal fil-parlament; billi 43 siġġu ntrebħu mill-NLD u l-elezzjonijiet saru f'atmosfera pjuttost pożittiva, minkejja xi rapporti ta' irregolaritajiet u intimidazzjoni; billi għal dik ir-raġuni ma jistgħux jitqiesu ġenwinament ħielsa u ġusti;
B. billi l-elezzjonijiet tal-2010 kienu bbojkottjati mil-Lega Nazzjonali għad-Demokrazija minħabba li kienu organizzati abbażi tal-Kostituzzjoni tal-2008 u liġijiet adottati sussegwentament, li m'għamluhiex possibbli li tiġi stabbilita demokrazija ġenwina f'Burma/il-Mjanmar;
C. billi l-oppożizzjoni bħalissa għandha 6.6 % biss tas-siġġijiet fil-Parlament (43 minn 659) filwaqt li l-maġġoranza l-kbira tas-siġġijiet hija kkontrollata mill-Partit tal-Unjoni għas-Solidarjetà u l-Iżvilupp (USDP) li jinsab fil-gvern, inklużi l-25 fil-mija tas-siġġijiet miżmuma għal uffiċjali militari, sitwazzjoni li ma tiżgurax li l-oppożizzjoni se titħalla tassumi rwol attiv sabiex tipproponi r-riformi meħtieġa biex il-pajjiż jimxi dejjem aktar lejn id-demokrazija;
D. billi l-elezzjonijiet ġenerali li jmiss, li huma skedati għall-2015 u li fihom se se jiġu kkontestati 75 % tas-siġġijiet, se jkunu l-vera test tar-rieda tal-awtoritajiet ta' Burma li jiddemokratizzaw il-pajjiż;
E. billi l-President Thein Sein adotta politika aktar rikonċiljatorja fir-rigward tal-oppożizzjoni prodemokratika minn meta ħa l-kariga f'Marzu 2011, billi ħeles mijiet ta' priġunieri politiċi, ipparteċipa fi djalogu ma' Aung San Suu Kyi, u billi beda l-proċess ta' riforma fil-pajjiż;
F. billi fil-perjodu ta' qabel il-by-elections, il-gvern rattab il-politika tiegħu fir-rigward tal-midja, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, kif ukoll rigward l-oppożizzjoni politika organizzata u d-dissidenti; billi kienet l-ewwel elezzjoni fl-istorja ta' Burma fejn ġew mistiedna osservaturi barranin;
G. billi skont ir-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem f'Burma/il-Mjanmar, għad baqa’ preokkupazzjonijiet serji rigward id-drittijiet tal-bnidem, inkluż id-detenzjoni ta' ħafna priġunieri tal-kuxjenza f'kundizzjonijiet ta' min jistmerrhom; nuqqas ta' progress fl-iżgurar tal-indipendenza tal-ġudikatura u tar-riformi legali u l-persekuzzjoni kontinwa ta' xi minoranzi etniċi;
H. billi minkejja l-fatt li l-gvern beda negozjati għall-waqfien mill-ġlied ma' numru ta' gruppi etniċi ribelli armati, għad hemm ġlied kontinwu fl-istat ta’ Kachin, b'diversi rapporti ta' abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem u l-ispostament ta' 'l fuq minn 75 000 persuna;
I. billi l-gvern ta' Burma għadu qed jimblokka l-aċċess għall-għajnuna umanitarja għall-parti l-kbira tal-persuni spustati internament;
J. billi l-maġġoranza tal-priġunieri politiċi inħelsu biss fuq bażi kondizzjonali;
K. billi r-Rohyingya u minoranzi oħra huma mċaħħda miċ-ċittadinanza abbażi tal-liġi taċ-ċittadinanza tal-1982 u għadhom jiffaċċjaw persekuzzjoni ħarxa;
L. billi l-miżuri restrittivi attwalment fis-seħħ se jiġu riveduti waqt il-laqgħa tal-Kunsill Ġenerali fit-23 ta' April;
M. billi ħafna setturi tal-attività ekonomika f'Burma/il-Mjanmar bħall-estrazzjoni, l-injam, iż-żejt, il-gass u l-kostruzzjoni ta' digi ġew konnessi direttament ma' abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem u mal-qerda ambjentali, u kienu fl-istess ħin is-sors ewlieni tad-dħul għall-gvern militari;
N. billi Aung San Suu Kyi tappoġġa s-sospensjoni kundizzjonali tal-miżuri restrittivi tal-UE peress li din iżżomm il-pressjoni fuq il-gvern ta' Burma biex ikompli bir-riformi u toffri perspettiva ta' aktar “premji” jekk il-proċess ta' riforma jkompli;
O. billi żjara mir-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà f'Burma/il-Mjanmar hija ppjanata li sseħħ ftit wara d-deċiżjoni tal-Kunsill dwar is-sanzjonijiet;
1. Jilqa' r-riżultat pożittiv tal-by-elections tal-1 ta' April bħala l-ewwel pass konkret fil-proċess ta' demokratizzazzjoni f'Burma/il-Mjanmar li, jekk jitkompla b'mod sostenibbli u irriversibbli, joffri perspettiva tal-istabbiliment ta' relazzjonijiet ġodda u kooperattivi mal-UE;
2. Iħeġġeġ lill-gvern ta' Burma jieħu passi oħra bħala prova tal-impenn ġenwin tiegħu fir-rigward tad-demokratizzazzjoni tal-pajjiż; jitlob b'mod partikolari l-ħelsien rapidu u mingħajr kundizzjonijiet tal-priġunieri politiċi li għad fadal, l-għoti ta' aċċess mingħajr xkiel għaż-żoni ta' kunflitt lill-organizzazzjonijiet umanitarji internazzjonali u lokali, ir-riforma tal-liġijiet li jippenalizzaw l-espressjoni ħielsa u li jippermettu ċ-ċensura tal-midja u r-revoka tal-liġi taċ-ċittadinanza tal-1982;
3. Jistieden lill-UE u lir-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tagħha biex matul iż-żjara imminenti tagħha jenfasizzaw il-ħtieġa urġenti li jiġu adottati riformi politiċi f'erba' oqsma ewlenin:
– id-detenzjoni kontinwa tal-priġunieri tal-kuxjenza u l-iffastidjar tal-attivisti politiċi
– l-attakki kontinwi kontra l-persuni ċivili u d-delitti serji kontra l-minoranzi etniċi
– il-liġijiet ripressivi u s-sistema ġudizzjarja li tiddependi mill-politiki tal-gvern
– il-ġustizzja u r-rendikont għall-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem li seħħew fil-passat u li qed iseħħu fil-preżent;
4. Jistieden lill-gvern u lill-parlament ta' Burma/il-Mjanmar biex jimmodifika d-dispożizzjonijiet kostituzzjonali li jagħtu lill-militar setgħat li jikkontrolla gvern ċivili, u dan qabel l-elezzjonijiet tal-2015;
5. Jilqa' l-ġesti pożittivi tal-UE bħala appoġġ għall-bidu tat-tranżizzjoni politika fil-pajjiż, inkluż il-wegħda ta' EUR 150 miljun għal għajnuna umanitarja maħsuba b'mod partikolari għall-iżvilupp tal-faċilitajiet tas-saħħa u tal-edukazzjoni fil-pajjiż u għall-assistenza għall-persuni spustati;
6. Jistieden lill-UE tinvolvi ruħha mas-soċjetà ċivili fir-rigward tat-taħriġ u t-tisħiħ tal-kapaċità istituzzjonali għat-tħejjija tal-elezzjonijiet tal-2015; jitlob li l-għajnuna għall-iżvilupp tal-UE tappoġġa l-progress lejn l-ilħuq ta' punti ta' riferiment speċifiċi u żżid l-għadd ta' ċittadini ta' Burma li jibbenefikaw mir-riformi; itenni li l-għajnuna għall-iżvilupp għandha tkun konnessa ma' standards ta' governanza u ma' djalogu mas-soċjetà ċivili u mal-awtoritajiet;
7. Jistieden lill-Kunsill jissospendi l-miżuri restrittivi attwalment fis-seħħ għal perjodu inizjali ta' sena u jimmonitorja mill-qrib is-sitwazzjoni fil-pajjiż speċjalment fir-rigward tar-riformi politiċi, bil-ħsieb li sussegwentament jitnaqqsu s-sanzjonijiet pass pass bħala reazzjoni għal passi sinifikanti lejn ir-riforma min-naħa tal-gvern ta' Burma u għal titjib fis-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż;
8. Iħeġġeġ lill-President Thein Sein jagħti lill-aġenziji tal-għajnuna internazzjonali aċċess mingħajr xkiel għaż-żoni kollha ta' kunflitt fi stati etniċi biex jagħtu għajnuna umanitarja lill-persuni spustati internament;
9. Jilqa' d-deċiżjoni tad-19-il sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU li jestendi l-mandat tar-Rapporteur Speċjali dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f'Burma/il-Mjanmar għal sena oħra;
10. Jilqa' ż-żjara uffiċjali imminenti tar-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, kif ukoll id-deċiżjoni li tiġi stabbilita preżenza diplomatika fil-pajjiż u li jiġi inawgurat l-Uffiċċju tal-UE f'dik l-okkażjoni;
11. Itenni l-istedina lir-Rebbieħa tal-Premju Sakharov Daw Aung San Suu Kyi biex iżżur il-Parlament Ewropew biex tirċievi b'mod uffiċjali l-Premju Sakharov li kienet ingħatat fl-1991;
12. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli, lill-parlamenti u l-gvernijiet tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lis-Segretarju Ġenerali tal-ASEAN, kif ukoll lill-Parlament u l-Gvern ta' Burma/il-Mjanmar.