Dokument ta' sessjoni

 

2.5.2012                                                                                                                  B7‑0223/2012

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar il-piraterija marittima,

( 2011/2962(RSP) )

Izaskun Bilbao Barandica, Gesine Meissner, Alexander Graf Lambsdorff, Marielle de Sarnez

f'isem il-Grupp ALDE

 

B7‑0223/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-piraterija marittima

( 2011/2962(RSP) )

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Mejju 2008 dwar politika marittima integrata għall-Unjoni Ewropea[1],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar il-piraterija marittima, speċjalment ir-riżoluzzjoni tat-23 ta' Ottubru 2008 dwar il-piraterija marittima[2] u r-riżoluzzjoni tas-26 ta' Novembru 2009 dwar soluzzjoni politika għall-problema tal-piraterija 'l barra mill-kosta Somala[3],

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar (UNCLOS) tal-10 ta' Diċembru 1982,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1988 dwar it-Trażżin ta’ Azzjonijiet Illegali kontra s-Sikurezza tan-Navigazzjoni Marittima,

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 1814(2008) tal-15 ta' Mejju 2008, 1816(2008) tat-2 ta' Ġunju 2008, kif ukoll 1851(2008) tas-16 ta' Diċembru 2008, 1897(2009) tat-30 ta'  Novembru 2009, 1950(2010) tat-23 ta' Novembru 2010, 1976(2011) tal-11 ta' April 2011, 2015(2011) tal-24 ta' Ottubru 2011, u 2020(2011) tat-22 ta' Novembru 2011 dwar is-sitwazzjoni fis-Somalja,

–   wara li kkunsidra l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/749/CFSP tad-19 ta’ Settembru 2008 dwar l-azzjoni militari kkoordinata tal-Unjoni Ewropea b’appoġġ għar-Riżoluzzjoniiet tan-Nazzjonijiet Uniti 1816 (2008) (UE NAVCO)[4],

–   wara li kkunsidra l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/851/CFSP tal-10 ta' Novembru 2008[5] u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/766/CFSP dwar operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea bl-isem ATALANTA[6] biex isir kontribut għad-deterrenza, il-prevenzjoni u r-ripressjoni ta' atti ta' piraterija u serq armat 'il barra mill-kosta tas-Somalja kif ukoll għall-protezzjoni ta' bastimenti tal-Programm tal-Ikel Dinji (WFP) li jwassal għajnuna alimentari lil persuni spostati fis-Somalja u għall-protezzjoni tat-trasport marittimu tal-Missjoni tal-Unjoni Afrikana għas-Somalja (AMISOM),

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/96/PESK tal-15 ta' Frar 2010 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/197/PESK tal-31 ta' Marzu 2010 dwar il-varar ta' missjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-Forzi tas-Sigurtà tas-Somalja (EUTM Somalja),

–   wara li kkunsidra l-Kunċett għall-Ġestjoni tal-Kriżi miftiehem mill-Kunsill tal-Affarijiet Barranin fis-16 ta' Diċembru 2011 għall-missjoni tal-Bini tal-Kapaċitajiet tal-Kunsill Reġjonali Marittimu (RMCB), bħala missjoni ċivili tas-PSDK flimkien ma' esperti militari li qiegħda titħejja,

–   wara li kkunsidra l-Qafas Strateġiku għall-Qarn tal-Afrika biex jiggwida l-involviment tal-UE fir-reġjun adottat mill-Kunsill fl-14 ta' Novembru 2011,

–   wara li kkunsidra l-ftehim ta’ qsim ta’ poter iffirmat f’Djibouti fid-9 ta' Ġunju 2008, li kellu l-għan li jagħti bidu għal rikonċiljazzjoni nazzjonali wiesgħa u joħloq alleanza politika b'saħħitha u inklużiva li kapaċi tiżgura l-paċi, tirrikonċilja l-pajjiż u tistabbilixxi mill-ġdid awtorità statali ċentrali,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-konferenza ta' Londra dwar is-Somalja, tat-23 ta’ Frar 2012,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin tas-27 ta’ Frar 2012,

–   wara li kkunsidra l-mistoqsijiet tal-15 ta' Diċembru 2011 lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar il-piraterija marittima ( B7‑0039/2012 u B7‑0040/2012 ),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi t-trasport marittimu jirrappreżenta wieħed mill-passi fundamentali għat-tkabbir ekonomiku u l-prosperità fl-Ewropa matul l-istorja tagħha u aktar minn 80% tal-kummerċ dinji jinġarr fuq il-baħar; billi, għalhekk, l-UE għandha interess ġenwin li tikkontribwixxi għas-sigurtà marittima internazzjonali;

B.  billi l-attivitajiet tas-sajd Ewropew fir-reġjun huma regolati b'diversi ftehimiet tas-sajd bilaterali u multilaterali mal-pajjiżi tal-viċinat;

C. billi l-piraterija fl-ibħra internazzjonali għadha ma ssolvietx imma għadha mifruxa sew fl-Oċean Indjan tal-Punent, partikolarment 'il barra mix-xtut tas-Somalja u tal-Qarn tal-Afrika, kif ukoll f'xi żoni oħra, inklużi x-Xlokk tal-Asja u l-Afrika tal-Punent, u b'hekk hi theddida ta' periklu li qiegħda tikber kemm għall-ħajja tal-persuni kif ukoll għas-sikurezza tal-baħħara u ta' persuni oħra u għall-iżvilupp reġjonali u l-istabbiltà, l-iżvilupp tal-baħar, il-kummerċ dinji, kull forma ta' trasport marittimu, inklużi bastimenti tas-sajd kif ukoll it-twassil tal-għajnuna umanitarja;

D. billi kull sena 10 000 bastiment Ewropew jgħaddu minn żoni marittimi perikolużi u għalhekk, minbarra l-aspett tal-ħajja tal-persuni u dak tas-sikurezza, il-piraterija tikkostitwixxi wkoll problema ekonomika għaliex thedded il-linji tal-kummerċ marittimu internazzjonali u tħalli impatt negattiv sinifikanti fuq il-kummerċ internazzjonali;

E.  billi fl-2011 l-għadd ta' tentattivi ta' attakki fuq bastimenti għadu għoli ferm, kienu rappurtati li saru 28 ħatfa, inħatfu 470 baħħar, inqatlu 15 u attwalment madwar 191 baħħar minn madwar 7 bastimenti qegħdin jinżammu bħala ostaġġi fis-Somalja taħt kundizzjonijiet orribbli u inumani għal perjodi li dejjem qed ikunu itwal;

F.  billi l-pirati qegħdin kostantament jadattaw it-tattiċi u l-metodi tagħhom, u espandew ir-raġġ operattiv għaliex qed jużaw bastimenti tal-ħtif akbar u l-hekk imsejħa 'motherships';

G. billi l-istabbiltà politika li għaddejja fis-Somalja hi waħda mill-kawżi tal-problema tal-piraterija u qed tikkontribwixxi għal din il-problema u, għal xi wħud miċ-ċittadini tas-Somalja, il-piraterija qed tkompli titqies bħala sors ta' dħul profittabbli u vijabbli;

H. billi l-ġlieda kontra l-piraterija ma tistax tintrebaħ permezz ta' mezzi militari biss, iżda tiddependi l-aktar mis-suċċess fil-promozzjoni tal-paċi, l-iżvilupp u l-bini tal-istat fis-Somalja;

I.   billi l-EMSA għandha għad-dispożizzjoni tagħha strumenti u dejta, li jistgħu jgħinu l-Operazzjoni EU-NAVFOR ‘ATALANTA’ biex ittejjeb is-sikurezza tal-bastimenti u tal-baħħara fiż-żona;

J.   billi l-problema tal-piraterija għandha wkoll effetti negattivi fuq ir-reġjun sħiħ fejn operazzjonijiet tas-sajd saru impriża perikoluża mhux biss għall-bastimenti tas-sajd tal-UE pereżempju fl-ibħra tas-Seychelles fuq il-bażi ta' Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd bejn l-UE u r-Repubblika tas-Seychelles, imma wkoll għas-sajjieda lokali li qed jingħataw appoġġ settorjali u li għalhekk ikollhom responsabbiltà soċjali; meta wieħed iqis li s-sajjieda lokali ma għandhomx l-istess mezzi, la finanzjarjament u lanqas permezz tal-kapaċità f'termini ta' riżorsi umani, biex jipproteġu lilhom infushom mill-piraterija, kif għamlu l-bastimenti tat-tkarkir tal-UE;

K. billi l-UE hi l-akbar donatur għas-Somalja, billi impenjat EUR 215.4 miljun s'issa għall-għajnuna għall-iżvilupp permezz tal-Fond Ewropew ta' Żvilupp (FEŻ) għall-perjodu 2008-2013; billi l-attenzjoni ewlenija ta' dawn il-fondi hi li terfa' l-persuni mill-faqar u tgħin tkabbir ekonomiku awtosuffiċjenti u tipprovdi soluzzjoni dejjiema għall-istabbiltà fil-pajjiż billi tindirizza l-għeruq tal-kawżi tal-piraterija billi tiffinanzja proġetti li jtejbu l-governanza, l-edukazzjoni, it-tkabbir ekonomiku u tappoġġa s-setturi mhux fokali (is-saħħa, l-ambjent, l-ilma u s-sanità);

L.  billi n-Nazzjonijiet Uniti jistmaw li 40% tad-dħul mill-piraterija tas-Somalja fl-2010 kien użat biex jiffinanzja l-impjiegi lokali, u sa ċertu punt ikkontribwixxa lejn ridistribuzzjoni aħjar u investiment fl-infrastruttura, li juri l-gravità tas-sitwazzjoni ekonomika fis-Somalja;

M. billi filwaqt li l-isforzi tal-UE għall-ġlieda kontra l-piraterija rnexxielhom jipproteġu l-ispedizzjonijiet fuq il-baħar kollha tal-Programm Dinji tal-Ikel (WFP), dawn qegħdin fil-periklu li jiġu mminati fil-futur minħabba n-nuqqas ta' forzi navali u kwistjonijiet legali, li ta' spiss ma jippermettux l-arrest u l-prosekuzzjoni tal-pirati;

N. billi ħafna Stati Membri attwalment qed jiżviluppaw ir-regoli tagħhom dwar l-użu ta' gwardji armati abbord ta' bastimenti tal-merkanzija;

1.  Itenni t-tħassib serju tiegħu dwar it-theddida kontinwa li dejjem qiegħda tikber, li l-piraterija u s-serq armat fuq il-baħar kontra s-sajd internazzjonali u tal-UE, kontra bastimenti tal-merkanzija u tal-passiġġieri fl-Oċean Indjan qrib il-kosti Afrikani, b'mod partikolari fl-ibħra 'l barra mill-kosta tas-Somalja u l-Qarn tal-Afrika, jippreżentaw għas-sigurtà tal-baħħara u persuni oħra, għall-istabbiltà reġjonali, kif ukoll għal kull forma ta' trasport marittimu, inklużi attivitajiet tas-sajd;

2.  Jistieden lir-Rappreżentant Għoli u lill-Istati Membri sabiex jikkunsidraw b'mod urġenti, modi kif jistgħu jilliberaw il-mijiet ta' baħħara li attwalment huma miżmuma bħala ostaġġi, ħalli b'hekk tintemm il-priġunerija estiża u tal-biża' f'idejn dawk li qabduhom u l-baħħara jkunu jistgħu jirritornaw lejn djarhom u, fl-istess ħin, tintemm id-detenzjoni tal-bastimenti maħtufa;

3.  Jilqa' l-kontribut tal-Operazzjoni UE-NAVFOR, ATALANTA għas-sigurtà marittima 'l barra mill-kosta tas-Somalja, li tipproteġi l-bastimenti mikrija għall-Programm Dinji tal-Ikel li jwasslu għajnuna lis-Somalja, u bastimenti vulnerabbli oħra;

4.  Jilqa' d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/766/CFSP dwar operazzjoni militari li testendi l-operazzjoni UE-NAVFOR ATALANTA sat-12 ta' Diċembru 2012 u tipprovdi ċertezza legali għall-proċeduri kriminali wara l-qbid ta' pirati u t-trażmissjoni ta' dejta personali tal-persuni suspettati; għalhekk jilqa' l-konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin tas-27 ta' Frar 2012 li jagħmlu sejħa għall-estensjoni tal-mandat tal-EU‑NAVFOR ATALANTA sa Diċembru 2014;

5.  Jitlob li l-operazzjoni EU-NAVFOR ATALANTA tkun estiża aktar anke wara l-2012 sabiex tiġi żgurata aħjar l-effikaċja tar-rispons tal-UE għall-piraterija marittima li għandha effetti negattivi fuq it-trasport marittimu u bl-istess mod fuq operazzjonijiet tas-sajd imwettqa minn bastimenti tal-UE kif ukoll minn bastimenti lokali tas-sajd fir-reġjun ikkonċernat;

6.  Jenfasizza li aktar impunità għall-piraterija tmur kontra d-deterrenza; jiddeplora l-fatt li minkejja l-ftehimiet tal-UE ma' pajjiżi terzi (il-Kenja, is-Seychelles, il-Mawrizju, Puntland, Somaliland, is-Somalja) u oqfsa legali internazzjonali, ħafna pirati u kriminali oħra lanqas biss ġew arrestati jew, meta ġew arrestati ta' spiss inħelsu ftit wara minħabba nuqqas ta' bażi legali konkreta, u barra minn hekk xi Stati Membri tal-UE għandhom salvagwardji inadegwati tal-liġi kriminali kontra l-piraterija fl-ibħra internazzjonali;

7.  Jenfasizza, bħala kwistjoni ta' urġenza, il-ħolqien ta' qorti speċjalizzata kontra l-piraterija fis-Somalja u fi Stati oħra fir-reġjun b'parteċipazzjoni internazzjonali sostanzjali u/jew appoġġ;

8.  F'dan ir-rigward jitlob miżuri immedjati u effettivi biex dawk suspettati minn atti ta' piraterija jkunu jistgħu jitħarrku u jiġu kkastigati u jħeġġeġ lill-pajjiżi terzi u lill-Istati Membri tal-UE li għadhom ma għamlux dan biex jittrasponu fil-liġi nazzjonali tagħhom id-dispożizzjonijiet kollha stipulati mill-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar u l-Konvenzjoni tan-NU għat-Trażżin ta' Atti Illegali Kontra s-Sigurtà tan-Navigazzjoni Marittima, sabiex tiġi indirizzata l-impunità tal-pirati u jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jaħdmu fuq qorti internazzjonali possibbli, iddedikata għall-piraterija;

9.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri, f'kooperazzjoni mal-Europol u l-INTERPOL, biex jinvestigaw u jintraċċaw il-flussi tal-flus u jikkonfiskaw il-flus li jitħallsu bħala rahan lill-pirati, għaliex dawn huma indikazzjonijiet li dan il-flus jista' jitferra' f'kontijiet bankarji mad-dinja kollha, inklużi banek fl-Ewropa, kif ukoll jidentifikaw u jżarmaw in-netwerks tal-kriminalità organizzata li jħallu profitti kbar minn atti bħal dawn;

10. Jiddeplora l-fatt li l-għadd ta' bastimenti li l-Istati Membri fornew għall-operazzjoni UE‑NAVFOR ATALANTA naqas (minn 35 sa 10) għal 2-3 biss fil-bidu tal-2012 u għalhekk jappella lill-Istati Membri biex jipprovdu aktar bastimenti navali biex l-operazzjoni ATALANTA tirnexxi;

11. Jenfasizza r-rwol tal-UE NAVFOR, tan-NATO u tal-Forzi Marittimi ta' Koalizzjoni (CMF) biex b'mod effettiv jindirizzaw iż-żieda fl-użu ta' bastimenti tal-merkanzija maħtufa bħala 'Motherships' - żvilupp li jikkostitwixxi żieda sinifikanti fil-kapaċità operattiva tal-pirati u li tippermettihom iwettqu l-attakki tagħhom b'aktar saħħa, determinazzjoni u flessibbiltà fl-Oċean Indjan kollu;

12. Jenfasizza fl-istess ħin il-ħtieġa li tissaħħaħ il-koordinazzjoni strateġika fost l-azzjonijiet tal-UE-NAVFOR, ATALANTA, EUTM Somalja u azzjonijiet oħra tal-PESK fir-reġjun aktar wiesa' tal-Qarn tal-Afrika; jilqa', f'dan ir-rigward, id-deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta' Jannar 2012 biex jiġi attivat Ċentru tal-Operazzjonijiet tal-UE u jistenna bil-ħerqa d-Deċiżjoni tal-Kunsill relatata li għandha tiġi adottata mill-aktar fis possibbli;

13. Jitlob għal koordinazzjoni akbar bejn l-UE, in-NATO u l-pajjiżi terzi fir-rigward tad-diversi forzi navali internazzjonali ¬ li qegħdin iwettqu tliet missjonijiet navali ewlenin kontra l-piraterija fir-reġjun (EU NAVFOR, CTF-150/151 u TF-508 fi ħdan l-operazzjoni tan-NATO, Ocean Shield) sabiex tkun evitata dupplikazzjoni żejda, minħabba li ż-żewġ organizzazzjonijiet, l-UE u n-NATO, abbażi tal-awtonomija li għandhom fit-teħid tad-deċiżjonijiet, joperaw fl-istess żona, għandhom l-istess interessi u ġeneralment jiġbru fihom l-istess nazzjonijiet Ewropej, u f'dan il-kuntest jilqa' bi ħgaru l-konferenza f'Londra dwar is-Somalja fit-23 ta' Frar 2012;

14. Jenfasizza li l-EMSA għandha tkompli tikkoopera mal-operazzjoni UE-NAVFOR ATALANTA, billi tipprovdiha, wara l-kunsens tal-Istat ewlieni, bid-dejta dettaljata tal-LRIT u bl-immaġni satellitari tal-bastimenti b'bandiera tal-UE li jkunu qegħdin jivvjaġġaw f'din iż-żona; għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw lill-Aġenzija biex tipprovdi din id-dejta u din l-informazzjoni lill-operazzjoni UE‑NAVFOR;

15. Iħeġġeġ lill-kumpaniji marittimi li jaderixxu u japplikaw b'mod sħiħ 'L-Aħjar Prattiki għall-protezzjoni kontra l-Piraterija Bbażata fis-Somalja' (BMP-4) li jipprovdu informazzjoni suffiċjenti lill-partijiet kollha involuti dwar modi li bihom jistgħu jassistu l-bastimenti biex jevitaw, jiskoraġġixxu jew iżommu lura attakki tal-pirati 'l barra mix-xtut tas-Somalja; itenni s-sejħa tiegħu lill-bastimenti kollha li joperaw fiż-żona sabiex jirreġistraw mal-korpi relevanti ta' koordinazzjoni tas-sigurtà marittima u jsegwu r-rakkomandazzjonijiet tal-UE‑NAVFOR ATALANTA; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-bastimenti kollha jkunu reġistrati;

16. Iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni f'kollaborazzjoni man-NU u l-Unjoni Afrikana, wara diversi talbiet mill-Gvern Federali Tranżitorju (TFG) tas-Somalja għal assistenza internazzjonali biex jipproteġu l-bastimenti tal-għajnuna umanitarja u jikkonfrontaw il-piraterija 'l barra mix-xtut tagħha, biex ikomplu jikkooperaw u jappoġġaw lit-TFG tas-Somalja fil-ġlieda kontra l-piraterija u dawk li qed iwettquha sabiex jitressqu quddiem il-ġustizzja u jgħinu lis-Somalja u lir-reġjun isaħħu l-kapaċitajiet tagħhom;

17. Jilqa' d-deċiżjoni mill-Kunsill għall-Affarijiet Barranin tat-12 ta' Diċembru 2011 dwar it-tħejjija tal-missjoni ta' taħriġ reġjonali tal-Bini tal-Kapaċitajiet Reġjonali Marittimi (RMCB) li għandha l-għan li ssaħħaħ il-kapaċità marittima u t-taħriġ tal-forza tal-pulizija kostali u tal-imħallfin fi tmien pajjiżi fil-Qarn tal-Afrika u l-Oċean Indjan tal-Punent;

18. Jappoġġa bis-sħiħ il-proċess ta' Djibouti għall-paċi u r-rikonċiljazzjoni; jitlob għal approċċ komprensiv għas-sitwazzjoni fis-Somalja, billi s-sigurtà tintrabat mal-iżvilupp, l-istat tad-dritt u mar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-liġi umanitarja internazzjonali;

19. Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tipproponi fondi addizzjonali ta' EUR 50 miljun bħala appoġġ finanzjarju mill-UE lill-Missjoni tal-Unjoni tal-Afrika fis-Somalja (AMISOM) u jitlob lill-Istati Membri u lill-komunità internazzjonali biex jgħinu fil-promozzjoni tal-paċi, l-iżvilupp ekonomiku u l-bini ta' reġim demokratiku stabbli fis-Somalja li jista' jiffaċilita s-sigurtà u l-ġlieda kontra l-piraterija fuq perjodu twil ta' żmien, u barra minn hekk jilqa' l-ħatra ta' rappreżentant speċjali tal-UE għall-Qarn tal-Afrika;

20. Jinsab imħasseb dwar is-sitwazzjoni umanitarja li għadha qed tiddeterjora fil-Qarn tal-Afrika u jitlob lill-komunità internazzjonali, u lill-UE b'mod partikolari, iżżid l-għoti ta' assistenza umanitarja lill-persuni fil-bżonn sabiex jintlaħqu l-ħtiġijiet umanitarji li qed jikbru u jiġi evitat li s-sitwazzjoni tkompli tmur għall-agħar;

21. Jilqa' l-proġett tal-UE Marsic taħt "il-Programm ta' Rotot Marittimi Kritiċi' tal-Istrument għall-Istabbiltà bl-għan li jsaħħaħ is-sigurtà u s-sikurezza fl-Oċean Indjan tal-Punent u fil-Golf ta' Aden permezz tal-kondiviżjoni tal-informazzjoni u l-bini tal-kapaċità, b'enfasi fuq il-kooperazzjoni reġjonali bejn il-pajjiżi tar-reġjun u jistenna li dan jiġi estiż lilhinn mill-2013;

22. Iħeġġeġ inizjattivi kontra l-piraterija fil-pajjiżi tar-reġjuni tal-Lvant u tan-Nofsinhar tal-Afrika u tal-Oċean Indjan bħall-proġett MASE (Programm Marittimu u ta' Sigurtà) kontra l-piraterija, li bbenefika minn għotja inizjali ta' USD 2 miljuni mill-UE;

23. Itenni li l-piraterija 'l barra mix-xtut tas-Somalja hi estensjoni tan-nuqqas tad-dritt u tal-ordni f'dak il-pajjiż u għalhekk, il-komunità internazzjonali għandha tipprovdi l-appoġġ tekniku u finanzjarju meħtieġ biex tassisti t-TFG fl-iżvilupp tal-kapaċità li teżerċita kontroll fuq l-ibħra territorjali tagħha u fuq iż-żona ekonomika esklussiva tagħha;

24. Huwa favur koordinazzjoni aktar formali tal-istrateġija komprensiva kontra l-piraterija bejn il-partijiet differenti involuti fl-UE; iħeġġeġ l-istabbiliment ta' Task Force formali, possibilment taħt l-awspiċi tas-Servizz Ewropew għal Azzjoni Esterna (SEAE), bl-awtoritajiet kollha involuti; jissuġġerixxi li l-kunċett ta' Task Force tal-UE huwa promoss fi ħdan il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU bil-ħsieb li jistabbilixxi Task Force Globali li se jaħdem f'kooperazzjoni mill-qrib mal-IMO;

25. Itenni li din l-istrateġija komprensiva għandha tqis li parti kbira tal-popolazzjoni fis-Somalja qed tibbenefika minn din il-prattika u li kull inċentiv qawwi għall-popolazzjoni tas-Somalja biex jeħilsu darba u għal dejjem mill-piraterija jeħtieġ li jiġi mmirat lejn l-impjieg taż-żgħażagħ;

26. Jenfasizza li l-użu ta' gwardji armati privati abbord hija miżura li ma tistax tissostitwixxi s-soluzzjoni komprensiva meħtieġa għat-theddida tal-piraterija multidimensjonali; jikkunsidra li xi Stati Membri introduċew leġiżlazzjoni relevanti; f'dan il-kuntest jistieden lill-Istati Membri jwettqu miżuri ta' sigurtà meħtieġa abbord fejn dan ikun possibbli, kif ukoll jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jaħdmu biex ifasslu approċċ tal-UE li jikkonċerna l-użu ta' persunal armat iċċertifikat abbord li jiżgura implimentazzjoni tajba tal-linji gwida tal-IMP f'dan ir-rigward;

27. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lis-Segretarji Ġenerali tal-Unjoni Afrikana, lin-NU u lill-Awtorità Intergovernattiva għall-Iżvilupp (IGAD), lill-President tal-Gvern Federali Tranżitorju tas-Somalja u lill-Parlament Pan-Afrikan.

 

[1] Testi adottati, P6_TA(2008)0213
[2] Testi adottati, P6_TA(2008)0519
[3] Testi adottati, P7_TA(2009)0099
[4] ĠU L 252, 20.09.2008 p. 39.
[5] ĠU L 301, 12.11.2008, p. 33.
[6] ĠU L 327, 11.12.2010, p. 49.