Dokument ta' sessjoni
6.6.2012 B7‑0277/2012
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar is-sitwazzjoni fil-Ginea Bissaw
( 2012/2660(RSP) )
Charles Tannock
f'isem il-Grupp ECR
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Ginea Bissaw
( 2012/2660(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-RGħ tal-31 ta’ Mejju 2012 dwar il-miżuri adottati mill-Kunsill biex jissaħħu s-sanzjonijiet kontra l-ġunta militari fil-Ginea Bissaw,
– wara li kkunsidra l-elezzjoni presidenzjali bikrija li nżammet fit-18 ta’ Marzu 2012 fil-Ginea Bissaw wara l-mewt tal-President Malam Bacai Sanha fid-9 ta’ Jannar,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni presidenzjali tal-21 ta’ April 2012 tal-Kunsill tas-Sigurtà li tikkundanna l-kolp ta’ Stat militari fil-Ginea Bissaw,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi, sa mill-indipendenza tiegħu mill-Portugall fis-sebgħinijiet, wara ġlieda mdemmija għall-indipendenza, il-Ginea Bissaw baqa’ fqir u fi stat ta’ kunflitt kważi kostanti bejn l-awtoritajiet ċivili u dawk militari li nvolva sensiela ta’ qtil politiku; billi, sa mill-indipendenza fl-1973, l-ebda mexxej politiku ma rnexxielu jtemm il-mandat tiegħu;
B. billi deċennji ta’ insabilità politika tal-Ginea Bissaw wasslu lill-pajjiż fi kriżi profonda, karatterizzata min-nuqqas ta’ aċċess għal ilma nadif, saħħa u edukazzjoni u b’ħaddiema tas-servizz ċivili li ilhom żmien ma jitħallsu, u billi l-pajjiż huwa wieħed minn numru żgħir ta’ Stati fuq l-aġenda tal-Kummissjoni għall-Bini tal-Paċi tan-Nazzjonijiet Uniti, li għandha l-għan tgħin il-pajjiżi foqra jevitaw li jerġgħu lura għall-gwerra jew fil-kaos;
C. billi fit-12 ta’ April, il-forzi armati ħadu l-poter u bagħtu l-ħabs lill-President interim Raimundo Pereira, l-ex Prim Ministru u l-kandidat presidenzjali Carlos Gomes Junior, kif ukoll diversi uffiċjali oħra, filwaqt li kienu abbandunati t-tħejjijiet għat-tħejjija għall-elezzjonijiet presidenzjali proposti għat-22 ta’ April;
D. billi r-ribelli ħadu l-kontroll tal-uffiċċji stabbiliti tal-PAIGC u tal-istazzjonijiet tar-radju, kif ukoll iġġieldu kontra l-uffiċjali tal-pulizija leali għall-Gvern, li mbagħad ġew sfurzati jirtiraw wara li ġew attakkati mill-RPGs; billi t-toroq lejn u ’l barra mill-belt kapitali ġew imblokkati u t-trażmissjonijiet televiżivi u tar-radju ġew interrotti;
E. billi, wara l-kolp ta’ Stat Militari f’April tal-2012, il-Ginea Bissaw ġie sospiż mill-Unjoni Afrikana sakemm terġa’ tkun stabbilita l-liġi kostituzzjonali fil-pajjiż;
F. billi l-Bank Dinji u l-Bank Afrikan ta’ Żvilupp issospendew l-għajnuna finanzjarja lill-pajjiż;
G. billi l-għajuna għall-iżvilupp tal-UE lill-Ginea Bissaw ġiet sospiża sa mill-kunflitt militari fl-1 ta’ April 2010, u minħabba l-ħatra suċċessiva tal-atturi ewlenija tiegħu bħala l-kap tal-persunal tad-difiża u l-kap tal-Ammiraljat; u billi l-għajnuna umanitarja u l-appoġġ dirett lill-popolazzjoni ma ġewx affettwati minn dan l-iffriżar;
H. billi l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea żied ħmistax-il persuna mal-lista ta’ dawk li huma pprojbiti jidħlu fl-UE u li l-assi tagħhom fi ħdan l-UE ġew iffriżati;
I. billi l-impenn tal-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika tal-Punent (ECOWAS) ippreveda li jikkombina miżuri għall-bini tas-sigurtà, li jinvolvu kontinġent ta’ 629 suldat reġjonali għaż-żamma tal-paċi, u negozjati pragmatiċi u inċisivi, b'theddida ta' rikors għal sanzjonijiet ekonomiċi,
J. billi l-kokaina taqsam l-Oċean Atlantiku mill-Amerika tan-Nofsinhar fuq dgħajjes u ajruplani li jieqfu fl-arċipelagu tal-Gżejjer Verġni tal-Ginea Bissaw, qabel id-drogi, imbagħad, jittieħdu l-Ewropa;
K. billi fit-30 ta’ Settembru 2010, il-missjoni ta’ riforma fis-settur tas-sigurtà tal-UE (SSR) fil-Ginea Bissaw temmet il-mandat tagħha li beda f’Ġunju 2008;
1. Jikkundanna l-aħħar azzjonijiet illegali u mhux kostituzzjonali tal-militar, meta l-kolp ta’ Stat fixkel l-elezzjonijiet presidenzjali u installa ġunta militari;
2. Jiddispjaċih dwar il-fatt li dawn l-avveniment saru qabel it-tnedija tal-kampanja għat-tieni ċiklu tal-elezzjoni presidenzjali;
3. Ifaħħar l-organizzazzjoni tal-ECOWAS għat-tmexxija soda tagħha fit-tweġiba għal din il-kriżi;
4. Iħeġġeġ lill-partijiet kollha jeżerċitaw kontroll massimu, jieqfu mill-vjolenza, iżommu kalmi u jagħmlu l-almu tagħhom biex jistabilizzaw il-pajjiż;
5. Jilqa’ r-rifjut tan-Nazzjonijiet Uniti u l-PAIGC (il-partit politiku ewlieni li fil-Gvern preċedenti, kellu 2/3 tas-siġġijiet), tad-dikjarazzjoni tal-‘Kmand Militari’ li ppropona l-ħolqien ta’ Kunsill Tranżitorju Nazzjonali, u li jkunu organizzati elezzjonijiet politiċi u leġiżlattivi fi żmien sentejn,
6. Jirrifjuta l-leġittimità tal-Gvern tranżitorju, inkwantu li dan mhuwiex riżultat ta’ proċess demokratiku u li jħalli l-pajjiż taħt il-kontroll dirett tal-forzi armati;
7. Jitlob ir-ritorn tar-rappreżentanti eletti b'mod demokratikament u r-restawr immedjat tal-awtorità ċivili fuq dik militari;
8. Jenfasizza li jeżisti l-perikolu li l-Ginea Bissaw jibqa' instabbli u inkapaċi li jindirizza l-korruzzjoni rampanti jew li jbiddel l-istatus tiegħu bħala pajjiż ta' tranżitu ewlieni għad-drogi, sakemm l-istituzzjonijiet tiegħu jibqgħu strutturalment dgħajfa;
9. Jitlob lir-RGħ, il-Kummissjoni, l-Istati Membri, in-Nazzjonijiet Uniti, l-UA, il-Komunità Ewropea tal-Istati tal-Afrika tal-Punent (ECOWAS), il-Komunità tal-Pajjiżi li Jitkellmu l-Portugiż (CPLP) u membri oħra tal-komunità internazzjonali biex jissorveljaw l-iżviluppi fil-Ginea Bissaw, jgħinu fl-ippreservar tal-liġi kostituzzjonali u jkomplu jappoġġaw l-isforzi għall-bini tal-paċi fil-pajjiż.
10. Jinsab imħasseb dwar it-theddid li l-ispedizzjonijiet tad-droga minn postijiet imbiegħda bħall-Kolombja u l-Afganistan u mit-traffikar tal-persuni qed tqiegħed għall-konsolidazzjoni tal-paċi fil-Ginea Bissaw u għall-istabilità tar-reġjun tal-Afrika tal-Punent, u jitlob lill-aġenziji tan-Nazzjonijiet Uniti, bl-appoġġ xieraq tal-ECOWAS, jiżviluppaw pjan reġjonali ta’ azzjoni biex jindirizzaw din l-isfida;
11. Jenfasizza li r-restawr tad-demokrazija fil-Ginea Bissaw huwa fl-interess tal-pajjiżi tal-Punent, inkwantu li l-pajjiż iservi bħala intermedjarju ewlieni għat-trasport ta’ drogi bil-baħar bejn in-Nofsinhar tal-Amerika u l-Ewropa;
12. Jitlob lill-Unjoni Afrikana, in-Nazzjonijiet Uniti u l-UE jappoġġaw il-pajjiż biex jimxi l-quddiem b’determinazzjoni sabiex jiżgura d-drittijiet demokratiċi u ċivili għaċ-ċittadini kollha;
13. Jagħti struzzjonijiet lill-President biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, il-Kummissjoni, is-Segretarji Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u l-ECOWAS, l-istituzzjonijiet tal-UA, l-Assemblea Parlamentari Konġunta UE-ACP, is-Segretarjat tas-CPLP u l-Gvern u l-Parlament tal-Ginea Bissaw.