Dokument ta' sessjoni
6.6.2012 B7‑0278/2012
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar il-Qafas Finanzjarju Multiannwali u r-Riżorsi Proprji
( 2012/2678(RSP) )
Marta Andreasen
f'isem il-Grupp EFD
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Qafas Finanzjarju Multiannwali u r-Riżorsi Proprji
( 2012/2678(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja soda[1],
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 312 tiegħu,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar "Ninvestu fil-Ġejjieni: Qafas Finanzjarju Multiannwali (MFF) ġdid għal Ewropa kompetittiva, sostenibbli u inklużiva,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tad-29 ta' Ġunju 2011 - Baġit għall-Ewropa 2020, Partijiet I u II,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi skont l-Artikolu 312(2) TFUE, il-Kunsill għandu jadotta regolament li jistabbilixxi l-QFM, billi jaġixxi b'mod unanimu wara li jikseb l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew;
B. billi l-Presidenza Daniża attwalment fil-kariga qed timmira li tippreżenta lill-Kunsill Ewropew ta' Ġunju kaxxa hekk imsejħa "ta' negozjar" li tipproponi għażliet għall-aspetti kollha tal-negozjati, inkluża n-naħa tad-dħul, iżda li teskludi kwalunkwe ċifri f'dan l-istadju;
C. billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ġunju 2011, stabbilixxa l-prijoritajiet politiċi tiegħu għall-QFM li jmiss, kemm f'termini leġiżlattivi kif ukoll f'termini baġitarji, b'mod li pprovda bażi soda għan-negozjati dwar il-QFM li jmiss[2];
D. billi l-programmi multiannwali relatati mal-QFM li jmiss se jiġu adottati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja;
E. billi talab ripetutament il-ħolqien ta' riżorsi proprji ġodda u ġenwini;
1. Jinnota li l-baġit tal-UE ma jissodisfax l-iskop maħsub tiegħu bħala baġit ta' investiment b'effett qawwi ta' lieva; inqas minn 45 % tal-infiq ibbaġitjat jinsab fl-intestatura 1, tkabbir sostenibbli, bil-bqija allokat għal skopijiet oħra li ftit li xejn għandhom x'jaqsmu mal-investiment strateġiku fl-Ewropa;
2. Jinnota li l-istrateġija UE 2020 ġiet stabbilita primarjament bl-għan li tappoġġja t-tkabbir sostenibbli, il-kompetittività u l-impjiegi fl-Ewropa u kienet approvata mis-27 Stat Membru, iżda l-falliment tal-istrateġija ta' Lisbona li hija bbażata fuqha ma tagħti l-ebda kredibbiltà lill-istrateġija UE 2020;
3. Ifakkar fl-adozzjoni tar-rapport tal-kumitat speċjalizzat SURE fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ġunju 2011;
4. Jirrikonoxxi l-ħtieġa li l-baġit tal-UE jippreżenta bilanċ xieraq bejn id-dħul u l-infiq; jinnota li ż-żieda fid-dħul minn riżorsi proprji ġenwini għandha tnaqqas il-kontribuzzjonijiet nazzjonali; jinnota l-proposti leġiżlattivi li saru mill-Kummissjoni fid-29 ta' Ġunju 2011 dwar ir-riforma tas-sistema tar-riżorsi proprji; jirrifjuta l-proposti għal Imposta fuq it-Tranżazzjonijiet Finanzjarji (FTT) u riżorsi proprja ġdida tal-UE bbażata fuq il-VAT; jiddispjaċih li l-piż tal-FTT se jaqa' b'mod sproporzjonat u mhux ġust fuq xi Stati Membri, li ma jgawdu l-ebda wieħed mill-benefiċċji tagħha;
5. Fid-dawl tal-ambjent makroekonomiku attwali u l-isfidi ta' dinja li qed tinbidel, iħoss li jekk il-QFM 2014-2020 jingħata flessibbiltà aktar imsaħħa kemm fl-intestaturi kif ukoll bejniethom, kif ukoll bejn is-snin finanzjarji fil-QFM, dan ikun juri bbaġitjar fqir;
6. Jinsisti fuq il-prinċipju tal-unità tal-baġit tal-UE, filwaqt li jenfasizza li l-politiki u l-programmi kollha tal-UE għandhom ikunu inklużi fil-QFM b'finanzjament xieraq, biex b'hekk jingħata kontribut għat-trasparenza, il-prevedibilità u r-rendikont tiegħu;
7. Iqis li l-għanijiet u l-politiki tal-QFM għandhom ikunu maqbula qabel ma jiġu allokati lilu kwalunkwe ċifri u jenfasizza li l-Parlament u l-Kunsill għandu jkollhom negozjati sħaħ dwar l-aspetti kollha relatati mal-QFM qabel ma jagħtu ċifri u jagħmlu l-aġġustament finali tal-pakkett tal-QFM kollu kemm hu; huwa tal-opinjoni li l-osservanza assoluta tal-prinċipju "xejn mhu maqbul sakemm kollox ikun maqbul" mhijiex realistika;
8. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti u l-gvernijiet nazzjonali tal-Istati Membri, kif ukoll lill-istituzzjonijiet u l-korpi l-oħra kkonċernati.