Dokument ta' sessjoni

 

1.6.2012                                                                                                                  B7‑0280/2012

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa b'talba biex tiddaħħal fl-aġenda ta' dibattitu dwar każi ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt

skont l-Artikolu 122 tar-Regoli ta' Proċedura

dwar is-segwitu tal-elezzjonijiet fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo

( 2012/2673(RSP) )

Charles Tannock, Martin Callanan, Oldřich Vlasák, Jan Zahradil, Ryszard Antoni Legutko, Ryszard Czarnecki, Tomasz Piotr Poręba

f'isem il-Grupp ECR

 

B7‑0280/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-segwitu tal-elezzjonijiet fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo

 

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948 u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, b'mod partikolari dawk tas-17 ta' Jannar 2008 dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u l-istupru bħala delitt tal-gwerra u tas-17 ta' Diċembru 2009 dwar il-vjolenza fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, fir-rigward ta' vjolenza sesswali minn gurppi armati u l-persistenza tal-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo kif ukoll dik tas-7 ta' Ottubru 2010 dwar in-nuqqasijiet fil-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ġustizzja fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, u dik tas-7 ta' Lulju 2011 dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u l-istupru tal-massa fil-provinċja ta' Kivu tan-Nofsinhar,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija ta' Cotonou ffirmat f'Ġunju 2000,

–   wara li kkunsidra l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2009/769/PESK tad-19 ta' Ottubru 2009 li temenda l-Azzjoni Konġunta 2007/405/PESK dwar il-missjoni tal-pulizija tal-Unjoni Ewropea u meħuda fil-qafas tar-riforma tas-settur tas-sigurtà (SSR) u r-relazzjoni tagħha mas-sistema tal-ġustizzja fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (EUPOL RD Kongo),

–   wara li kkunsidra l-missjoni għar-riforma tas-settur tas-sigurtà EUSEC RD Kongo, stabbilita f'Ġunju 2005 (Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2005/355/PESK tat-2 ta' Mejju 2005 dwar il-missjoni tal-Unjoni Ewropea biex tipprovdi pariri u assistenza għar-riforma tas-settur tas-sigurtà fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK)),

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1856(2008) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-mandat tal-MONUC,

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1925 (2010) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, li tispeċifika l-mandat tal-missjoni tan-NU fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo(MONUSCO),

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tas-27 ta’ Awwissu 2010, ta' Catherine Ashton, ir-Rappreżentant Għoli, u Andris Piebalgs, il-Kummissarju tal-UE għall-Iżvilupp, dwar il-qawmien mill-ġdid tal-vjolenza f’Kivu tat-Tramuntana fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-22 ta' Frar 2011 minn Andris Piebalgs, il-Kummissarju tal-UE għall-Iżvilupp, dwar il-ħtieġa li tispiċċa l-impunità fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (République Démocratique du Congo: ‘Un pas vers la fin de l’impunité’),

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tad-9 ta' Diċembru 2011 tar-Rappreżentant Għoli, Catherine Ashton, f'isem l-Unjoni Ewropea, dwar il-proċess elettorali fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-20 ta' Diċembru 2011 mir-Rappreżentant Għoli, f'isem l-Unjoni Ewropea, dwar ir-riżultati definittivi tal-elezzjonijet presidenzjali fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u t-tkomplija tal-proċess elettorali attwali,

–   wara li kkunsidra r-Rapport Finali ta’ Osservazzjoni tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-Unjoni Ewropea dwar l-elezzjonijiet presidenzjali u parlamentari tat-28 ta' Novembru 2011 fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (et DRC 2011) li saret bejn id-19 ta' Ottubru 2011 sat-13 ta' Jannar 2012,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi elezzjonijiet ħielsa u ġusti huma prekundizzjoni għal tmexxija demokratika;

B.  billi l-leġittimità tal-Gvern toħroġ minn elezzjonijiet ħielsa u ġusti; billi l-politiki pubbliċi implimentati mill-Gvern jibbenefikaw mill-istatus ta’ leġittimità tiegħu jew jisfumaw minħabba n-nuqqas tiegħu;

C. billi l-elezzjonijiet presidenzjali u parlamentari saru fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo fit-28 ta' Novembru 2011; billi l-possibilità ta' ballottaġġ fis-26 ta' Frar 2012 ġiet revokata qabel l-elezzjonijiet parlamentari b'bidla fil-liġijiet elettorali adottata mill-Gvern;

D. billi meta tkellmet f'isem l-UE, il-VP/RGĦ tal-UE Catherine Ashton tenniet it-tħassib dwar in-nuqqasijiet gravi u n-nuqqas ta' trasparenza fil-ġbir u l-publikazzjoni tar-riżultati elettorali li kienu rrapurtati, fost affarijiet oħra, mill-Missjoni ta' Osservazzjoni tal-Elezzjoni tal-UE;

E.  billi l-kontendenti politiċi għal Joseph Kabila indikaw b'mod kontinwu l-ammont sostanzjali ta' irregolaritajiet matul il-proċessi tal-elezzjoni presidenzjali u dik parlamentari;

F.  billi minkejja n-nuqqasijiet identifikati mill-awtoritajiet Kongoliżi stess u mill-Kummissjoni Elettorali Indipendenti Nazzjonali tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo (CENI), il-Qorti Suprema tal-Ġustizzja tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo kkonfermat ir-riżultati definittivi taż-żewġ elezzjonijiet u fis-16 ta' Diċembru 2012 ħabbret li l-President fil-kariga Joseph Kabila reġa' ġie elett;

G. billi ħames xhur wara l-elezzjoni parlamentari, ġie ffurmat Gvern ġdid immexxi mill-Prim Ministru Augustin Matata Ponya fit-18 ta' April 2012;

H. billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo tibqa' waħda ta' tħassib kbir għall-poplu Kongoliż u għall-komunità internazzjonali minħabba testimonjanzi tal-biża' li ġew irrapurtati fis-snin reċenti dwar ksur sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem, li jinkludu stupru tal-massa u atti relatati ta' tortura, inkluż fil-provinċji ta' Kivu tat-Tramuntana u Kivu tan-Nosfinhar;

I.   billi fis-snin reċenti diversi membri tal-forzi armati Kongoliżi, il-pulizija, is-servizzi tas-sigurtà kif ukoll gruppi armati oħra attivi fit-territorju tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo bħall-grupp ribell Rwandan FDLR (Front Demokratiku għal-Liberalizzazzjoni tar-Rwanda) ­ li hu mmexxi minn kriminali responsabbli mill-ġenoċidju fir-Rwanda u li ħarbu lejn il-Kongo – u milizja Mai-Mai Kongoliża, ġew identifikati mill-organizzazzjonijiet domestiċi u internazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem bħala l-persuni li wettqu dawn id-delitti orribbli;

J.   billi r-riżorsi naturali u l-profitt mill-estrazzjoni illegali u l-kummerċ fil-minerali għadhom f'ħafna każi taħt il-kontroll tal-gruppi paramilitari armati, speċjalment fil-parti volatili tal-lvant tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo, fejn il-konflitt ilu għaddej għal ħafna snin minkejja l-preżenza tal-missjoni għaż-żamma tal-paċi tan-Nazzjonijiet Uniti, MONUC, li hemm preżenti fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo biex tgħin lill-FARDC terġa’ ġġib il-paċi fil-pajjiż;

1.  Jinnota r-riżultati definittivi taż-żewġ fażijiet tal-elezzjoni tat-28 ta’ Novembru fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo; madankollu dawn jibqgħu dubjużi minħabba n-nuqqas ta' sorveljanza xierqa ta’ dawn il-proċessi elettorali ewlenin;

2.  Jinnota li l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-UE għal dawn l-elezzjonijiet tammonta għal € 47.5 miljun b'żewġ miljun ewro addizzjonali għas-sigurtà; japprezza l-involviment personali ta' 147 osservatur li ssorveljaw l-elezzjoni bħala parti mill-EU EOM DRC 2011;

3.  Ifaħħar il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini Kongoliżi f'dan il-proċess elettorali fuq skala kbira u jħeġġiġhom biex jinsistu mal-awtoritajiet Kongoliżi ħalli dawn jirriflettu fuq ir-rakkomandazzjonijiet għal riformi tal-proċess elettorali bbażati fuq il-konklużjonijiet tar-Rapport Finali ta' Osservazzjoni tal-EU EOM kif ukoll tal-valutazzjonijiet tas-CENI u tas-soċjetà ċivili domestika dwar l-elezzjonijiet;

4.  Jikkundanna bl-aktar mod qawwi l-irregolaritajiet kollha intenzjonali li seħħew f'dawn l-elezzjonijiet bl-għan li jċaħħdu lill-popolazzjoni Kongoliża minn għażla libera fir-rigward tad-diriġenti politiċi tal-pajjiż; jiddispjaċih dwar irregolaritajiet mhux intenzjonali li setgħu ikkontribwew għall-istess eżitu;

5.  Jistieden lill-Gvern attwali tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo biex iżid l-isforzi domestiċi tiegħu ħalli jiżgura l-istat tad-dritt u s-sigurtà għall-poplu Kongoliż fit-territorju kollu tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo; jistieden lill-Prim Ministru, bħala l-uffiċjal responsabbli tal-Gvern għall-finanzi pubbliċi, biex jiżgura li l-ogħla standards ta' ġestjoni finanzjarja u ta' proċeduri baġitarji sodi jsiru n-norma fit-tfassil tal-politiki tal-Gvern tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo;

6.  Jibqa' mħasseb dwar il-livell għoli ta' vjolenza kontra persuni ċivili, inkluz l-istupru tal-massa li qed iseħħ fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo; ifakkar lill-President Joseph Kabila dwar il-wegħda li għamel, fl-okkażjoni tal-50 anniversarju tal-indipendenza tal-pajjiż, li jikkommetti lilu nnifsu biex b'mod riżolut jippromwovi l-prattika politika li tħares id-drittijiet tal-bniedem u ssaħħaħ l-istat tad-dritt billi tiżgura li dawk responsabbli minn ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tal-liġi umanitarja internazzjonali jwieġbu għall-azzjonijiet tagħhom u jittieħdu proċeduri kriminali kontrihom;

7.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi-President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kunsill għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti u fl-aħħar, imma mhux l-inqas, lill-President, il-Prim Ministru u l-parlament bikamerali tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo.