Dokument ta' sessjoni

 

27.6.2012                                                                                                                B7‑0341/2012

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

skont l-Artikolu 202(2) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar l-istabbiliment ta' qafas legali tal-UE għall-protezzjoni tal-annimali domestiċi u l-annimali li jiġru fit-toroq ( 2012/2670(RSP) )

Erminia Mazzoni

f'isem il-Kumitat għall-Petizzjonijiet

 

B7‑0341/2012

Mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-istabbiliment ta' qafas legali tal-UE għall-protezzjoni tal-annimali domestiċi u l-annimali li jiġru fit-toroq ( 2012/2670(RSP) )

 

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-għadd kbir ta' petizzjonijiet minn ċittadini tal-UE li jitolbu l-istabbiliment ta' qafas legali tal-UE għall-protezzjoni tal-annimali domestiċi u l-annimali li jiġru fit-toroq (1613/10, 1274/2011, 1321/2011, 1377/2011, 1412/2011 u oħrajn),

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tal-Annimali Domestiċi (CETS Nru 125),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 202(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-Artikolu 13 tat-TFUE jistipula li, peress li l-annimali huma ħlejjaq senzjenti, l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jagħtu konsiderazzjoni sħiħa għar-rekwiżiti tal-benessri tagħhom;

B.  billi m'hemm l-ebda leġiżlazzjoni tal-UE għall-protezzjoni tal-annimali domestiċi u l-annimali li jiġru fit-toroq, minkejja l-fatt li l-popolazzjoni tal-annimali domestiċi tal-UE hija stmata li tammonta għal aktar minn mitt miljun;

C. billi l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tal-Annimali Domestiċi għadha ma ġietx iffirmata mill-Istati Membri kollha;

D. billi l-annimali domestiċi u l-annimali li jiġru fit-toroq huma vittmi ta' trattament ħażin u moħqrija f'ħafna Stati Membri, u billi l-petizzjonanti jirreferu prinċipalment għall-Istati Membri fin-Nofsinhar u fil-Lvant tal-Ewropa;

1.  Jitlob lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex jirratifikaw il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tal-Annimali Domestiċi u biex jittrasponu d-dispożizzjonijiet tagħha fis-sistemi legali nazzjonali;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tressaq qafas legali tal-UE għall-protezzjoni tal-annimali domestiċi u l-annimali li jiġru fit-toroq, inkluż:

•     regoli għall-identifikazzjoni u għar-reġistrazzjoni tal-annimali,

•     strateġiji għall-ġestjoni tal-annimali li jiġru fit-toroq, inkluż programmi ta' tilqim u sterilizzazzjoni,

•     miżuri li jippromwovu sjieda responsabbli,

•     il-projbizzjoni ta' postijiet fejn jinżammu l-klieb u xelters li ma jkollhomx permess,

•     il-projbizzjoni ta' qtil ta' annimali li jiġru barra mingħajr indikazzjoni medika,

•     programmi informattivi u edukattivi dwar il-benessri tal-annimali fl-iskejjel,

•     sanzjonijiet severi li jiġu imposti fuq kull Stat Membru li jonqos milli jikkonforma mar-regoli;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.