Dokument ta' sessjoni
3.7.2012 B7‑0407/2012
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar il-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew (28-29 ta' Ġunju 2012)
( 2011/2923(RSP) )
Gabriele Zimmer
f'isem il-Grupp GUE/NGL
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew (28-29 ta' Ġunju 2012)
( 2011/2923(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-28 u d-29 ta' Ġunju 2012,
– wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi tat-30 ta’ Mejju 2012 mill-Kummissjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-kriżi ekonomika u soċjali hija r-riżultat tal-politiki neoliberali tal-Unjoni Ewropea li ppromovew swieq finanzjari deregolati, swieq liberalizzati tal-prodotti u tas-servizzi u l-finanzjalizzazzjoni dejjem akbar tal-ekonomija kif ukoll it-tnaqqis tal-investiment pubbliku u suq tax-xogħol li qed ikun dejjem iżjed deregolarizzat;
B. billi l-miżuri ta' kontra l-kriżi tal-UE se jwasslu biex il-kriżi kapitalista globali ssir aktar profonda;
C. billi seħħew salvataġġi li qatt ma kien hawn bħalhom ta’ istituzzjonijiet finanzjarji li wasslu għal soċjalizzazzjoni qawwija ta’ telf u defiċits pubbliċi għolja;
D. billi r-rimedji segwiti mill-Kunsill spiċċaw biex fallew; billi l-miżuri ta' awsterità aggravaw b'mod sinifikanti l-kriżi ekonomika u soċjali u wasslu għal faqar mifrux, qgħad u prekarjetà ta' strutturi ta' impjiegi;
E. billi l-istrutturi demokratiċi ġew imfixkla sew minħabba l-iffukar eċċessiv fuq l-awsterità u l-hekk imsejħa ‘dixxiplina tas-suq’ imposta mit-trojka;
F. billi l-ingwaljanzi soċjoekonomiċi żdiedu b'mod sinifikanti minħabba r-ridistribuzzjoni kontinwa mill-pagi għall-kapital;
1. Itenni l-kritika tiegħu dwar il-politika falluta ta' awsterità tal-UE u jappoġġja kull pass meħud biex din titreġġa’ lura; iqis li l-miżuri proposti mill-Kunsill huma kompletament insuffiċjenti biex isolvu l-kriżi u għat-trasformazzjoni tal-Istati Membri tal-UE f’ soċjetajiet demokratiċi u inklussivi għall-benefiċċju taċ-ċittadini kollha;
2. Jinsisti li l-ippjanar u l-kontroll baġitarju jibqa’ ħidma ġenwina ta’ parlamenti u gvernijiet demokratikament eletti tal-Istati Membri tal-UE;
3. Jieħu nota li l-Kunsill għadu jaderixxi mal-politiki falluti stabbiliti fil-pakketti dwar il-governanza ekonomika, jiġifieri is-“six pack” u t-“two pack”;
4. Jiddispjaċih li r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż ġew adottati taħt is-Semestru Ewropew; jopponi b'mod qawwi l-proċess tas-Semestru Ewropew u r-rakkomandazzjonijiet makroekonomiċi relatati; huwa imħasseb ħafna dwar il-fatt li l-implimentazzjoni ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet saħansitra se tkompli żżid l-inugwaljanzi soċjoekonomiċi peress li l-miżuri proposti, se jkollhom impatti negattivi speċjalment fuq l-aktar nies vulnerabbli fis-soċjetajiet tagħna;
5. Itenni t-talbiet tiegħu għal tniżżil fil-valur tad-dejn pubbliku mingħajr kundizzjonijiet kif ukoll għal intervent dirett tal-BĊE fuq is-swieq tal-bonds primarji sabiex jeħilsu l-Istati minn dak li jiddettaw is-swieq finanzjarji;
6. Jiddispjaċih li l-hekk imsejjaħ "Patt għat-tkabbir u l-impjiegi" huwa prinċipalment ripetizzjoni ta’ politiki li diġà jeżistu u mhux probabbli li jkollhom effett fit-tul fir-rigward tal-kriżi tal-kapital;
7. Jenfasizza l-urġenza għal trasformazzjoni soċjali u ekoloġika tal-ekonomiji Ewropej peress li jekk din ma sseħħx bla dubju twassal għal aktar deklin ekonomiku u faqar mifrux;
8. Ifakkar lill-Kunsill li t-tkabbir ekonomiku huwa prerekwiżit għall-benesseri, iżda mhux għall-benesseri fih innifsu u għalhekk għandu jkun hemm iktar enfasi fuq it-tkabbir kwalitattiv, sostenibbli u inklussiv, u li kull ċittadin, b’mod partikolari gruppi foqra u emerġinati, għandhom ikunu jistgħu jikkontribwixxi għalih u jibbenefikaw minnu;
9. Jistieden lill-Istati Membri jqassmu l-ġid fl-Unjoni Ewropea b’mod indaqs billi jiġġieldu kontra l-evażjoni fiskali, billi jintroduci taxxi fuq il-ġid, billi jżidu t-taxxi fuq id-dħul għal dawk bl-ogħla dħul, u billi jintaxxaw s-settur finanzjarju u l-prodotti finanzjarji spekulattivi tagħhom;
10. Ifakkar li l-industrija finanzjarja u l-prodotti finanzjarji spekulattivi u kumplessi żżejjed tagħhom kkontribwew b'mod sinifikattiv għall-kriżi ekonomika li d-dinja qed tħabbat wiċċha magħha; ifakkar li l-kontribwenti kellhom isalvaw b’livell li qatt ma kien hemm bħalu lill-istituzzjonijiet finanzjarji li bbenefikaw bil-kbir minn profitti eżorbitanti;
11. Jiddispjaċih mid-dewmien tal-mexxejja Ewropej fir-rigward ta’ superviżjoni aħjar tas-swieq finanzjarji u l-atturi tagħhom; ifakkar li l-forzi tax-xellug dejjem talbu kontroll pubbliku strett ta' dawn is-swieq u l-istrumenti tagħhom;
12. Jemmen li sorveljanza aktar stretta tal-istituzzjonijiet finanzjarji tista' tkun biss l-ewwel pass lejn kontroll pubbliku ġenwin tas-settur finanzjarju; jikkonferma mill-ġdid il-ħtieġa li l-industrija finanzjarja tiċċekken sabiex tkun tista' tibda tappoġġja l-ekonomija reali minflok toħloq bżieżaq spekulattivi;
13. Itenni t-talbiet tiegħu li l-banek u l-atturi finanzjarji l-oħra, li għamlu profitti enormi b’valur miżjud limitat biss għas-soċjetà bħala tali, jeħtieġ li jikkontribwixxu b'mod adegwat biex tissolva l-kriżi li ħolqu;
14. Jinsisti li Parlament Ewropew jitlob li l-pożizzjonijiet politiċi li qabel dwarhom il-Kunsill Ewropew jiġu negozjati bejn il-Parlament u l-Kunsill, kif ukoll mill-Parlamenti Nazzjonali, qabel ma l-Kunsill jissottometti l-proposti tiegħu formalment bil-għan li jikseb l-approvazzjoni tal-Parlament dwar ir-regolament tal-QFM skont l-Artikolu 312 tat-TFUE; jenfasizza li n-negozjati dwar il-proposti leġiżlattivi relatati mal-programmi multiannwali se jsiru skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja u se jiġu finalizzati ġaladarba jintlaħaq ftehim dwar il-pakkett finanzjarju tagħhom; jinsab determinat li jagħmel użu sħiħ, skont il-każ, tal-poteri tiegħu ta’ approvazzjoni u l-poteri leġiżlattivi ordinarji, kif imnaqqxa fit-Trattat; itenni li jinsab ferm imħasseb li l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew jistgħu jantiċipaw in-negozjati leġiżlattivi;
15. Itenni l-pożizzjoni tiegħu li l-baġit tal-Unjoni jrid ikun garantit b’livell adegwat ta' riżorsi kemm f’dak li jikkonċerna l-baġit tas-snin li ġejjin kif ukoll tal-QFM 2014/2020 li jmiss;
16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti tal-Istati Membri.