Dokument ta' sessjoni

 

17.10.2012                                                                                                              B7‑0463/2012

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar l-elezzjonijiet fil-Bjelorussja

( 2012/2815(RSP) )

Libor Rouček, Justas Vincas Paleckis, Kristian Vigenin, Marek Siwiec, Liisa Jaakonsaari

f'isem il-Grupp S&D

<<<

B7‑0463/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-elezzjoni fil-Bjelorussja

( 2012/2815(RSP) )

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Bjelorussja,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-President tal-PE Martin Schulz tal-24 ta’ Settembru 2012, fejn wera d-dispjaċir tiegħu li l-elezzjonijiet parlamentari fil-Bjelorussja ma laħqux l-istandards internazzjonali ta’ elezzjonijiet ġusti u transparenti,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-24 ta’ Settembru 2012 mir-Rappreżentant Għoli tal-UE Catherine Ashton u l-Kummissarju Štefan Füle dwar l-elezzjonijiet parlamentari fil-Bjelorussja,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-10 ta' Ottubru 2012 tas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa Thorbjørn Jagland u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà Catherine Ashton dwar il-Jum Ewropew u Dinji kontra l-Piena Kapitali,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Bjelorussja, fit-3191 laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Barranin li saret fil-Lussemburgu fil-15 ta' Ottubru 2012;

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tas-sejbiet u l-konklużjonijiet preliminari dwar l-elezzjonijiet parlamentari fil-Bjelorussja tal-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR) tal-OSKE u l-Assemblea Parlamentari tal-OSKE tal-24 ta’ Settembru 2012,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-ebda waħda mill-elezzjonijiet parlamentari jew presidenzjali li saru fil-Bjelorussja mill-1995 ’l hawn ma ġiet rikonoxxuta mill-OSKE bħala elezzjoni ħielsa u ġusta;

B.  billi skont il-missjoni internazzjonali ta' osservazzjoni tal-elezzjonijiet tal-OSKE/ODIHR u l-Assemblea Parlamentari OSKE, fl-elezzjonijiet parlamentari tat-23 ta’ Settembru, ħafna impenji tal-OSKE bħad-dritt ta’ assoċjazzjoni taċ-ċittadini, id-dritt li jippreżentaw kandidatura fl-elezzjonijiet u d-dritt li jesprimu rwieħhom b’mod ħieles ma ġewx rispettati, minkejja xi titjib fil-liġi elettorali; billi l-osservaturi internazzjonali tal-elezzjonijiet ma ngħatawx opportunità xierqa li josservaw l-għadd tal-voti, u evalwaw il-proċess negattivament f’numru sinifikanti ta’ postijiet tal-votazzjoni;

C. billi minkejja l-emendi fil-Kodiċi Elettorali tal-Bjelorussja, il-qafas legali ma żgurax b’mod adegwat it-twettiq ta’ elezzjonijiet skont l-impenji tal-OSKE u l-istandards internazzjonali;

D. billi skont il-Kummissjoni Elettorali Ċentrali tal-Bjelorussja, 74.3% tal-votanti pparteċipaw fl-elezzjonijiet, u 109 mill-110 membru tal-Kamra tar-Rappreżentanti ġew eletti fl-ewwel rawnd; billi f’waħda mill-kostitwenzi, il-perċentwal minimu ta’ parteċipazzjoni - 50% - ma ntlaħaqx; billi l-ebda kandidat tal-oppożizzjoni ma ġie elett;

E.  billi xi partiti politiċi u movimenti tal-oppożizzjoni (bħall-kampanja ċivili Bjelorussja Ewropea u l-partit mhux reġistrat Demokristjan tal-Bjelorussja) ibbojkottjaw l-elezzjonijiet filwaqt li oħrajn qablu fuq parteċipazzjoni kondizzjonali, magħrufa wkoll bħala “bojkott attiv”, jiġifieri pparteċipaw fil-kampanja elettorali iżda rtiraw il-kandidaturi tagħhom qabel l-elezzjonijiet, minħabba li l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tagħhom, b’mod partikolari l-ħelsien tal-priġunieri politiċi kollha u livell minimu ta’ fiduċja fil-proċess elettorali, ma ġewx sodisfati;

F.  billi l-osservaturi internazzjonali indipendenti rrappurtaw diversi każijiet ta’ ksur; billi l-kampanja ta’ osservazzjoni “Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem għal Elezzjonijiet Ħielsa” ddikjarat li tul l-elezzjonijiet twettqu każijiet ta’ ksur serju, u li n-nuqqas ta’ trasparenza fl-għadd tal-voti iwassal għal nuqqas ta' konferma li r-riżultat tal-elezzjonijiet jesprimu r-rieda tal-poplu tal-Bjelorussja;

G. billi fost il-ksur prinċipali rappurtat kien hemm: każijiet ta’ pressjoni fuq kandidati tal-oppożizzjoni u fuq osservaturi indipendenti waqt il-kampanja elettorali, rappreżentanza inugwali fil-kummissjonijiet elettorali, ċensura tal-programmi u tal-preżentazzjonijiet tal-kandidati fil-mezzi tax-xandir statali, ivvutar furzat waqt il-perjodu ta’ votazzjoni bikrija, tfixkil serju tax-xogħol tal-osservaturi, nuqqas ta' trasparenza fil-votazzjoni bikrija, fil-votazzjoni mid-dar u fl-għadd tal-voti, kif ukoll falsifikazzjoni tal-perċentwal ta' parteċipazzjoni tal-votanti;

H. billi r-reġistrazzjoni tal-kandidati sar b’mod diskriminatorju; billi l-maġġoranza ta’ ċaħdiet ta’ reġistrazzjoni ngħataw lill-gruppi ta’ inizjattiva ta’ Mikalai Statkevich u Aliaksei Mikhalevich; billi fost l-oħrajn, Alexander Milinkevich, chairman tal-Moviment għall-Ħelsien, u Mikhail Pashkevich, attivist tal-kampanja “Għid il-Verità” ġew miċħuda reġistrazzjoni bħala kandidati;

I.   billi waqt il-kampanja elettorali, il-kandidati kienu intitolati għal diskors ta’ ħames minuti fuq ir-radju u t-televisżjoni statali, kif ukoll għal preżentazzjoni ta’ ħames minuti f’dibattiti rrekordjati minn qabel; billi l-kopertura tal-kampanja ma pprovdietx firxa wiesgħa ta’ fehmiet minħabba ostakoli amministrattivi; billi mis-27 ta' Awwissu 2012 'l quddiem, fuq il-bażi ta' deċiżjoni tal-Kummissjoni Elettorali Ċentrali, il-parti l-kbira tal-mezzi tax-xandir irrifjutaw li jagħtu “airtime” lill-kandidati li talbu għal bojkott tal-elezzjonijiet, filwaqt li l-ġurnali ċċensuraw u rrifjutaw li jippubblikaw il-programmi tagħhom;

J.   billi l-oppożizzjoni Bjelorussa kkontestat ir-riżultat tal-elezzjonijiet u ddikjarat li ma rrikonoxxietx l-elezzjonijiet minħabba każijiet ta’ ksur serju; billi skont l-oppożizzjoni, il-perċentwal ta’ parteċipazzjoni fil-votazzjoni kien ta’ 44% biss.

K. billi l-Bjelorussja għadha qed iżomm detenuti 12-il priġunier politiku, fosthom id-difensur tad-drittijiet tal-bniedem u Viċi President tal-Federazzjoni Internazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem Ales Bialiatski, l-ex-kandidat presidenzjali Mikalai Statkevich u l-mexxej tal-organizzazzjoni taż-żgħażagħ “Malady Front” Zmitser Dashkevich, li riċentement beda strajk tal-ġuħ bi protesta kontra abbuż u theddid min-naħa tal-uffiċjali tal-ħabs;

L.  billi fit-13 ta’ Settembru 2012 Ales Bialiatski ġie nominat għall-Premju Sakharov għall-Libertà tal-Ħsieb tal-Parlament Ewropew;

M. billi fis-26 ta’ Settembru 2012 l-attivist prominenti tal-oppożizzjoni Syarhei Kavalenka inħeles mill-ħabs wara li kien talab għall-klemenza minħabba pressjoni dejjem tikber min-naħa tal-awtoritajiet tal-ħabs, li żammewh f’segregazzjoni u rrikattawh; billi l-ħelsien ta’ priġunieri politiċi hu kkundizzjonat, minħabba li dawn huma suġġetti għal sorveljanza kostanti mill-awtoritajiet, u jridu jirrapportaw regolarment lill-pulizija dwar fejn ikunu jinsabu;

N. billi l-Bjelorussja hi l-uniku pajjiż fl-Ewropa fejn għadhom jingħataw sentenzi ta’ piena kapitali u jitwettqu eżekuzzjonijiet; billi skont attivisti tad-drittijiet tal-bniedem, madwar 400 persuna nqatlu fil-Bjelorussja mill-1991 ’l hawn;

1.  Jiddispjaċih li l-elezzjonijiet parlamentari tat-23 ta’ Settembru 2012 għal darba oħra ma laħqux l-istandards internazzjonali ta’ elezzjonijiet ġusti u transparenti;

2.  Jesprimi tħassib serju dwar id-diversi irregolaritajiet rappurtati mill-missjoni ta' osservazzjoni tal-elezzjonijiet tal-OSKE/ODIHR u jqis din il-votazzjoni bħala opportunità oħra mitlufa għall-awtoritajiet tal-Bjelorussja li jwettqu elezzjonijiet skont l-istandards kollha tal-OSKE u standards demokratiċi internazzjonali u li joqorbu lejn valuri komuni Ewropej;

3.  Jiddispjaċih dwar in-natura mhux demokratika tal-proċess elettorali parlamentari fil-Bjelorussja u hu tal-opinjoni li r-rapporti ta’ ksur tal-prinċipji tal-elezzjonijiet ħielsa u ġusti ipoġġu f’dubju l-validità tal-eżitu tal-elezzjonijiet u l-leġittimità tal-membri parlamentari eletti;

4.  Ikompli jikkundanna bil-qawwi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali li qed tkompli tiħżien, u n-nuqqas ta' riformi demokratiki u ekonomiċi profondi fil-Bjelorussja;

5.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Bjelorussja biex immedjatament u b’mod inkundizzjonat jeħilsu u jirrijabilitaw lill-priġunieri politiċi kollha, li kienu fil-mira minħabba attiviżmu fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u eżerċizzju paċifiku tad-drittijiet tagħhom tal-libertà tal-għaqda u l-espressjoni, u li qed jinżammi fuq akkużi mhux fondati;

6.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Bjelorussja jtemmu b’mod immedjat id-detenzjoni arbitrarja tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-użu dejjem jiżdied tad-detenzjoni arbitrarja għal perjodu qasir u l-projbizzjonijiet tal-ivvjaġġar arbitrarji maħsuba biex jintimidaw lir-rappreżentanti tal-oppożizzjoni politika u tal-mezzi tax-xandir;

7.  Jinnota l-ħelsien ta’ Syarhei Kavalenka bħala sinjal pożittiv, iżda jiddispjaċih li dan il-ħelsien seħħ fuq il-bażi ta’ talba għall-klemenza miksuba permezz ta' tortura;

8.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jkomplu jappoġġaw l-inizjattivi kollha li għandhom l-għan li jiżviluppaw is-soċjetà ċivili demokratika tal-Bjelorussja, li jistgħu jwasslu għal żieda fil-parteċipazzjoni politika min-naħa tal-poplu Bjelorussu, u aktar qawmien ta’ kuxjenza tal-ħtieġa ta’ bidla;

9.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jelaboraw aktar id-“Djalogu Ewropew dwar il-Modernizzazzjoni” billi jiżviluppaw il-kapaċità ta’ ċrieki usa’ tas-soċjetà ċivili f’setturi differenti, u jiffukaw fuqhom b’mod strateġiku, biex jimmassimizzaw l-impatt tal-programmi ta’ modernizzazzjoni u biex tiżdied it-trasparenza u l-viżibilità tal-UE fost iċ-ċittadini tal-Bjelorussja;

10. Jistieden lill-awtoritajiet Bjelorussi jieħdu l-passi meħtieġa biex jagħmlu użu sħiħ mid-“Djalogu Ewropew dwar il-Modernizzazzjoni” għall-ġid tal-poplu Bjelorussu;

11. Jiddispjaċih li l-valutazzjoni negattiva ta’ dawn l-elezzjonijiet parlamentari għal darba oħra se jżommu lill-Parlament Ewropew milli jistabbilixxi relazzjonijiet uffiċjali mal-parlament tal-Bjelorussja; jiddispjaċih li f’dan l-istadju, l-Assemblea Parlamentari EURONEST m’għandhiex raġuni biex tistieden lir-rappreżentanti uffiċjali tal-entità leġiżlattiva fil-Bjelorussja biex jieħdu posthom fl-Assemblea, u b’hekk is-Sħubija tal-Lvant qed titlef għodda importanti għat-tqarrib tal-Bjelorussja lejn il-valuri demokratiċi tal-UE;

12. Iħeġġeġ lill-forzi demokratiċi kollha tal-Bjelorussja u lill-attivisti tas-soċjetà ċivili biex isibu approċċ unit biex iżidu l-effikaċja tal-azzjonijiet tagħhom bl-għan li jistabbilixxu programmi konkreti ta’ bidla fil-politika għat-titjib u d-demokratizzazzjoni tal-ħajja tal-poplu tal-Bjelorussja;

13. Itenni l-impenn sod tiegħu li jsaħħaħ l-involviment tal-UE mal-poplu u mas-soċjetà ċivili demokratika tal-Bjelorussja u li jappoġġa l-aspirazzjonijiet demokratiċi tagħhom;

14. Jistieden lill-Istati Membri tal-UE biex jinvolvu rwieħhom aktar mas-soċjetà ċivili demokratika tal-Bjelorussja, u biex ibaxxu jew jeliminaw it-tariffi tal-viżi għaċ-ċittadini tal-Bjelorussja;

15. Għal darba oħra jħeġġeġ lill-Bjelorussja, li hi l-uniku pajjiż Ewropew fejn għadha tiġi implimentta l-piena kapitali, biex tintroduċi moratorju immedjat fuq l-eżekuzzjonijiet u biex b’mod immedjat tħabbar moratorju fuq il-piena kapitali bħala l-ewwel pass lejn abolizzjoni totali;

16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-Assemblej Parlamentari tal-OSKE u lill-Kunsill tal-Ewropa u lill-Parlament u lill-Gvern tal-Bjelorussja.