Dokument ta' sessjoni
17.10.2012 B7‑0467/2012
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni
imressqa skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar il-Ġeorġja
( 2012/2816(RSP) )
Ulrike Lunacek, Werner Schulz, Raül Romeva i Rueda, Indrek Tarand, Nicole Kiil-Nielsen
f'isem il-Grupp Verts/ALE
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Ġeorġja
( 2012/2816(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Ġeorġja, b'mod partikolari ir-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Novembru 2011 li fiha r-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE dwar in-negozjati tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Ġeorġja,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u ta' Kooperazzjoni (FSK) bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġeorġja, li daħal fis-seħħ fl-1999,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tar-Riżultati Preliminari u l-Konklużjonijiet tal-Missjoni Internazzjonali ta’ Osservazzjoni Elettorali għall-Elezzjonijiet Parlamentari tal-Ġeorġja tat-2 ta’ Ottubru 2012,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta mir-Rappreżentant Għoli Catherine Ashton u l-Kummissarju Stefan Füle wara li ġew imħabbra r-riżultati tal-elezzjonijiet parlamentari tal-Ġeorġja,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin tal-15 ta’ Ottubru 2012,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar ‘Analiżi tal-Politika Ewropea tal-Viċinat’ tat-12 ta’ Mejju 2011,
– wara li kkunsidra r-Rapport ta' Progress ippublikat fil-15 ta' Mejju 2012 dwar l-Implimentazzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat fil-Ġeorġja,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Samit dwar is-Sħubija tal-Lvant li sar f'Varsavja fid-29 u t-30 ta' Settembru 2011,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-laqgħa tal-Ministri Barranin dwar is-Sħubija tal-Lvant tat-23 ta' Lulju 2012,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi f'dawn l-aħħar snin l-integrazzjoni Ewro-Atlantika kienet l-ogħla prijorità fl-aġenda politika Ġeorġjana u waħda mill-aspirazzjonijiet prinċipali tas-soċjetà Ġeorġjana; billi Ġeorġja b'sovranità sħiħa, stabbli u demokratika li tirrispetta l-prinċipji tal-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem, il-ħarsien tal-minoranzi, l-ekonomija tas-suq soċjali u li tiggarantixxi d-drittijiet fundamentali hija fl-interess kemm tal-UE kif ukoll tal-poplu Ġeorġjan;
B. billi l-Ġeorġja hija waħda mill-membri fundaturi tas-Sħubija tal-Lvant; billi waqt is-Samit ta' Varsavja tad-29 u t-30 ta' Settembru 2011, il-mexxejja tal-UE u tal-Lvant tal-Ewropa affermaw mill-ġdid li s-Sħubija tal-Lvant hija bbażata fuq grupp ta' valuri u prinċipji ta' libertà, demokrazija, rispett għad-drittijiet tal-bniedem u għal-libertajiet fundamentali, u l-istat tad-dritt;
C. billi fl-1 ta' Ottubru l-poplu Ġeorġjan kien imsejjaħ biex iġedded il-parlament tal-pajjiż fi klima politika mimlija tensjoni u ferm polarizzata, mgħarrqa matul il-kampanja elettorali minn allegazzjonijiet ta' kondotta ħażina, nuqqas qawwi ta' fiduċja bejn il-partijiet, atti ta' intimidazzjoni u xi inċidenti vjolenti;
D. billi l-proċeduri ta' votazzjoni nhar l-elezzjoni tmexxew b'mod paċifiku u kalm fil-pajjiż kollu u b'parti tajba mill-popolazzjoni li ħarġet tivvota; billi għadd bla preċedenti ta' osservaturi elettorali barranin u Ġeorġjani koprew il-biċċa l-kbira tad-diviżjonijiet elettorali tal-Ġeorġja;
E. billi, skont il-konklużjonijiet preliminari tal-Missjoni Internazzjonali ta' Osservazzjoni Elettorali, dawn l-elezzjonijiet parlamentari kienu pass importanti fil-konsolidament tat-tmexxija ta' elezzjonijiet demokratiċi bi qbil mal-impenji tal-OSKE u tal-Kunsill tal-Ewropa;
F. billi għad fadal xi kwistjonijiet kruċjali tal-Kodiċi Elettorali x'jiġu indirizzati, b'mod partikulari fir-rigward tar-rakkamandazzjonijiet preċedenti importanti li saru mill-OSCE/ODIHR u l-Kummissjoni ta' Venezja, bħall-fatt li d-daqs tal-popolazzjoni tvarja bejn il-kostitwenzi għal mandat individwali;
G. billi l-forzi tal-oppożizzjoni kkritikaw b'mod aħrax lill-Uffiċju għall-Awditjar Statali, li ġie akkużat li ma applikax l-istandards tal-liġijiet elettorali b'mod trasparenti, imparzjali u koerenti;
H. billi l-Kummissjoni Elettorali Ċentrali ddeċidiet li ssir repetizzjoni tal-elezzjonijiet f'seba' diviżjonijiet ta' tliet kostitwenzi għal mandat individwali fl-14 ta' Ottubru;
I. billi l-koalizzjoni "Il-Ħolma Ġeorġjana" li kisbet il-maġġoranza tal-voti se jkollha tiggverna l-pajjiż f'koabitazzjoni mal-President Saakashvili;
J. billi x-xandir ta' vidjos li juru t-tortura ta' persuni miżmuma fil-ħabsijiet Ġeorġjani kkawża protesti mifruxa u żvela mġiba serjament ħażina fl-aġenziji governattivi responsabbli għal-liġi u l-ordni; billi rriżenjaw żewġ ministri minħabba dan l-iskandlu;
K. billi t-territorji separatisti Ġeorġjani tal-Ossezja tan-Nofsinhar u l-Abkażja għadhom de facto okkupati mill-Forzi Armati Russi; billi, minkejja l-ftehim ta' waqfien mill-ġlied f'sitt punti li ġie ffirmat fl-2008 mill-Federazzjoni Russa u l-Ġeorġja, l-aċċess tal-Missjoni ta' Monitoraġġ tal-UE fl-Ossezja tan-Nofsinhar u l-Abkażja għadu mxekkel;
1. Jilqa' l-kondotta ġenerali kalma u ordnata tal-elezzjonijiet parlamentari li rrappreżentaw pass ieħor 'il quddiem fil-konsolidazzjoni tal-istituzzjonijiet demokratiċi fil-Ġeorġja minkejja xi nuqqasijiet enfasizzati mill-Missjoni Internazzjonali ta' Osservazzjoni Elettorali;
2. Jistenna trasferiment bla xkiel u paċifiku tal-poter lill-mexxejja tal-koalizzjoni "Il-Ħolma Ġeorġjana" f'konformità mar-riżultat tal-elezzjonijiet kif ukoll mal-Kostituzzjoni tal-Ġeorġja;
3. Jenfasizza l-importanza ta' koabitazzjoni korretta u kostruttiva bejn il-President Saakashvili u l-gvern il-ġdid futur bil-ħsieb li jservu b'mod sħiħ l-interessi tal-pajjiż kollu;
4. Jilqa', f'dan ir-rigward, il-bidu ta' taħditiet bejn ir-rappreżentanti tal-maġġoranza ta' qabel u l-mexxejja tal-koalizzjoni "Il-Ħolma Ġeorġjana" u jinkoraġixxi lill-partijiet biex jidħlu fi djalogu nazzjonali produttiv bil-għan li jindirizza l-problemi ewlenin tal-pajjiż u r-riformi li hemm bżonn li jitwettqu;
5. Jistenna li t-tmexxija l-ġdida tikkonferma l-għażla Ewropea tal-gvern ta' qabel u tilqa', f'dan ir-rigward, l-ewwel prospetti tal-mexxej tal-koalizzjoni "Il-Ħolma Ġeorġjana" Bidzina Ivanishvili;
6. Jistieden lill-awtoritajiet Ġeorġjani biex jindirizzaw bis-sħiħ in-nuqqasijiet kollha identifikati mill-Missjoni Internazzjonali ta' Osservazzjoni Elettorali inklużi r-rakkomandazzjonijiet mill-OSCE/ODIHR u l-Kummissjoni ta' Venezja dwar il-Kodiċi Elettorali;
7. Jisħaq fuq l-importanza ta' ġudikatura kompletament indipendenti u imparzjali u jistieden lill-parlament il-ġdid biex jadotta l-miżuri meħtieġa għall-prevenzjoni ta' kwalunkwe sfiduċja jew imġiba ħażina tal-awtoritajiet ġudizzjarji;
8. Jieħu nota tad-deċiżjoni tal-Qorti Suprema tal-Ġeorġja li taċċetta l-kawża tal-mexxej tal-koalizzjoni "Il-Ħolma Ġeorġjana" Bidzina Ivanishvili, li jitlob l-integrazzjoni mill-ġdid taċ-ċittadinanza u jħeġġeġ lill-Qorti li tiddeċiedi fiż-żmien stipulat dwar din il-kwistjoni sabiex tneħħi l-ostakli kostituzzjonali eventwali kollha li jżommu l-gvern il-ġdid milli jieħu l-kariga;
9. Jenfasizza l-importanza ta' demokrazija li taħdem bis-sħiħ għall-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' liġi stretta u effikaċi dwar il-finanzjament tal-partiti, kif ukoll liġi dwar il-kunflitti ta' interess potenzjali u effikaċi sabiex ikun hemm linja ċara ta' separazzjoni bejn l-interessi privati u pubbliċi għal min jokkupa kariga pubblika;
10. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Ġeorġjani biex jinvestigaw u jressqu l-kawżi kollha ta' trattament ħażin u tat-tortura fil-ħabsijiet Ġeorġjani u jitlob li ssir riforma qawwija u effikaċi tas-sistema penitenzjarja; jilqa' d-deċiżjoni tal-ministru tal-ħabs fil-Ġeorġja biex jgħaqqad grupp ta' monitoraġġ biex iħalli lill-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u l-midja jidħlu fil-faċilitajiet biex jikkontrollaw il-kundizzjonijiet;
11. Huwa tal-fehma li l-bidla demokratika li seħħet fil-Ġeorġja tipprovdi l-opportunità għall-bidu mill-ġdid ta' djalogu miftuħ, sinċier u mingħajr kundizzjonijiet bejn il-Ġeorġja u l-Federazzjoni Russa bbażata fuq l-iżvilupp tar-relazzjonijiet tajba ta' viċinat, is-sovranità sħiħa u l-integrità territorjali taż-żewġ pajjiżi;
12. Jitlob, f'dan ir-rigward, lir-Russja sabiex tirtira t-truppi tagħha mit-territorji separatisti Ġeorġjani ta' Abkhazia u ta' Ossezja tan-Nofsinhar biex tippermetti l-aċċess bla xkiel tal-EUMM għal dawn iż-żewġ provinċji;
13. Jiddispjaċih dwar il-pass kajman tan-negozjati u n-nuqqas ta' kwalunkwe progress sostanzjali bejn iż-żewġ partijiet fid-Diskussjonijiet tal-Ġinevra dwar is-Sigurtà u l-Istabbiltà fil-Kawkasu tan-Nofsinhar u jitlob impenn b'saħħtu bil-għan li jikkonforma b'mod sħiħ mas-sitt punti kollha tal-ftehim għall-waqfien mill-ġlied ta' Settembru 2008;
14. Jistenna bil-ħerqa l-konklużjoni tan-negozjati tal-Ftehim il-ġdid ta' Assoċjazzjoni UE-Ġeorġja f'konformità mal-aspirazzjoni Ewropea tal-pajjiż u jenfasizza l-importanza tal-proċess ta' integrazzjoni Ewropea tal-Ġeorġja għas-segwitu ta' riformi ekonomiċi, soċjali u politiċi; jilqa' l-impenn tal-UE għall-objettiv ta' vjaġġar mingħajr viża u jistenna lill-partijiet biex jagħmlu progress sostanzjali f'dan ir-rigward;
15. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-SEAE, lill-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Ġeorġja u lill-Assembleji Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-OSCE.