Dokument ta' sessjoni

 

19.11.2012                                                                                                              B7‑0497/2012

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B7‑0367/2012

skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar id-dikjarazzjoni ta' aċċettazzjoni mill-Istati Membri, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, tal-adeżjoni ta' tmien pajjiżi terzi mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali tat-Tfal

( 2012/2791(RSP) )

Klaus-Heiner Lehne, Luigi Berlinguer, Eva Lichtenberger, Francesco Enrico Speroni, Alexandra Thein, Tadeusz Zwiefka

f'isem il-Kumitat għall-Affarijiet Legali

 

B7‑0497/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar id-dikjarazzjoni ta' aċċettazzjoni mill-Istati Membri, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, tal-adeżjoni ta' tmien pajjiżi terzi mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali tat-Tfal

( 2012/2791(RSP) )

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 2(2), 3(2), 4(2)(j), 81(3), 216(1) u 218(6)(b) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Każijiet 22/70[1] u C-467/98[2] u l-Opinjoni 1/03[3],

–   wara li kkunsidra l-proposti tal-Kummissjoni għal deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar id-dikjarazzjoni ta' aċċettazzjoni mill-Istati Membri, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, tal-adeżjoni tal-Gabon[4], l-Andorra[5], is-Seychelles[6], il-Federazzjoni Russa[7], l-Albanija[8], is-Singapor[9], il-Marokk[10] u l-Armenja[11] għall-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali tat-Tfal,

–   wara li kkunsidra l-fatt li l-Kunsill għadu ma talabx il-kunsens tal-Parlament rigward dawn id-deċiżjonijiet,

–   wara li kkunsidra l-mistoqsija mressqa lill-Kummissjoni dwar id-dikjarazzjoni ta' aċċettazzjoni mill-Istati Membri, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, tal-adeżjoni ta' tmien pajjiżi terzi mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali tat-Tfal ( O-000159/2012 – B7‑0367/2012 ),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura,

A. billi l-Konvenzjoni tal-Aja tal-25 ta' Ottubru 1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali tat-Tfal hi ta' importanza ewlenija, peress li tistabbilixxi sistema li tippermetti lill-istati parteċipanti jikkooperaw biex tinstab soluzzjoni għall-ħtif internazzjonali tat-tfal, billi tiddefinixxi l-kompetenzi tal-ġurisprudenza u d-dritt applikabbli fit-teħid ta' deċiżjoni dwar fejn għandhom jirresjiedu t-tfal;

B.  billi b'hekk, il-Konvenzjoni tistipula r-ritorn rapidu tat-tfal maħtufa fil-pajjiż ta' residenza abitwali tagħhom;

C. billi l-Konvenzjoni tapplika biss għal dawk il-pajjiżi li rratifikawha jew li huma membri tagħha;

D. billi l-adeżjoni ta' stati membri ġodda għandha tiġi aċċettata minn dawk l-istati li diġà huma membri, sabiex il-pajjiżi jkunu jistgħu japplikaw il-Konvenzjoni bejniethom;

E.  billi għaldqastant l-aċċettazzjoni tal-adeżjonijiet għandha importanza ewlenija;

F.  billi l-Unjoni Ewropea diġà eżerċitat il-kompetenza interna fil-qasam tal-ħtif internazzjonali tat-tfal, b'mod partikolari permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 li jirrigwarda l-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurżar ta' ġudizzji fi kwistjonijiet matrimonjali u fi kwistjonijiet ta' responsabilità tal-ġenituri[12];

G. billi għalhekk isegwi li l-Unjoni Ewropea kisbet kompetenza esterna esklussiva fil-qasam tal-ħtif internazzjonali tat-tfal;

H. billi, peress li l-Konvenzjoni ma tippermettix l-adeżjoni ta' organizzazzjonijiet internazzjonali, l-Unjoni Ewropea għandha tawtorizza lill-Istati Membri jaġixxu fl-interess tagħha fl-aċċettazzjoni tal-adeżjonijiet msemmija aktar 'il fuq;

I.   billi għalhekk il-Kunsill għandu minnufih jieħu passi biex jadotta d-deċiżjonijiet proposti mill-Kummissjoni, inkluż bil-konsultazzjoni immedjata tal-Parlament;

J.   billi jidher li minkejja l-urġenza tal-kwistjoni u ċ-ċarezza tas-sitwazzjoni ġuridika, il-Kunsill iddeċieda li jittardja l-konsultazzjoni tal-Parlament u l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet msemmija qabel bil-għan li jikkontesta l-prinċipju ta' dawk id-deċiżjonijiet fuq bażi ġuridika;

1.  Jindirizza lill-Kunsill ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin:

(a) il-Kunsill għandu jipproċiedi minnufih bil-proċedura għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet proposti msemmija qabel;

(b) għal dan il-għan, għandu jikkonsulta mal-Parlament dwar it-tmien deċiżjonijiet proposti;

(c) fl-interess taċ-ċittadini Ewropej li jibbenefikaw mill-adozzjoni ta' dawk id-deċiżjonijiet, għandu jibqa' lura milli jostakola l-funzjonament xieraq tal-Unjoni Ewropea fuq bażi ġuridika falza;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President biex igħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, u għal informazzjoni, lill-Kummissjoni u lill-uffiċċju Permanenti tal-Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat.

 

[1] Każ 22/70, Kummisjoni v. Kunsill (ERTA) [1971] ECR 263, paragrafu 16.
[2] Każ C-467/98 Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka [2002] ECR I-9519, paragrafu 77.
[3] L-Opinjoni 1/03 dwar il-Kompetenza tal-Komunità li tikkonkludi l-Konvenzjoni l-ġdida ta' Lugano dwar il-Ġurisdizzjoni u r-Rikonoxximent u l-Eżekuzzjoni ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali) [2006] ECR I-1145, paragrafu 126.
[4] COM(2011)0904 .
[5] COM(2011)0908 .
[6] COM(2011)0909 .
[7] COM(2011)0911 .
[8] COM(2011)0912 .
[9] COM(2011)0915 .
[10] COM(2011)0916 .
[11] COM(2011)0917 .
[12] ĠU L 338, 23.12.2003, p. 1.