Dokument ta' sessjoni

 

5.12.2012                                                                                                                B7‑0541/2012

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B7-0368/2012

imressqa skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar il-kriżi fl-industrija tal-azzar

( 2012/2833(RSP) )

Roberta Angelilli, Jean-Pierre Audy, András Gyürk, Lena Kolarska‑Bobińska, Franck Proust, Herbert Reul, Amalia Sartori, Theodor Dumitru Stolojan, Salvatore Tatarella

f’isem il-grupp PPE

 

B7‑0541/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kriżi fl-industrija tal-azzar

( 2012/2833(RSP) )

il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-fatt li t-Trattat UE huwa bbażat fuq it-Trattat KEFA,

–   wara li kkunsidra l-fatt li, wara tmiem it-Trattat KEFA, is-setturi tal-faħam u tal-azzar huma ggvernati bid-dispożizzjonijiet tat-Trattat UE,

–   wara li kkunsidra l-fatt li wieħed mill-objettivi tal-Unjoni Ewropea huwa li tappoġġa l-industrija tal-azzar u tagħmilha kompetittiva u reattiva għat-tibdil fil-kundizzjonijiet tas-swieq Ewropej u mhux Ewropej,

–   wara li kkunsidra l-fatt li l-industrija tal-azzar hija essenzjali għat-tkabbir u l-prosperità fl-Ewropa,

–   wara li kkunsidra l-fatt li l-industrija Ewropea tal-azzar għaddejja minn tnaqqis sostanzjali tad-domanda, li qed joħloq telf progressiv ta' impjiegi u kompetittività,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-industrija tal-azzar u r-ristrutturazzjoni, it-trasferiment u l-għeluq ta' kumpaniji fl-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Frar 2011 bl-isem ‘Naffrontaw l-isfidi fis-swieq tal-prodotti bażiċi u dawk marbuta mal-materja prima’ ( COM(2011)0025 ),

–   wara li kkunsidra l-Istrateġija Ewropa2020,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ottubru 2012 bl-isem ‘Industrija Ewropea aktar b’saħħitha għat-Tkabbir u l-Irkupru Ekonomiku’ ( COM(2012)0582 ),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) u l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi huwa fl-interess tal-Unjoni Ewropea kollha li tippreserva l-attivitajiet li jiffurmaw it-tessut industrijali tagħha u li tiżgura s-sikurezza u l-provvista tal-enerġija permezz ta' produzzjoni interna;

B.  billi l-industrija tal-azzar għandha rwol ewlieni fl-ekonomija Ewropea, u billi industrija Ewropea tal-azzar kompetittiva tifforma s-sisien tal-iżvilupp u tal-ħolqien tal-valur f'bosta setturi industrijali ewlenin;

C. billi s-settur qed jiffaċċja kompetizzjoni qawwija fis-suq globali, prinċipalment minn pajjiżi barra l-UE li joperaw skond regolamenti u standards differenti, kif ukoll aċċess diffiċli għal materja prima u spejjeż ogħla;

D. billi f'dawn l-aħħar snin l-industrija tal-azzar iffaċċjat sfidi f'termini ta' ristrutturazzjoni u ta' fużjonijiet industrijali;

E.  billi industriji b'teknoloġija għolja - bħal pereżempju s-settur tal-azzar - huma meqjusa bħala mudell ta' għarfien teknoloġiku, u għalhekk għandhom ikunu protetti bit-teħid ta' azzjoni immedjata biex tiġi evitata d-delokalizzazzjoni tagħhom barra t-territorju tal-UE;

1.  Jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi malajr stampa ċara tas-sitwazzjoni fir-rigward tal-isfidi ewlenin li qed jiffaċċja s-settur tal-azzar fl-Ewropa; jenfasizza li huwa importanti li l-Kummissjoni timmonitorja b'reqqa żviluppi attwali sabiex tissalvagwardja l-wirt industrijali Ewropew u l-ħaddiema involuti;

2.  Ifakkar li l-Kummissjoni, wara li skada t-Trattat KEFA, għandha d-dritt tindirizza l-impatt ekonomiku u soċjali ta' żviluppi fl-industrija Ewropea tal-azzar;

3.  Jitlob lill-Kummissjoni twettaq riflessjoni attenta dwar inizjattivi fuq medda medja u twila ta' żmien biex tappoġġa u tmantni l-industrija tal-azzar;

4.  Jemmen li l-Kummissjoni għandha tagħti iktar importanza lill-politika industrijali biex tqajjem il-kompetittività tal-industrija Ewropea, meta mqabbla mas-suq dinji, sabiex tiggarantixxi kundizzjonijiet ekwi filwaqt li tiżgura standards soċjali u ambjentali għoljin;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni ġġedded il-mekkiżmu preċedenti ta' sorveljanza stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 1241/2009 tas-16 ta' Diċembru 2009[1], li se jiskadi fil-31 ta' Diċembru 2012;

6.  Jemmen li l-irkupru ekonomiku Ewropew jiddependi wkoll minn industrija tal-manifattura iktar b'saħħitha, li fiha l-azzar għandu rwol ewlieni, u li l-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni hija kruċjali biex din tii rilanċjata u mġedda;

7.  Jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni għal żvilupp ta' Pjan ta' Azzjoni Ewropew għas-settur tal-azzar sa l-2013, iżda jenfasizza l-bżonn li dan jiġi ppreżentat mill-iktar fis;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu miżuri konkreti biex tnaqqas l-ispejjeż tal-enerġija fuq medda meja u twila ta' żmien, speċjalment għall-industriji b'użu għoli ta' enerġija, u wkoll biex tħeġġeġ it-twaqqif ta' konsorzji kummerċjali;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-fattibilità ta' introduzzjoni ta' ċertifikazzjoni tal-kwalità għall-prodotti marbuta mal-azzar;

10. Jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib l-iżviluppi fl-istabbilimenti li jinsabu fi Florange, Liège, Terni, Targoviste, Schifflange, Piombino, Campia Turzii, Rodange, Otelu Rosu, Trieste u fi bnadi oħra, li l-eżistenti tagħhom fil-forma attwali tirrappreżenta riskju, sabiex taċċerta li l-kompetittività tas-settur Ewropew tal-azzar u l-importanza tiegħu bħala settur ta' impjieg ma jkunux mhedda;

11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kumissjoni, lill-Kunsill u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

[1] ĠU L 332, 17.12.2009, p. 54.