Dokument ta' sessjoni
5.12.2012 B7‑0544/2012
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara d-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina
( 2012/2889(RSP) )
Johannes Cornelis van Baalen, Graham Watson, Alexander Graf Lambsdorff
f'isem il-Grupp ALDE
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina
( 2012/2889(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Ukraina,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tas-sejbiet u l-konklużjonijiet preliminari tal-osservazzjoni elettorali internazzjonali maħruġa mill-Assemblea Parlamentari tal-OSKE, l-OSKE/ODIHR, l-Assemblea Parlamentari tan-NATO, l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (PACE) u l-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tar-Rappreżentant Għoli Catherine Ashton u l-Kummissarju Štefan Füle dwar l-elezzjonijiet parlamentari li saru fl-Ukraina fit-3 u t-12 ta' Novembru 2012,
– wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (PACE) dwar l-osservazzjoni elettorali, ippubblikat fid-29 ta’ Novembru 2012,
– wara li kkunsidra r-rapporti magħmula mill-NGOs, inkluża OPORA, dwar l-elezzjonijiet preliminari,
– wara li kkunsidra r-rapporti dwar l-osservazzjoni tal-missjoni tal-OSKE/ODIHR u r-rapport interim tagħha ta’ wara l-elezzjonijiet ippubblikat fid-9 ta’ Novembru 2012,
– wara li kkunsidra l-ħidma li għadha għaddejja tal-missjoni ta’ monitoraġġ tal-Presidenti preċedenti Pat Cox u Aleksandr Kwasniewski, kif mibdija mill-President Martin Schulz u l-Prim Ministru Mykola Azarov,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni magħmula mill-Prim Ministru Azarov fit-8 ta’ Novembru 2012 dwar l-elaborazzjoni tal-Kodiċi Elettorali,
– wara li kkunsidra l-fatt li għadhom il-ħabs Yulia Tymoshenko u Yuri Lutsenko, mexxejja prominenti tal-oppożizzjoni,
– wara li kkunsidra l-adozzjoni u l-iffirmar tal-liġi dwar ir-referendi fis-27 ta’ Novembru 2012,
– wara li kkunsidra r-rapport ta' progress dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat fl-Ukraina, ippubblikat fl-14 ta' Mejju 2012,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-Samit UE-Ukraina tad-19 ta' Diċembru 2011,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-elezzjonijiet parlamentari li saru fl-Ukraina fit-28 ta’ Ottubru 2012 ġew osservati minn għadd kbir ta’ monituri internazzjonali;
B. billi l-osservaturi elettorali internazzjonali enfasizzaw li l-elezzjonijiet Ukraini tat-28 ta’ Ottubru 2012 la kellhom kundizzjonijiet indaqs għall-partijiet kollha, la trasparenza tal-kampanja u tal-finanzjament tal-partiti u l-anqas kopertura tal-midja bbilanċjata;
C. billi l-OSKE nnutat xi titjibiet importanti, b’mod partikolari fir-rigward tar-reġistrazzjoni tal-votanti u tal-kandidati, filwaqt li enfasizzat nuqqasijiet serji fit-tabulazzjoni tal-voti;
D. billi, skont ir-rapporti tal-OSKE/ODIHR, it-tmexxija tal-proċess ta’ wara l-elezzjonijiet kien mgħarraq minn irregolaritajiet, dewmien fil-għadd tal-voti u nuqqas ta’ trasparenza fil-kummissjonijiet elettorali;
E. billi l-parti politika tal-ftehim ta' assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Ukraina ġiet inizjalata fit-30 ta' Marzu 2012 u l-parti ekonomika ġiet inizjalata fid-19 ta' Lulju 2012;
F. billi l-iffirmar tal-ftehim il-ġdid inżamm milli jsir, b’mod li issa jiddependi mill-progress politiku li jsir fl-Ukraina rigward l-istat tad-dritt u r-riforma tas-sistema tal-ġustizzja;
G. billi l-elezzjonijiet ġenerali tat-28 ta’ Ottubru kienu meqjusa bħala test kruċjali għall-Ukraina billi kienu qed jagħtu sinjal tal-irriversibilità tal-impenn tal-pajjiż favur l-iżvilupp ta’ sistema demokratika kompluta, il-konsolidazzjoni tal-istat tad-dritt u l-kontinwazzjoni tar-riformi politiċi;
H. billi l-mexxejja tal-oppożizzjoni Yulia Tymoshenko u Yuriy Lutsenko għadhom il-ħabs u ma kinux jistgħu jipparteċipaw fil-proċess elettorali;
I. billi l-Kumitat ta’ Monitoraġġ tal-PACE iddeċieda li jitlob lill-Kummissjoni ta’ Venezja l-opinjoni tagħha fuq il-liġi dwar ir-referendi;
J. billi l-liġi dwar il-passaporti bijometriċi ġiet adottata mill-Verkhovna Rada u ġiet iffirmata mill-President fid-29 ta’ Novembru 2012;
K. billi fil-Parlament Ukrain fis-6 ta’ Novembru 2012 ġiet stabbilita kummissjoni investigattiva temporanja biex teżamina l-abbużi elettorali li saru f’għadd ta’ kostitwenzi ta’mandat uniku;
L. billi qed tiġi skedata r-rivotazzjoni f'ħames kostitwenzi ta' mandat uniku;
M. billi fit-3 ta’ Diċembru 2012 il-President Yanukovich aċċetta r-riżenja tal-gvern ta’ Azarov,
1. Jinnota bi tħassib li l-elezzjonijiet parlamentari Ukraini tat-28 ta’ Ottubru 2012 jirrappreżentaw pass lura għad-demokrazija Ukraina, skont kif ġie konkluż minn għadd ta’ missjonijiet ta’ osservaturi internazzjonali;
2. Jiddeplora l-vjolazzjonijiet elettorali dokumentati li ġew ippreżentati fil-valutazzjoni tal-OSKE/ODIHR rigward il-proċess tal-ivvutar u t-tmexxija tal-proċess ta' wara l-elezzjonijiet; jinsab diżappuntat u mħasseb ferm minħabba l-effett li kellhom il-vjolazzjonijiet irrappurtati fuq ir-riżultat tal-espressjoni tar-rieda ħielsa taċ-ċittadini Ukraini;
3. Jafferma mill-ġdid li l-fatt li Yulia Tymoshenko u Yuriy Lutsenko għadhom miżmuma l-ħabs huwa eżempju inaċċettabbli tal-użu selettiv tal-ġustizzja u tal-istrumentalizzazzjoni tal-proċess ġuridiku għall-benefiċċju tar-reġim li qed jiggverna;
4. Iqis li l-liġi elettorali tal-Ukraina adottata f’Novembru 2011 offriet għadd ta’ titjibiet importanti, b’mod partikolari fir-rigward tar-reġistrazzjoni tal-votanti u tal-kandidati; iqis, madankollu, li tibqa’ kumplessa b’mod eċċessiv u li għadhom iridu jiġu indirizzati u rrimedjati għadd ta’ nuqqasijiet fil-qasam tad-drittijiet ta' kandidatura, dak tad-dispożizzjonijiet finanzjarji adegwati għall-kampanji, dak tan-nuqqas ta’ kriterji ċari għad-delinjament tad-distretti elettorali ta’ mandat uniku u l-qasam tan-nuqqas ta’ sanzjonijiet effikaċi għall-vjolazzjonijiet serji tal-liġi;
5. Jikkundanna l-vjolazzjonijiet elettorali li ġew irreġistrati waqt il-għadd tal-voti u l-proċess tat-tabulazzjoni fid-distretti ta’ mandat wieħed; iqis li dan huwa sforz sfaċċat biex jiġi mbagħbas l-eżitu tal-elezzjonijiet u daqqa ta’ ħarta ħarxa lill-fiduċja li għandhom iċ-ċittadini Ukraini fil-proċess elettorali;
6. Jinnota d-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru Azarov dwar il-ħtieġa li fl-Ukraina jiġi elaborat Kodiċi Elettorali; jistieden lill-Verkhovna Rada li għadha kif ġiet ikkostitwita tiżviluppa Kodiċi Elettorali, bl-involviment konsenswali tal-forzi politiċi parlamentari kollha li hemm fil-pajjiż; jistenna li l-Verkhovna Rada tkun kapaċi tibni fuq proposti eżistenti li kienu tħejjew mill-parlament li għadu kif temm il-mandat tiegħu bl-appoġġ sħiħ tal-Unjoni Ewropea u tal-Kummissjoni ta’ Venezja;
7. Jilqa’ d-deċiżjoni li tiġi stabbilita kummissjoni investigattiva temporanja biex teżamina l-abbużi elettorali li twettqu f'għadd ta' distretti ta' mandat uniku; jittama li din tippermetti li jsir djalogu ‘minn naħa għall-oħra tal-korsija’ bejn il-gvern u l-oppożizzjoni, filwaqt li tittratta b’mod determinat il-vjolazzjonijiet irreġistrati tal-proċess elettorali, bil-għan li tindirizza r-rakkomandazzjonijiet kollha tal-OSKE/ODIHR, kif se jiġi spjegat fil-qosor fir-rapport finali;
8. Jappoġġja bis-saħħa l-ħidma kontinwa tal-missjoni ta’ monitoraġġ Cox-Kwasniewski; jirrikonoxxi l-attitudni miftuħa u l-impenn tal-Prim Ministru Azarov biex jappoġġja l-missjoni ta’ monitoraġġ fil-ħidma tagħha; iqis li format simili ta’ djalogu u kooperazzjoni jista’ jiġi kkuntemplat biex jindirizza kwestjonijiet aktar wiesgħa relatati mad-deterjorament tal-klima tan-negozju, il-libertà tal-midja u l-istat tad-dritt fl-Ukraina;
9. Jesprimi l-appoġġ kontinwat tiegħu għall-aspirazzjonijiet Ewropej tal-poplu Ukrain; jiddispjaċih li l-elezzjonijiet parlamentari li saru dan l-aħħar ma kkostitwewx xi progress serju fl-avvanz tal-kredenzjali tal-Ukraina f’dan ir-rigward; jenfasizza li l-UE tibqa’ impenjata li taħdem mal-Ukraina biex jittejbu l-istituzzjonijiet demokratiċi, jissaħħaħ l-istat tad-dritt, tiġi żgurata l-libertà tal-midja u jiġu avanzati riformi ekonomiċi essenzjali;
10. Jikkonferma l-impenn tal-UE li tkompli tavvanza r-relazzjonijiet mal-Ukraina permezz tar-ratifika tal-ftehim ta’ assoċjazzjoni; jinnota li l-progress fl-assoċjazzjoni politika u l-integrazzjoni ekonomika jiddependi mill-impenn tanġibbli tal-Ukraina favur il-prinċipji demokratiċi, l-istat tad-dritt, l-indipendenza tal-ġudikatura u l-libertà tal-midja;
11. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jipproċedu bl-iffirmar tal-ftehim ta' assoċjazzjoni mal-Ukraina filwaqt li jiżguraw li ż-żmien meta għandu jiġi ffirmat ikun abbażi l-kundizzjoni li l-awtoritajiet Ukraini jkunu kapaċi jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet kollha tal-OSKE/ODIHR u tal-Kummissjoni ta’ Venezja, l-istabbiliment ta’ djalogu politiku li jiffunzjona mal-oppożizzjoni parlamentari dwar id-definizzjoni tal-Kodiċi Elettorali u progress tanġibbli mill-gvern dwar ir-riforma ġudizzjarja;
12. Jinnota l-adozzjoni u l-iffirmar tal-liġi dwar ir-referendi fl-Ukraina; jistenna lill-awtoritajiet Ukraini jikkonformaw għalkollox mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta’ Venezja, ladarba jsiru disponibbli, bil-għan li jindirizzaw kwalunkwe spekulazzjoni rigward il-possibilità ta’ abbuż ta’ din il-leġiżlazzjoni;
13. Jilqa’l-iffirmar tal-ftehim emendat għall-faċilitazzjoni tal-viża bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukraina, li jdaħħal titjibiet ċari fil-għoti ta’ viżi għaċ-ċittadini Ukraini, meta mqabbel mal-ftehim li hemm fis-seħħ bħalissa; jistieden lill-Kunsill javvanza d-djalogu bejn l-UE u l-Ukraina dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża qabel ma jsir is-Samit tas-Sħubija tal-Lvant f’Novembru 2013;
14. Jistieden lill-Verkhovna Rada tirrifjuta l-Abbozz ta’ Liġi 8711, li jillimita l-libertà tal-espressjoni fir-rigward tal-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneri u li ġie adottat fl-ewwel qari f’Ottubru; jirrimarka li din il-liġi tikser b'mod ċar il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, it-tnejn li huma ratifikati mill-Parlament tal-Ukraina;
15. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Ukraina kif ukoll lill-Assembleji Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-OSKE.