Dokument ta' sessjoni

 

9.1.2013                                                                                                                  B7‑0004/2013

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar vittmi ta' nirien li seħħew reċentement f'fabbriki tat-tessuti, b'mod partikolari fil-Bangladexx

( 2012/2908(RSP) )

Charles Tannock

f’isem il-Grupp ECR

 

B7‑0004/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar vittmi ta' nirien li seħħew reċentement f'fabbriki tat-tessuti, b'mod partikolari fil-Bangladexx

( 2012/2908(RSP) )

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Bangladexx,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-27 ta' Novembru 2012 tad-delegazzjoni tal-UE fil-Bangladexx,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-24 ta' Mejju 2006 dwar il-promozzjoni tax-xogħol deċenti għal kulħadd (COM/2006/0249),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi fl-24 ta' Novembru 2012 iktar minn 110 persuna mietu f’nirien li seħħew f'fabbrika tat-tessuti ta’ Tazreen Fashions, li tinsab f’Ashulia, ftit ’il barra minn Daka;

B.  billi fil-Bangladexx hemm iktar minn 4 500 fabbrika tal-ħwejjeġ li jimpjegaw iktar minn erba’ miljun ħaddiem, li ħafna minnhom huma nisa; billi l-industrija hija kruċjali għall-ekonomija nazzjonali bħala sors ta’ impjieg u munita barranija, peress li l-ħwejjeġ jammontaw għal madwar 80 % tal-esportazzjonijiet tal-pajjiż;

C. billi l-fabbriki tal-ħwejjeġ tal-Bangladexx jipproduċu għal ħafna ditti internazzjonali tal-ħwejjeġ, inklużi ditti tal-ħwejjjeġ Ewropej, b’57 % tal-esportazzjonijiet kollha tal-pajjiż imorru għall-UE;

D. billi l-kundizzjonijiet fil-fabbriki tat-tessuti ta’ sikwit ikunu ħżiena, bi ftit li xejn kunsiderazzjoni għad-drittijiet tax-xogħol bħalma huma dawk rikonoxxuti mill-konvenzjonijiet ewlenin tal-ILO, u xi kultant ma tingħata l-ebda attezzjoni jew ftit li xejn tingħata attenzjoni għas-sikurezza kontra n-nirien;

E.  billi l-fabbrika Tazreen Fashions ipproduċiet ħwejjeġ għas-C&A, fost l-oħrajn; billi s-C&A wiegħdet EUR 5 miljun bħala kumpens għall-vittmi u programmi biex jissaħħu l-istandards tas-saħħa u s-sikurezza għall-ħaddiema tal-fabbriki tat-tessuti fil-Bangladexx;

F.  billi l-UE, skont il-proġett “Il-Promozzjoni ta’ Standards tax-Xogħol fis-settur tal-Ħwejjeġ Lesti”, attwalment qed tagħti appoġġ lill-Ministru tax-Xogħol u l-Impjiegi u lill-Assoċjazzjoni tal-Manifatturi u l-Esportaturi tal-Ħwejjeġ tal-Bangladexx sabiex jiġu pprovduti verifiki ta’ konformità lill-fabbriki u għat-taħriġ ta' spetturi tax-xogħol u awdituri tal-konformità tal-fabbriki; billi, barra minn hekk, l-UE pprovdiet tagħmir u taħriġ lis-Servizz tat-Tifi tan-Nar u d-Direttorat għall-Protezzjoni Ċivili tal-Bangladexx;

G. billi fix-xhur riċenti kien hemm għadd dejjem ikbar ta’ nirien f’fabbriki tat-tessuti, fil-Bangladexx u f’pajjiżi oħrajn, inklużi dawk fil-bliet Pakistani ta’ Karachi u Lahore fil-11 ta' Settembru 2012, fejn mietu 315-il persuna u iktar minn 250 sfaw midruba serjament;

1.  Jinsab ixxukkjat fir-rigward tan-nirien li ħatfu l-fabbrika Tazreen u jesprimi s-solidarjetà u l-kondoljanzi tiegħu lill-vittmi u l-familji tagħhom;

2.  Jinsab imħasseb ħafna dwar il-fenomenu rikorrenti ta’ nirien fil-fabbriki tat-tessuti fil-Bangladexx u f’pajjiżi oħrajn li jipproduċu l-ħwejjeġ b’pagi baxxi bħalma hu l-Pakistan;

3.  Jistieden lill-Gvern tal-Bangladexx ikompli l-investigazzjonijiet tiegħu fil-kawżi tan-nirien u jressaq quddiem il-ġustizzja lil dawk misjuba responsabbli; jistieden, barra minn hekk, lill-Gvern tal-Bangladexx jinvesti fi programmi ta’ spezzjonijiet madwar il-pajjiż kollu sabiex jiġu żgurat li l-binjiet użati attwalment huma adegwati għall-funzjoni tagħhom u li l-binjiet u s-sistema tal-wajers tagħhom jissodisfaw l-istandards tas-saħħa u s-sikurezza;

4.  Jistieden lis-sidien kollha tal-fabbriki fil-Bangladexx jirrevedu immedjatament il-proċeduri ta’ sikurezza fis-seħħ fil-fabbriki tagħhom u jwettqu kontrolli tal-binjiet, inkluż fir-rigward tas-sikurezza elettrika;

5.  Jistieden lid-ditti tal-ħwejjeġ Ewropej jinvestigaw bir-reqqa l-ktajjen ta’ provvista tagħhom u jikkooperaw mas-sottokuntratturi tagħhom biex isaħħu l-istandards tas-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali;

6.  Iħeġġeġ lill-partijiet interessati kollha jiġġieldu l-korruzzjoni fil-katina ta' provvista li tista’ twassal għal sitwazzjonijiet ta' theddida għall-ħajja bħal dawk ikkawżati minn ċertifikati ta’ sikurezza ffalzifikati jew miksuba b'mod illegali;

7.  Jitlob lill-Kummissjoni tkompli, u jekk ikun neċessarju, tespandi l-impenji attwali tagħha rigward is-sikurezza tal-fabbriki fil-Bangladexx u f’pajjiżi oħrajn;

8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvern, il-Parlamenti u l-Ministeru tal-Intern tal-Bangladexx, u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri tal-UE.