Dokument ta' sessjoni
9.1.2013 B7‑0013/2013
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara l-Mistoqsija għal Tweġiba Orali B7–0552/2012
skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar l-indikazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini ta’ ċerti prodotti importati minn pajjiżi terzi ("magħmul fi")
( 2012/2923(RSP) )
Daniel Caspary, Franck Proust, Jarosław Leszek Wałęsa, Pablo Zalba Bidegain
f’isem il-grupp PPE
Gianluca Susta, Vital Moreira, Bernd Lange
f'isem il-Grupp S&D
Niccolò Rinaldi, Robert Rochefort, Marielle de Sarnez
f’isem il-grupp ALDE
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-indikazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini ta’ ċerti prodotti importati minn pajjiżi terzi ("magħmul fi")
( 2012/2923(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-indikazzjoni tal-pajjiż tal-oriġini ta' ċerti prodotti importati minn pajjiżi terzi (COM(2005)0661 – C7 0048/2010 – 2005/0254 (COD)),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat tiegħu għall-Kummerċ Internazzjonali ( A7-0273/2010 ),
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni tagħha fl-ewwel qari adottata fil-21 ta' Ottubru 2010[1]
– wara li kkunsidra l-anness għall-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu "Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni 2013", tat-23 ta' Ottubru 2012 (COM(2012)0629),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar immarkar tal-oriġini,
– wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar ir-regolament dwar obbligatorju mmarkar tal-oriġini għal ċerti prodotti importati minn pajjiżi terzi ( O-000217/2012 – B7‑0552/2012),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi fil-21 ta' Ottubru 2010 adotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-indikazzjoni tal-pajjiż tal-oriġini ta' ċerti prodotti importati minn pajjiżi terzi (minn hawn 'il quddiem ir-Regolament "Magħmul fi") b'525 voti għal 49, u bi 44 astensjoni,
B. billi, għalkemm għaddew aktar minn sentejn, il-Kunsill għadu ma adottax il-pożizzjoni komuni tiegħu, u ħalla l-proċess ta' kodeċiżjoni fi stat ta' staġnar;
C. billi fil-Programm ta' Ħidma tagħha 2013 il-Kummissjoni tindika li, minbarra n-nuqqas ta' qbil fil-Kunsill, l-iżviluppi reċenti fl-interpretazzjoni legali tar-regoli tad-WTO mill-Korp Appellate tal-organizzazzjoni rendew il-proposta tagħha antikwata;
D. billi l-UE ma jkollhiex fis-seħħ regoli armonizzati dwar id-dikjarazzjoni tal-oriġini ta' oġġetti importati, ħlief għal ċerti każijiet fis-settur agrikolu;
E. billi skemi tal-immarkar tal-oriġini obbligatorji ġew implimentati għal ċerti prodotti minn pajjiżi terzi membri tad-WTO bħall-Brażil, il-Kanada, iċ-Ċina u l-Istati Uniti;
F. billi dispożizzjonijiet komuni huma meħtieġa biex tittejjeb il-kompetittività fost il-pajjiżi membri tad-WTO u biex jiġi żgurat ambjent b'kundizzjonijiet ekwi mal-produtturi f'dawk tal-pajjiżi sħab tal-UE ewlenin li implimentaw immarkar tal-oriġini;
G. billi l-informazzjoni hija waħda mill-pedamenti tal-libertà taċ-ċittadini u l-ħarsien tal-konsumatur;
1. Jiddeplora d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirtira r-Regolament dwar l-indikazzjoni tal-pajjiż ta' oriġini għal ċerti prodotti importati minn pajjiżi terzi, approvat fl-ewwel qari mill-Parlament, mingħajr ma informatu kif dovut fil-ħin u mingħajr ma pprovdiet spjegazzjoni dettaljata lill-koleġiżlaturi tal-iskop tagħha, qabel ma ħadet id-deċiżjoni;
2. Jistieden lill-Kummissjoni tqis id-deċiżjoni tagħha;
3. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, inkella, biex tippreżenta proposta riveduta u aġġornata għal dan ir-Regolament, li jkopri dawk is-setturi li diġà huma inklużi fit-test preċedenti;
4. Jistieden b'urġenza lill-Kummissjoni, biex tibda studju komparattiv tar-regolamenti leġiżlattivi dwar immarkar tal-oriġini attwalment fis-seħħ u implimentat f'kull pajjiż membru tad-WTO, bil-għan li tanalizza l-prinċipji sottostanti u l-tewalva l-kompatibbiltà mar-regoli tad-WTO;
5. Ifakkar li s-suċċess tal-kummerċ miftuħ u ġust tal-Unjoni Ewropea ma' pajjiżi terzi tmur id f'id mal-konformità mar-regoli tad-WTO;
6. Ifakkar, hekk kif għamel f'okkażjonijiet preċedenti, l-importanza li jiġu preżervati, bħala parti mill-kummerċ multilaterali, kundizzjonijiet indaqs bejn l-impriżi tal-UE u l-kompetituri tagħhom minn pajjiżi terzi u li jkun hemm approċċ konsistenti sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-konsumatur;
7. Jistieden lill-Kunsill jiddefinixxi l-pożizzjoni komuni tiegħu wara l-ewwel qari tal-Parlament sabiex jippermettu d-dibattitu interistituzzjonali normali;
8. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.