Dokument ta' sessjoni

 

14.1.2013                                                                                                                B7‑0025/2013

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim Interim ta’ Sħubija Ekonomika (FISE) bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati tal-Afrika tal-Lvant u tan-Nofsinhar, fid-dawl tas-sitwazzjoni attwali fiż-Żimbabwe

( 2013/2515(RSP) )

Paul Murphy, Søren Bo Søndergaard, Marisa Matias, Alda Sousa, Martina Anderson

f'isem il-Grupp GUE/NGL

 

B7‑0025/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim Interim ta’ Sħubija Ekonomika (FISE) bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati tal-Afrika tal-Lvant u tan-Nofsinhar, fid-dawl tas-sitwazzjoni attwali fiż-Żimbabwe

( 2013/2515(RSP) )

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim Interim li jistabbilixxi qafas għal Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Istati Afrikani tal-Lvant u tan-Nofsinhar fuq naħa u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq in-naħa l-oħra (2012/196/KE)[1],

–   wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Cotonou, iffirmat f’Ġunju 2000, b’mod partikolari l-Artikoli 96 u 97 tiegħu dwar ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 21 tat-TUE u l-Artikolu 208 tat-TFUE, li jobbligaw lill-UE tirrispetta l-koerenza tal-politika, inkluż fil-politiki tagħha tal-azzjoni esterna, tal-iżvilupp u tal-kummerċ,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta’ Frar 2009 dwar l-impatt fuq l-iżvilupp tal-Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika (EPAs)[2],

–   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, tat-18 ta’ Diċembru 2012 ( A7-0431/2012 ),

–   wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp, tas-6 ta’ Diċembru 2012 ( A7‑0431/2012 ),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Diċembru 2010 dwar il-futur tas-sħubija strateġika bejn l-UE u l-Afrika wara t-Tielet Samit bejn l-UE u l-Afrika[3],

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u strumenti internazzjonali ewlenin oħra tad-drittijiet tal-bniedem, li minnhom iż-Żimbabwe għandu sehem bħala Parti Statali,

–   wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli, li ż-Żimbabwe rratifika,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar iż-Żimbabwe,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika u n-negozjati tal-Ftehim Interim ta’ Sħubija Ekonomika

A. billi l-Madagaskar, il-Mawrizju, is-Seychelles u ż-Żimbabwe huma firmatarji tal-Ftehim ta’ Cotonou; billi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem huwa maħsub biex ikun element essenzjali tal-ftehim ta’ kooperazzjoni u żvilupp bejn l-UE u l-pajjiżi tal-AKP;

B.  billi l-Madagaskar, il-Mawrizju, is-Seychelles u ż-Żimbabwe bdew japplikaw il-Ftehim Interim b’mod proviżorju minn Mejju 2012; billi dan huwa l-ewwel Ftehim Interim ta’ Sħubija Ekonomika (FISE) ma' reġjun Afrikan mindu bdew in-negozjati dwar Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika fl-2002;

C. billi l-Kummissjoni tqis dan il-Ftehim Interim ta’ Sħubija Ekonomika bħala pass lejn Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika (FSE) sħiħ, li se jibqa’ miftuħ għal pajjiżi oħra li jkunu jridu li jingħaqdu fi stadju aktar tard;

D. billi l-grupp oriġinal tal-Lvant u tan-Nofsinhar tal-Afrika (LNA) li vara n-negozjati dwar il-Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika mal-Unjoni Ewropea fis-7 ta’ Frar 2004 kien iffurmat minn 16-il pajjiż, li jinkludu Gżejjer tal-Oċean Indjan (il-Komoros, il-Madagaskar, il-Mawrizju u s-Seychelles), pajjiżi tal-Qarn tal-Afrika (il-Ġibuti, l-Etjopja, l-Eritrea u s-Sudan), membri tal-Komunità tal-Afrika tal-Lvant (EAC) (il-Burundi, il-Kenja, ir-Rwanda, it-Tanzanija u l-Uganda) u pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Afrika (il-Malawi, iż-Żambja u ż-Żimbabwe).

E.  billi s-Seychelles u l-Mawrizju mistennija jilliberalizzaw u jneħħu total ta’ ’l fuq minn 95%, u ż-Żimbabwe 79,9%, tat-tariffi li huma japplikaw għall-importazzjonijiet tal-UE; billi l-Madagaskar suppost li lliberalizzat 37% mit-tariffi tagħha sal-1 ta’ Jannar 2013, u billi dan jirrappreżenta telf konsiderevoli ta’ 42% ta’ dħul fiskali; billi l-Gvern tal-Madagaskar talab għal moratorju ta’ ħames snin qabel ma jimplimenta l-Ftehim;

F.  billi, fl-2010, l-importazzjonijiet totali tal-UE mill-grupp kollu tal-'LNA' laħqu madwar €2,88 biljun, jew 0,2% tal-importazzjonijiet kollha tal-UE, inklużi prinċipalment it-tonn ipproċessat, il-kafè, iz-zokkor tal-kannamieli, tessuti, tabakk, fjuri maqtugħin u l-ligi tal-ħadid.

G. billi studji li saru mill-Kummissjoni Ekonomika għall-Afrika tan-Nazzjonijiet Uniti (UNECA) jissuġġerixxu li l-viżjoni tal-Kummissjoni għall-Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika (FSE) tkun tnaqqas il-benefiċċji soċjali, iddgħajjef l-integrazzjoni reġjonali u xxekkel l-isforzi Afrikani biex jindustrijalizzaw; billi 75% tal-popolazzjoni tar-reġjun tal-‘LNA’ jgħixu f’pajjiżi l-inqas żviluppati;

H. billi, skont iċ-Ċentru Ewropew ta’ Ġestjoni tal-Politiki ta’ Żvilupp (ECDPM), ftit hemm koerenza bejn il-FISE konklużi u l-proċessi ta' integrazzjoni reġjonali fl-Afrika;

Iż-Żimbabwe

I.   billi l-President Mugabe ilu jmexxi liż-Żimbabwe għal dawn l-aħħar 33 sena; billi ġie ffurmat gvern ta’ koalizzjoni fl-2009, wara ftehim ta’ qsim tal-poter bejn ZANU‑PF (Zimbabwe African National Union – Patriotic Front) u l-MDC (Movement for Democratic Change) f’tentattiv biex jiġi riżolt l-istaġnar politiku li rriżulta mill-elezzjonijiet leġiżlattivi u presidenzjali tal-2008;

J.   billi l-President Mugabe ħabbar li fl-2013 se jsiru referendum kostituzzjonali u l-elezzjonijiet ġenerali;

K. billi l-organizzazzjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem jibżgħu li hekk kif il-pajjiż jibda miexi lejn l-elezzjonijiet tal-2013 jidiedu l-fastidju u l-intimidazzjoni kontra organizzazzjonijiet u individwi li jaħdmu fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem;

L.  billi fl-2012 il-Kungress tat-Trejdjunjins taż-Żimbabwe (ZCTU) sab ma’ wiċċu fastidju ma jaqta’ xejn mill-pulizija, inkluża żjara fl-uffiċini tagħhom minn pulizija pajżana, tentattiv mill-pulizija li jipprojbixxu l-marċijiet tal-Ewwel ta’ Mejju taż-ZCTU, l-arrest ta’ parteċipanti f’marċ ta’ Jum in-Nisa u l-isfrattar ta’ programm edukattiv tan-nisa;

M. billi l-Assemblea Generali u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU stabbilixxew l-Iskema ta' Ċertifikazzjoni tal-Proċess Kimberly (KPCS) iddisinjat biex jipprevjeni l-kummerċ ta' djamanti illeċiti u r-rabtiet tiegħu ma' konflitti armati li jipperpetwaw lilhom infushom; billi l-KPCS iddeċidiet li tirtira l-monituri u tippermetti l-esportazzjoni bla xkiel tad-djamanti mill-artijiet ta’ Marange fejn jinstabu d-djamanti fiż-Żimbabwe, li fihom jinsabu sa għoxrin fil-mija tar-riżervi tad-djamanti tad-dinja;

N. billi, fil-5 ta’ Novembru 2012, uffiċjali tal-pulizija b’mod arbitrarju arrestaw lil Fidelis Mudimu, Zachariah Gochi u Tafadzwa Geza, membri superjuri tal-persunal fl-uffiċini tal-Unità tas-Servizzi ta’ Għoti ta’ Pariri (Counselling Service Unit), klinika medika rreġistrata li tinsab f'Ħarare, li tipprovdi servizzi mediċi u ta’ għoti ta’ pariri lill-vittmi ta' kriminalità organizzata u ta' tortura; billi dawk arrestati ġew akkużati li ‘kkawżaw ħsara malizzjuża lill-proprjetà, bi ksur tat-Taqsima 140 tal-Att dwar il-Liġi Kriminali (Kodifikazzjoni u Riforma)’;

O. billi, matul is-sena 2012 kollha, l-attivisti tal-LGBT fiż-Żimbabwe rrappurtaw żieda xokkanti fl-intimidazzjoni sponsorjata mill-istat, fl-arresti arbitrarji u fis-swat ta’ persuni LGBT;

P.   billi, f'Awwissu tal-2012, il-bini tal-GALZ (Gays and Lesbians Zimbabwe) ġie rrejdjat u 44 attivist tal-LGBT ġew arrestati mill-pulizija tal-irvellijiet tal-President Mugabe;

Q. billi, minn Novembru 2012 ’l hawn, hemm 56 ruħ li qed jiskontaw sentenza ta’ mewt fiż-Żimbabwe;

R.  billi, mill-2002 ’l hawn, abbażi tal-artikoli relevanti tal-Ftehim ta’ Cotonou, l-UE imponiet sanzjonijiet b’miri speċifikati kontra ż-Żimbabwe minħabba abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, vjolenza politika u vjolazzjonijiet tal-istat tad-dritt;

S.  billi l-UE ħabbret li se tissospendi l-biċċa l-kbira tas-sanzjonijiet kontra ż-Żimbabwe ladarba tkun mexxiet referendum 'kredibbli';

T.  billi missjoni tal-Komunità għall-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-AfrikaSADC (Southern African Development Community - SADC) fl-Ewropa u l-Istati Uniti tal-Amerika fl-2011 saħqet li s-sanzjonijiet kellhom effetti ekonomiċi ta’ detriment fuq il-poplu taż-Żimbabwe u r-reġjun tal-SADC b’mod ġenerali;

U. billi l-UE hija t-tieni l-akbar sieħba kummerċjali taż-Żimbabwe;

Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika u n-negozjati tal-Ftehim Interim ta’ Sħubija Ekonomika

1.  Jirrifjuta bis-saħħa l-insistenza aggressiva u kontinwa tal-UE favur il-konklużjoni ta’ Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika, li huma maħsuba biex jieħdu post il-Ftehim ta' Cotonou, minkejja l-preokkupazzjonijiet ġustifikati ta' ħafna pajjiżi tal-AKP u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; iqis l-attitudni attwali tal-Kummissjoni lejn il-pajjiżi tal-AKP bħala waħda ta’ natura neokolonjali, peress li ma jimpurtahiex mill-ħtiġijiet ta’ żvilupp ekonomiku u soċjali ta’ dawk il-pajjiżi;

2.  Jesprimi d-dubji l-aktar gravi tiegħu dwar jekk il-Ftehim Interim, proviżorjament applikat mill-14 ta’ Mejju 2012 minn erba’ biss (is-Seychelles, il-Madagaskar, iż-Żimbabwe u l-Mawrizju) mis-16-il pajjiż fir-reġjun tal-Lvant u tan-Nofsinhar tal-Afrika li oriġinarjament kienu involuti fin-negozjati, hux se jservi l-għan ta’ żieda fl-integrazzjoni reġjonali;

3.  Jenfasizza li dan il-Ftehim Interim jonqos milli jissodisfa l-ħtiġijiet ta’ żvilupp tal-pajjiżi inkwestjoni; jinsab konvint li dan hu l-każ għall-Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika u r-raġuni prinċipali għall-istaġnar relattiv li hemm fin-negozjati;

4.  Jirrimarka li l-kummerċ ġust ta’ bejn l-UE u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandu jkun ibbażat fuq ir-rispett sħiħ u garanzija tal-istandards tax-xogħol u tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ILO, u għandu jiżgura l-applikazzjoni tal-ogħla standards soċjali u ambjentali possibbli; hu tal-fehma li dan jinkludi li jitħallas prezz ġust għar-riżorsi u għall-prodotti agrikoli ġejjin mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

5.  Jenfasizza li l-impenn tal-Unjoni Ewropea li tilħaq l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju għandu jieħu prijorità assoluta meta jkun qed jiġi determinat l-approċċ tal-politika kummerċjali lejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw u lejn dawk l-inqas żviluppati; jenfasizza li l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju jistgħu jintlaħqu biss jekk l-asimmetriji ekonomiċi u soċjali ta’ bejn l-UE u l-pajjiżi kkonċernati jittieħed kont tagħhom; jemmen li approċċ flessibbli u mfassal apposta li jkun fl-interess tal-ħaddiema, tal-bdiewa ż-żgħar u tan-nies foqra huwa għalhekk tal-akbar importanza; jinsisti li s-sigurtà tal-ikel u s-sovranità tal-ikel huma vitali f’dan ir-rigward;

6.  Jinnota bi tħassib kbir l-approċċ riġidu meħud mill-Kummissjoni u l-Kunsill fir-rigward tal-liberalizzazzjoni tariffarja li sar qbil dwarha għall-importazzjonijiet tal-UE; jinsisti li hu meħtieġ approċċ wisq aktar flessibbli, li jkun jirrifletti l-istadju attwali ta’ żvilupp tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw individwali fi kwalunkwe żmien partikolari; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, għalhekk, biex iżżomm lura milli tistabbilixxi kalendarji fissi għall-iskadenza tal-moratorju fuq l-eliminazzjoni tat-tariffi u punti oħra;

7.  Jappoġġja l-proposta tal-pajjiżi tal-LNA li jkun hemm dispożizzjonijiet favur l-iżvilupp fil-FSE, u jitlob li, tal-inqas, il-pajjiżi l-inqas żviluppati jiġu eżentati mill-impenji tal-liberalizzazzjoni tariffarja fil-FSE u milli jagħmlu l-aċċess għas-suq tagħhom skont l-iskema tal-UE ‘Kollox Ħlief Armi’ (KĦA) wieħed kuntrattwali;

8.  Jitlob li ssir reviżjoni tal-proċess tal-FSE li tkun tinvolvi lill-partijiet interessati kollha, inklużi l-organizzazzjonijiet tat-trejdjunjins u l-NGOs li jkollhom l-għarfien espert f'dan il-qasam, fuq livell indaqs, bil-għan li tkun tista' ssir politika ekonomika lejn il-pajjiżi tal-AKP li tkun ġenwinament orjentata lejn l-iżvilupp u bbażata fuq id-drittijiet;

9.  Itenni l-obbligu li għandha l-UE li tapplika l-koerenza tal-politika għall-iżvilupp u tiżgura r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem fil-politiki esterni tagħha kollha, inklużi tal-kummerċ internazzjonali;

Iż-Żimbabwe

10. Jesprimi l-oppoizzjoni qawwija tiegħu għal kwalunkwe sura ta’ sanzjonijiet imposti mill-UE li għandha impatt negattiv fuq is-sitwazzjoni soċjali u ekonomika tan-nies ordinarji fiż-Żimbabwe;

11. Jinsab ikkonċernat ħafna dwar ir-ripressjoni li għadha għaddejja bħalissa mill-Gvern Żimbabwen immexxi miż-ZANU-PF u l-MDC taħt it-tmexxija tal-President Robert Mugabe, u jikkundanna l-qawmien mill-ġdid tal-vjolenza kontra l-opponenti politiċi, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, dawk li jikkampanjaw favur id-drittijiet tan-nisa, ġurnalisti u dawk li jaħdmu mal-NGOs;

12. Jitlob li l-elezzjonijiet u r-referendum kostituzzjonali jsiru b’mod ħieles u ġust, jinsisti li l-partiti politiċi kollha li jkunu jixtiequ jressqu kandidati għal dawn l-elezzjonijiet għandu jkollhom il-jedd li jagħmlu dan mingħajr biża’ ta’ fastidju jew intimidazzjoni; jitlob li d-dritt tal-libertà tal-espressjoni u tal-għaqda jiġi rrispettat;

13. Jikkundanna r-ripressjoni sistematika tal-Kungress tat-Trejdjunjins taż-Żimbabwe u tal-membri tiegħu; jappoġġja d-dritt tat-trejdjunjins li jorganizzaw u jaġixxu b'mod liberu mingħajr ripressjoni jew indħil mill-istat; iħeġġeġ lill-Gvern Żimbabwen jirrispetta u jimplimenta l-konvenzjonijiet relevanti kollha tal-ILO, b’mod partikolari l-Konvenzjonijiet 87 u 98, li ż-Żimbabwe diġà rratifikat;

14. Jinnota d-deċiżjoni tal-Iskema ta' Ċertifikazzjoni tal-Proċess Kimberly (KPCS) lejn l-aħħar tal-2012 li tirtira l-monituri u tippermetti li jiġu esportati mingħajr xkiel djamanti mill-artijiet ta’ Marange fejn jinstabu d-djamanti fiż-Żimbabwe; jitlob, madankollu, li jsiru rieżami u valutazzjoni urġenti tal-iskema KPCS li jkunu jippermettu l-involviment sħiħ tat-trejdjunjins, l-organizzazzjonijiet ambjentali, l-NGOs u organizzazzjonijiet oħra li jirrappreżentaw lill-vittmi tal-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fl-artijiet ta’ Marange fejn jinstabu d-djamanti, bil-għan li din id-deċiżjoni tiġi vvalutata b’mod effikaċi;

15. Jikkundanna l-atti kollha ta’ vjolenza, u l-vjolenza statali b’mod partikolari, kontra l-attivisti tal-LGBT kif ukoll kontra persuni oħra LGBT fiż-Żimbabwe, u jappoġġja b’urġenza t-talba biex fil-kostituzzjoni l-ġdida taż-Żimbabwe jiġi inkluż ir-rispett għall-ugwaljanza u d-drittijiet tal-bniedem tal-persuni kollha, ikunu xi jkunu l-identità tal-ġeneru jew l-orjentazzjoni sesswali tagħhom;

16. Jistieden lill-Gvern taż-Żimbabwe jwaqqa’ l-akkużi kollha li hemm kontra l-membri superjuri tal-persunal u l-ħaddiema tas-saħħa fl-Unità tas-Servizzi ta’ Għoti ta’ Pariri (CSU) f’Ħarare;

17. Itenni l-oppożizzjoni tiegħu għall-piena tal-mewt u jitlob li jiġi implimentat b’effett immedjat moratorju fuq il-piena tal-mewt, li twaqqaf l-eżekuzzjonijiet kollha bħala l-ewwel pass biex il-piena kapitali tiġi abolita għalkollox;

18. Iħeġġeġ lill-Parlament u lill-Gvern taż-Żimbabwe jirrispettaw id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli;

19. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-President tal-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet tal-Istati Membri u lill-Gvernijiet tal-Madagaskar, tal-Mawrizju, tas-Seychelles u taż-Żimbabwe u lis-Segretarjat tal-AKP.

 

[1] ĠU L 111, 24.4.2012, p. 1.
[2] ĠU C 67 E, 18.3.2010, p. 120.
[3] ĠU C 169 E, 15.6.2012, p. 45.