Dokument ta' sessjoni
6.3.2013 B7‑0089/2013
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar il-proċess ta' integrazzjoni Ewropea tal-Kosovo*
( 2012/2867(RSP) )
Ulrike Lunacek
f'isem il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-proċess ta' integrazzjoni Ewropea tal-Kosovo*[1]
( 2012/2867(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri Nru 18/2012 bit-titolu "L-Assistenza tal-Unjoni Ewropea lill-Kosovo relatata mal-istat tad-dritt", ippubblikata fit-30 ta' Ottubru 2012,
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2012 li tawtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ in-negozjati għal ftehim qafas mal-Kosovo dwar il-parteċipazzjoni fil-programmi tal-Unjoni,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ottubru 2012 dwar Studju ta' Fattibilità għal Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kosovo* ( COM(2012)0602 ),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ottubru 2012 bit-titolu " L-Istrateġija tat-Tkabbir u l-Isfidi Ewlenin 2012‑2013" ( COM(2012)0600 ),
– wara li kkunsidra t-tmiem tal-mandat tar-Rappreżentant Ċivili Internazzjonali f'Settembru 2012 u l-għeluq gradwali tal-Uffiċċju Ċivili Internazzjonali sa tmiem l-2012,
– wara li kkunsidra r-rapporti tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-attivitajiet li jkunu għaddejjin tal-Missjoni Temporanja ta' Amministrazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Kosovo u l-iżviluppi relatati magħha, l-aħħar wieħed tat-8 ta' Novembru 2012 li jkopri l-perjodu mis-16 ta' Lulju sal-15 ta' Ottubru 2012,
– wara li kkunsidra r-ratifika tas-7 ta' Settembru 2012 min-naħa tal-Assemblea tal-Kosovo tal-ftehim mal-UE dwar il-proroga tal-mandat ta' EULEX sa Ġunju 2014,
– wara li kkunsidra l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/124/PESK tal-4 ta' Frar 2008 dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo, EULEX KOSOVO, kif emendata mill-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2009/445/PESK tad-9 ta' Ġunju 2009, mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/322/PESK tat-8 ta' Ġunju 2010 u mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/291/PESK tal-5 ta' Ġunju 2012,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħat tal-Kunsill "Affarijiet Ġenerali" tas-7 ta' Diċembru 2009, tal-14 ta' Diċembru 2010 u tal-5 ta' Diċembru 2011, li jenfasizzaw u jirriaffermaw, rispettivament, li l-Kosovo, mingħajr preġudizzju għall-pożizzjoni tal-Istati Membri fir-rigward tal-istatus tiegħu, għandu wkoll jibbenefika mill-prospettiva ta' liberalizzazzjoni eventwali tal-viżi ladarba jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet kollha, filwaqt li jilqgħu pożittivament it-tnedija ta' djalogu dwar ir-reġim tal-viżi f'Jannar 2012 u l-preżentazzjoni tal-pjan direzzjonali dwar il-liberalizzazzjoni tal-viżi f'Ġunju 2012,
– wara li kkunsidra d-Djalogu Strutturali dwar l-Istat tad-Dritt imniedi fit-30 ta' Mejju 2012,
– wara li kkunsidra l-Kunsill Nazzjonali għall-Integrazzjoni Ewropea, marbut mal-uffiċċju tal-President u jaqdi r-rwol ta' korp ta' koordinament ta' livell għoli kompetenti għall-konsolidament ta' kunsens dwar l-aġenda Ewropea permezz ta' approċċ inklużiv u trasversali, li ġie inawgurat f'Marzu 2012,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-28 ta' Frar 2012 dwar it-Tkabbir u l-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni;
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 1244(1999) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, l-Opinjoni Konsultattiva tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja (QIĠ) tat-22 ta' Lulju 2010 dwar il-konformità tad-dritt internazzjonali tad-dikjarazzjoni unilaterali ta' indipendenza tal-Kosovo, u r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tad-9 ta' Settembru 2010[2], li rrikonoxxiet il-kontenut tal-opinjoni tal-QIĠ u laqat pożittivament id-disponibilità tal-UE li taġevola d-djalogu bejn Belgrad u Pristina.
– wara li kkunsidra r-rapport ta' Ottubru 2012 tal-Missjoni tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) bit-titolu "Drittijiet għal Proċess Ġust f'Kawżi relatati mal-Elezzjonijiet",
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet konġunti tal-laqgħat interparlamentari PE‑Kosovo tat-28‑29 ta' Mejju 2008, is-6‑7 ta' April 2009, it-22‑23 ta' Ġunju 2010, u l-20 ta' Mejju 2011,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi t-tmiem tal-indipendenza kontrollata jimmarka pass importanti għall-Kosovo u jirrinforza r-responsabilità tal-awtoritajiet tal-Kosovo biex jippreżentaw u jimplimentaw riformi fit-triq lejn l-integrazzjoni Ewropea;
B. billi 98 Stat Membru fost il-193 Stat Membru tan-Nazzjonijiet Uniti, inklużi 22 mis-27 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, jirrikonoxxu l-indipendenza tal-Kosovo;
C. billi l-Istati Membri kollha tal-UE jappoġġaw il-prospettiva Ewropea tal-Kosovo, f'konformità mal-impenji tal-UE lejn ir-reġjun kollu tal-Balkani tal-Punent u mingħajr preġudizzju għall-pożizzjoni tal-Istati Membri dwar l-istatus tal-Kosovo;
D. billi l-issuktar tad-djalogu f'livell għoli Belgrad‑Pristina huwa pass importanti lejn in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejn iż-żewġ iż-żewġ partijiet, bil-patt li jimpenjaw ruħhom b'mod effikaċi u kostruttiv f'negozjati orjentati lejn il-kisba ta' riżultati;
E. billi r-relazzjonijiet ta' bon viċinat huma essenzjali għas-sigurtà u l-istabilità fir-reġjun;
F. billi saru żviluppi importanti fir-relazzjonijiet UE‑Kosovo, fosthom il-pubblikazzjoni tal-istudju ta' fattibilità tal-Kummissjoni u t-tnedija tad-djalogu dwar il-viżi u tad-Djalogu Strutturat dwar l-Istat tad-Dritt;
G. billi l-prospettiva Ewropea tal-Kosovo tikkostitwixxi inċentiv b'saħħtu għall-implimentazzjoni tar-riformi meħtieġa;
H. billi d-dgħufija persistenti fl-istat tad-dritt ittawwal il-konsolidament tad-demokrazija u tagħmel ħsara lill-ekonomija, billi timmina l-iżvilupp fit-tul;
I. billi fost il-prijoritajiet ewlenin tal-missjoni EULEX hemm il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata u l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tad-delitti tal-gwerra;
1. Jilqa' pożittivament ir-riżultati tal-istudju ta' fattibilità tal-Kummissjoni, li sab li jista' jiġi konkluż ftehim ta' stabbilizzazzjoni u assoċjazzjoni f'sitwazzjoni li fiha l-Istati Membri jsostnu fehmiet differenti dwar l-istatus tal-Kosovo, bil-patt li l-Kosovo jissodisfa għadd ta' kundizzjonijiet bażiċi; jinkoraġġixxi lill-Kosovo jinvesti aktar sforzi biex jilħaq il-prijoritajiet f'terminu qasir identifikat f'tali studju;
2. Jenfasizza li l-iffirmar tal-ftehim ta' stabbilizzazzjoni u assoċjazzjoni huwa pass importanti lejn l-integrazzjoni futura tal-Kosovo fl-istrutturi Ewropej u, fl-aħħar mill-aħħar, għall-adeżjoni mal-Unjoni; jinsab konvint li tali ftehim se joħloq opportunitajiet ġodda li se jsaħħu l-kooperazzjoni bejn il-ġirien u l-integrazzjoni reġjonali tal-Kosovo;
3. Jinkoraġġixxi, madankollu, lill-ħames Stati Membri li baqa' jipproċedu bir-rikonoxximent tal-Kosovo u jistedinhom jagħmlu l-almu tagħhom biex jiffaċilitaw ir-relazzjonijiet ekonomiċi, soċjali u politiċi bejn iċ-ċittadini tagħhom u dawk tal-Kosovo;
4. Jikkonstata t-tmiem tal-indipendenza kontrollata fl-10 ta' Settembru 2012, b'segwitu tas-sentenza tat-2 ta' Lulju 2012 tal-Grupp ta' Tmexxija Internazzjonali li l-Proposta Komprensiva ta' Qbil dwar l-Istatus tal-Kosovo ġiet sostanzjalment eżegwita; jilqa' favorevolment il-konklużjoni tal-mandat tar-Rappreżentant Ċivili Internazzjonali u l-ħidma li wettaq sal-lum ir-Rappreżentant Speċjali tal-UE / Kap tal-Uffiċċju tal-UE;
5. Jilqa' pożittivament id-Djalogu ta' livell għoli l-ġdid bejn Belgrad u Pristina mibdi u ffaċilitat mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Catherine Ashton, billi ta impetu ġdid lid-djalogu bejn iż-żewġ partijiet; jappella għall-implimentazzjoni sħiħa tal-ftehimiet kollha milħuqa sa issa, partikolarment dwar il-ġestjoni integrata tal-fruntieri u l-implimentazzjoni tal-punti ta' kontroll fil-fruntiera komuni tagħhom kif determinat fil-ftehim; jilqa' b'sodisfazzjon il-ħatra tal-uffiċjal ta' kollegament min-naħa tal-Kosovo f'Belgrad bħala pass importanti f'din id-direzzjoni;
6. Jenfasizza l-bżonn ta' trasparenza sinifikanti fil-komunikazzjoni tar-riżultati tad-djalogu Belgrad‑Pristina u fl-involviment tal-parlamenti u tas-soċjetajiet ċivili kkonċernati; jisħaq fuq il-bżonn, f'dan ir-rigward, li n-negozjaturi Kosovari u Serbi jibnu l-fiduċja pubblika u jikkonsultaw iċ-ċittadini;
7. Itenni li l-ideat ta' taqsim tal-Kosovo jew ta' kwalunkwe pajjiż ieħor tal-Balkani tal-Punent imorru kontra l-ispirtu tal-integrazzjoni Ewropea; itenni s-sostenn tiegħu għall-integrità territorjali tal-Kosovo u għal soluzzjonjiet miftiehma b'mod komuni għat-tilwim pendenti; jistieden lill-partijiet kollha kkonċernati jimpenjaw ruħhom b'mod kostruttiv fid-djalogu ffaċilitat mill-UE u biex jastjenu minn kwalunkwe azzjoni li tista' tqanqal tensjonijiet fir-reġjun;
8. Jenfasizza l-bżonn ta' responsabilità u sjieda lokali tal-proċess ta' rikonċiljazzjoni; iqis li l-awtoritajiet tal-Kosovo għandhom jieħdu passi ulterjuri biex javviċinaw il-minoranza Serba, partikolarment fit-Tramuntana, bil-għan li tiġi garantita integrazzjoni wiesgħa fi ħdan is-soċjetà filwaqt li jiġi żgurat li jiġi totalment implimentat l-prinċipju kostituzzjonali skont liema s-Serbi tal-Kosovo jingħataw id-dritt ta' aċċess għas-servizzi uffiċjali kollha bil-lingwa tagħhom stess; huwa tal-fehma, fl-istess ħin, li għandha tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn is-Serbi kollha tal-Kosovo u li l-Kummissjoni għandha tappoġġa l-proġetti relatati u tippromwovi l-kuntatti bejn persuna u oħra; jinkoraġġixxi lis-Serbi kollha tal-Kosovo u lir-rappreżentanti politiċi tagħhom jużaw il-possibilitajiet kollha offruti lilhom mill-kostituzzjoni Kosovara biex jiżvolġu rwol kostruttiv fil-politika u fis-soċjetà; iqis bħala pass pożittiv il-ftuħ tal-uffiċċju amministrattiv fil-parti tat-Tramuntana ta' Mitrovica; jikkonstata, madankollu, li ħafna attivisti tas-soċjetà ċivili fit-Tramuntana ta' Mitrovica qed jesperjenzaw inqas libertà biex iwettqu xogħolhom, u qed jiffaċċjaw tisħiħ ta' sentiment nazzjonalistiku dominanti matul is-sena li għaddiet;
9. Jappella għal trasparenza sħiħa fil-finanzjament tal-iskejjel u tal-isptarijiet fil-Kosovo tat-Tramuntana, skont id-dispożizzjonijiet tal-pjan Ahtisaari;
10. Jiddeplora l-atti vandaliċi kontra żewġ ċimiterji Serbi u jħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Kosovo jressqu quddiem il-ġustizzja lil min hu responsabbli ta' atti tant faħxin;
11. Jistieden lill-awtoritajiet tal-Kosovo u lil EULEX jieħdu provvedimenti biex jippreparaw pjan direzzjonali u jimplimentaw bis-sħiħ il-proċess ta' deċentrament sabiex jittejjeb il-funzjonament tal-awtoritajiet lokali skont il-kostituzzjoni tal-Kosovo, inkluż fir-reġjun tat-Tramuntana;
12. Jilqa' pożittivament ir-rieżami u l-estensjoni tal-mandat ta' EULEX u l-ħatra ta' Bernd Borchardt bħala kap tal-missjoni; iqis li r-rapport tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar l-assistenza tal-UE lill-Kosovo relatata mal-istat tad-dritt iqajjem tħassib ferm importanti, speċjalment fir-rigward tal-effiċjenza ta' tali assistenza, tal-korruzzjoni f'livelli għoljin, tal-kriminalità organizzata u tan-nuqqas ta' objettivi identifikati b'mod ċar; iħaddan l-analiżi u r-rakkomandazzjonijiet formulati fir-rapport u jistieden lill-atturi kollha involuti jimplimentawhom, b'hekk itejbu l-effikaċja tal-assistenza tal-UE;
13. Jenfasizza l-importanza tas-suċċess ta' EULEX, kemm għall-iżvilupp sostenibbli tal-Kosovo, kif ukoll għall-konsolidament tal-istituzzjonijiet u tal-istabilità; ikompli jenfasizza l-importanza għall-Kosovo li jsaħħaħ il-kooperazzjoni stretta tiegħu ma' EULEX u li jappoġġa l-ħidma ta' EULEX fl-oqsma kollha tal-mandat tagħha; jenfasizza li EULEX għandha tittratta b'urġenza l-bżonn ta' trasparenza u ta' rendikont f'xogħolha u jappella għal sistema effiċjenti u trasparenti fi ħdan l-istrutturi ta' EULEX biex jiġi garantit li jitqiesu l-ilmenti min-naħa taċ-ċittadini u tar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili; jinkoraġġixxi lil EULEX tikkomunika aħjar is-suċċessi tagħha liċ-ċittadini tal-Kosovo, taħdem biex iżżid il-fiduċja fil-missjoni u tagħti attenzjoni kbira lill-aspettattivi taċ-ċittadini;
14. Jissottolinja l-bżonn li EULEX ikollha sistema interna ta' ġestjoni, koordinament u kooperazzjoni effikaċi; jistieden lil EULEX iġġedded u ssaħħaħ l-isforzi tagħha biex ittejjeb l-istat tad-dritt fil-Kosovo, u tikkonċentra l-eżerċizzju tas-setgħat eżekuttivi tagħha fuq it-trażżin tal-korruzzjoni f'livelli għoljin u tal-kriminalità organizzata; jenfasizza r-responsabilità ta' EULEX fir-rigward tas-setgħat eżekuttivi tagħha kif ukoll il-funzjoni tagħha ta' kontroll, gwida u konsulenza; jistieden lill-Istati Membri tal-UE jiżguraw b'mod partikolari li EULEX ikollha persunal adegwat, f'termini kwalitattivi, ta' żmien u ta' bilanċ bejn nisa u rġiel, u li l-kompożizzjoni tal-persunal tirrifletti l-ħtiġijiet fuq il-post;
15. Isostni t-Task Force Investigattiva Speċjali stabbilita wara r-rapport ta' Diċembru 2010 tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropea; iqis li l-investigazzjonijiet bir-reqqa tal-allegazzjonijiet kollha fformutati f'tali rapport huma fl-interessi tal-Kosovo; jistieden lill-awtoritajiet tal-Kosovo u lill-awtoritajiet tal-pajjiżi ġirien jikkooperaw bis-sħiħ u jsostnu t-Task Force Investigattiva Speċjali;
16. Jenfasizza l-bżonn ta' aktar kooperazzjoni u aktar koordinament tal-assistenza bejn l-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-UE u donaturi internazzjonali oħra sabiex jiġi evitat kull trikkib tal-attivitajiet u biex tiġi żgurata ġestjoni effiċjenti tar-riżorsi; jilqa' pożittivament l-adeżjoni tal-Kosovo mal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ) li tiddekorri minn Diċembru 2012;
17. Jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet tal-Kosovo jintensifikaw l-isforzi tagħhom fil-ġlieda kontra l-livell għoli ta' qgħad u l-faqar fil-pajjiż permezz ta' aktar riformi ekonomiċi u titjib fil-klima tal-investiment;
18. Jilqa' pożittivament it-tnedija tad-djalogu dwar ir-reġim tal-viżi u t-trasferiment tal-pjan direzzjonali fil-qasam tal-viżi f'Ġunju 2012; iħeġġeġ implimentazzjoni rapida u stretta tal-pjan direzzjonali; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jinfurmaw b'mod regolari lill-Parlament dwar il-progress f'dan il-qasam;
19. Jistieden lill-awtoritajiet tal-Kosovo jissodisfaw l-erba' prijoritajiet fuq terminu qasir li huma l-kriterji għat-tnedija tan-negozjati tal-ftehim ta' stabbilizzazzjoni u assoċjazzjoni, fl-oqsma tal-istat tad-dritt, tal-minoranzi, tal-kapaċitajiet amministrattivi u tal-kummerċ, u jsaħħu l-kapaċitajiet amministrattivi tagħhom għan-negozjati, speċifikament billi jitkompla r-ristrutturar tal-Ministeru għall-Kummerċ;
20. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Kosovo jintensifikaw l-impenn tagħhom u juru r-rieda politika tagħhom biex jissaħħaħ l-istat tad-dritt, partikolarment billi tingħata prova tal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni; josserva b'interess it-tnedija ta' Djalogu Strutturat dwar l-Istat tad-Dritt bħala l-forum ta' livell għoli għall-monitoraġġ tal-progress fil-qasam tal-istat tad-dritt; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Kosovo jwaqqfu l-prattika tal-għoti ta' maħfriet lil għadd kbir ta' kriminali kkundannati fl-okkażjoni taċ-ċelebrazzjonijiet li jfakkru l-anniversarju tad-dikjarazzjoni ta' indipendenza tal-Kosovo, u japplikaw kriterji aktar stretti fl-għoti ta' dawn il-maħfriet, filwaqt li josservaw dejjem is-separazzjoni tal-poteri;
21. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Kosovo jtejbu l-indipendenza, l-effikaċja, l-obbligu ta' rendikont u l-imparzjalità tal-ġudikatura, u jirrispettaw l-indipendenza tagħha, kemm fl-azzjonijiet kif ukoll fid-dikjarazzjonijiet pubbliċi tagħhom, inkluż fir-rigward tal-investigazzjoni jew l-arrest ta' personalitajiet politiċi, u jirrispettaw il-mandat ta' EULEX u l-eżerċizzju tas-setgħat eżekuttivi tagħha;
22. Jinsab imħasseb bin-nuqqas ta' progress sinifikanti fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata; jistieden lill-awtoritajiet tal-Kosovo juru rieda politika u kuraġġ reali biex jiġġieldu kontra l-korruzzjoni f'livelli għoljin u juru aktar trasparenza u governanza aħjar, anki permezz ta' koordinament bejn il-forzi tal-pulizija u l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Kosovo; itenni t-tħassib tiegħu dwar il-livell għoli ta' kriminalità organizzata fit-Tramuntana tal-Kosovo, josserva l-adozzjoni min-naħa tal-gvern tal-istrateġija kontra l-korruzzjoni u jqis li l-Kosovo għandu bżonn jadotta u jimplimenta tali strateġija b'impenn serju; jesprimi tħassib dwar in-nuqqas ta' parteċipazzjoni sħiħa fl-Europol u fl-Interpol minħabba n-nuqqas ta' rikonoxximent tas-sovranità tal-Kosovo u jistieden lill-Istati Membri jiffaċilitaw kooperazzjoni aħjar bejn EULEX u l-Europol u l-Interpol u jfittxu possibilitajiet għall-inklużjoni tal-Kosovo kemm fl-Europol kif ukoll fl-Interpol, almenu bħala osservatur;
23. Jinnota, f'dan ir-rigward, li r-rapport tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri jelenka diversi każijiet li fihom l-awtoritajiet tal-Kosovo naqsu milli jsegwu l-pariri u r-rakkomandazzjonijiet tal-istituzzjonijiet tal-UE jew tal-esperti ffinanzjati mill-UE fil-qasam, partikolarment fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni; josserva li l-kriminalità organizzata preżenti fil-Kosovo toħloq theddida konsiderevoli, u hija ffaċiliata bis-saħħa tal-impunità, tal-indħil politiku frekwenti fl-awtoritajiet ġudizzjarji u ta' eżekuzzjoni tal-liġijiet u tal-korruzzjoni f'livelli għoljin;
24. Josserva li l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata huma mifruxa fir-reġjun u jirrappreżentaw ukoll ostaklu għall-iżvilupp demokratiku, soċjali u ekonomiku tal-Kosovo; jappella għal, f'dan ir-rigward, strateġija reġjonali u kooperazzjoni msaħħa bejn il-pajjiżi kollha tar-reġjun sabiex jiġu indirizzati dawn il-pjagi b'mod aktar effikaċi, b'mod partikolari t-traffikar u l-isfruttament tan-nisa u tal-minuri għall-finijiet tal-isfruttament sesswali jew tal-elemożina furzata; jilqa' b'sodisfazzjon il-ħidma ta' suċċess f'dan il-qasam mill-"Kooperazzjoni ta' Ohrid" bejn il-gvernijiet ta' Pristina, Skopje, Podgorica u Tirana;
25. Jesprimi tħassib dwar il-qafas limitat tal-Kosovo għall-protezzjoni tax-xhieda, partikolarment sinifikanti f'każijiet ta' profil għoli; jenfasizza l-importanza ta' programm tal-protezzjoni tax-xhieda li jaħdem kompletament sew; jistieden lill-awtoritajiet tal-Kosovo jsaħħu l-effikaċja u l-kredibilità tas-sistema tal-protezzjoni tax-xhieda, u lil EULEX iżżid l-appoġġ tagħha għal dawn l-isforzi; iħeġġeġ lill-Istati Membri jaċċettaw aktar każijiet ta' trasferiment tax-xhieda u jenfasizza l-ħtieġa li jkomplu jfittxu mezzi biex jirrikonoxxu s-sofferenza u jirrispettaw id-dritt għall-verità u l-ġustizzja tal-vittmi kollha tad-delitti tal-gwerra, inkluż appoġġ għall-istabbiliment tal-kummissjoni reġjonali dwar il-verità RECOM;
26. Iqis li huwa deplorevoli li, bħala konsegwenza tal-gwerra tal-1999 fil-Kosovo, 1 869 ruħ għadhom nieqsa; josserva li din il-kwistjoni tirrikjedi tweġiba fil-pront, minħabba li l-iżvelar tal-verità u li l-familji tal-vittmi jkunu jistgħu jibku t-telfa tal-maħbubin tagħhom huma prekundizzjonijiet vitali għar-rikonċiljazzjoni bejn il-komunitajiet u għal futur fil-paċi fir-reġjun; jenfasizza l-ħtieġa ta' kooperazzjoni aħjar bejn il-kumitati għall-persuni nieqsa u jħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-pajjiżi kkonċernati kollha jagħmlu disponibbli l-arkivji tal-pulizija sigrieta u tal-armata;
27. Jibqa' mħasseb dwar ix-xejra kontinwa tat-traffikar tal-bnedmin li jgħaddi jew li joriġina mill-mill-Kosovo, b'mod speċjali tat-traffikar tat-tfal għal skopijiet ta' sfruttament sesswali; jistieden lill-Kosovo jintensifika l-isforzi tiegħu fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, inkluż billi jżid il-kapaċitajiet tal-awtoritajiet ġudizzjarji u tal-eżekuzzjoni tal-liġiijiet tiegħu;
28. Jistieden lill-partijiet kollha jiffinalizzaw ir-riforma elettorali biex joħolqu kuntest elettorali li jopera tajjeb f'konformità mal-istandards internazzjonali, b'mod partikolari dawk tal-Kunsill tal-Ewropa, bil-għan partikolari li jitnaqqsu l-possibilitajiet ta' frodi elettrorali u tissaħħaħ ir-responsabilità politika tal-poter leġiżlattiv; jinsab imħasseb dwar in-nuqqasijiet fl-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tal-frodi elettorali marbuta mal-elezzjonijiet parlamentari ta' Diċembru 2010, kif enfasizzat fir-rapport tal-OSKE dwar dan is-suġġett; jistieden lill-awtoritajiet responsabbli jqisu r-rakkomandazzjoni tar-rapport tal-OSKE; jistieden lil EULEX tqis li teżerċita s-setgħat eżekuttivi tagħha f'dan il-qasam, jekk taċċerta li s-sistema ġudizzjarja tal-Kosovo mhijiex kapaċi tirrimedja dawn in-nuqqasijiet;
29. Jilqa' favorevolment it-titjib sinifikanti fil-qafas regolatorju tal-Kosovo, inkluż il-leġiżlazzjoni progressiva u l-politiki dwar ir-ritorn u r-rimpatriju, id-drittijiet tal-komunità, l-użu tal-lingwi, kontra d-diskriminazzjoni, il-parità tal-ġeneru u ż-żgħażagħ;
30. Jenfasizza li minkejja dan it-titjib, jibqgħu l-isfidi fil-konfront tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-komunità, in-nondiskriminazzjoni abbażi tal-orjentament sesswali, u l-parteċipazzjoni tan-nisa u taż-żgħażagħ fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet; jenfasizza li n-nisa, iż-żgħażagħ u l-komunitajiet għadhom sottorappreżentati fil-livelli kemm ċentrali kif ukoll lokali;
31. Jistieden lill-istituzzjonijiet fuq livell kemm ċentrali kif ukoll lokali jimplimentaw b'mod effikaċi l-leġiżlazzjoni relatata mad-drittijiet tal-bniedem u jikkontribwixxu għal aktar żvilupp ta' soċjetà multietnika;
32. Jilqa' b'sodisfazzjon ix-xogħol tal-Ombudsman u jikkunsidra l-indipendenza baġitarja tal-funzjoni tiegħu bħala kwistjoni ta' urġenza;
33. Jenfasizza l-ħtieġa li l-Assemblea tal-Kosovo ssaħħaħ l-indipendenza, l-kompetenzi u l-kapaċità tagħha għall-kontroll fuq il-baġit, is-settur eżekuttiv u tas-sigurtà, billi ttejjeb l-iskrutinju leġiżlattiv u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni u l-impatt tal-politiki u tal-liġijiet;
34. Jenfasizza l-importanza tal-implimentazzjoni tar-riformi neċessarji tal-amministrazzjoni pubblika u taż-żieda fl-għadd ta' nisa u ta' membri tal-minoranzi fil-livelli kollha tal-amministrazzjoni;
35. Jilqa' pożittivament il-fatt li l-qafas ġuridiku tal-Kosovo jipprevedi d-drittijiet tan-nisa u li l-parità tal-ġeneru hija minquxa sew fl-ordinament ġuridiku, u japprezza l-progress li sar f'dan il-qasam; huwa mħasseb, madankollu, dwar ir-rata għolja ta' abbandun kmieni tal-iskola fost il-bniet u s-sottorappreżentanza tan-nisa fis-suq tax-xogħol, inkluż f'setturi fundamentali tas-soċjetà; iħeġġeġ lill-gvern u lill-parlament ikunu aktar proattivi u effikaċi fl-implimentazzjoni tal-liġijiet rilevanti, inklużi dawk kontra l-vjolenza domestika u t-traffikar, sabiex isir progress b'mod viżibbli fid-drittijiet tan-nisa u l-parità tal-ġeneru is-sessi fil-Kosovo; jistieden lill-awtoritajiet tal-Kosovo jkunu aktar attivi fit-tħeġġiġ tal-parteċipazzjoni politika u soċjali tan-nisa, fil-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tagħhom, u fit-tisħiħ tal-pożizzjoni tagħhom, fis-suq tax-xogħol u fl-integrazzjoni tal-parità tal-ġeneru;
36. Jenfasizza r-rwol ċentrali tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (OSĊ) attivi u indipendenti fit-tisħiħ u l-konsolidament tal-proċessi politiċi demokratiċi u fil-bini ta' soċjetà integrata fil-pajjiż; jirrikonoxxi l-ħidma importanti mwettqa mill-OSĊ u mill-organizzazzjonijiet tan-nisa; jenfasizza l-importanza tad-djalogu mal-OSĊ;
37. Jenfasizza r-rwol ċentrali tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-bini ta' soċjetà integrata, fit-tisħiħ u fil-konsolidament tal-proċessi politiċi demokratiċi fil-Kosovo u fil-promozzjoni tad-djalogu u tar-relazzjonijiet ta' bon viċinat fir-reġjun, b'hekk jikkontribwixxu għall-kooperazzjoni reġjonali msaħħa fir-rigward tal-aspetti soċjali u politiċi; jilqa' pożittivament il-kooperazzjoni mtejba tal-gvern mal-NGOs, iżda jappella għal konsultazzjoni usa' tal-NGOs fil-proċess tat-tfassil tal-politiki u fil-kuntest tal-monitoraġġ tal-attivitajiet tal-awtoritajiet; jappella barra minn hekk, biex ir-rwol tagħhom jissaħħaħ fil-proċess ta' stabbilizzazzjoni u assoċjazzjoni;
38. Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi inkoraġġita ċ-ċittadinanza attiva permezz, fost affarijiet oħra, tat-tisħiħ tas-soċjetà ċivili u l-iżgurar reali tal-libertà tal-kelma;
39. Jirrikonoxxi li għalkemm il-libertà li wieħed jissieħeb ma' trade union hija garantita bil-liġi, għad hemm bżonn ta' titjib fir-rigward tad-drittijiet bażiċi tax-xogħol u tat-trade unions; jinkoraġġixxi lill-Kosovo jsaħħaħ id-djalogu soċjali fi ħdan il-proċess tat-teħdi tad-deċiżjonijiet, fit-tfassil tal-politiki u l-bini ta' kapaċitajiet tas-sħab soċjali;
40. Jenfasizza li EULEX għandha tintensifika l-assistenza lill-pulizija tal-Kosovo fir-rigward tat-taħriġ fir-riżoluzzjoni ta' sitwazzjonijiet kritiċi u delikati qabel u matul id-dimostrazzjonijiet; jenfasizza l-ħtieġa li jiżdiedu wkoll l-isforzi mill-awtoritajiet, assistiti minn EULEX, biex tinkiseb ġustizzja għall-vittmi sopravissuti għall-vjolenza sesswali sofruta matul il-kunflitt fil-Kosovo u bnadi oħrajn fil-Balkani tal-Punent;
41. Jinsab imħasseb li d-diskriminazzjoni għadha problema gravi; jenfasizza l-importanza li tiġi garantita l-ugwaljanza tal-persuni kollha indipendentement mill-oriġini etnika, is-sess, l-età, ir-reliġjoni, l-orjentament sesswali jew id-diżabilità tagħhom; jenfasizza l-bżonn ta' strateġija komprensiva kontra d-diskriminazzjoni li tittratta kull bażi ta' diskriminazzjoni, u l-implimentazzjoni sħiħa tal-Liġi kontra d-Diskriminazzjoni; jenfasizza l-importanza tas-sensibilizzazzjoni dwar dak li jikkostitwixxi att ta' diskriminazzjoni u dwar il-mezzi ta' rimedji legali;
42. Jistieden lill-awtoritajiet japplikaw il-prinċipju kostituzzjonali tan-nondiskriminazzjoni abbażi tal-orjentament sesswali, biex iżidu l-għarfien tal-uffiċjali tal-eżekuzzjoni tal-liġijiet dwar id-drittijiet tal-LGBT u biex jiġġieldu kontra l-omofobija u transfobija; jiddeplora, f'dan ir-rigward, l-attakk vjolenti mwettaq fi Pristina fl-14 ta' Diċembru 2012 minn grupp ta' nies, fosthom Iżlamisti radikali, fuq l-istabbilimenti tal-midja Kosovo 2.0 kienet se tniedi l-aħħar ħarġa tar-rivista tagħha, bis-suġġett tas-sess, inklużi l-kwistjonijiet LGBT; jistieden lill-pulizija tal-Kosovo u lill-Ministeru tal-Intern jinvestigaw l-atti ta' vjolenza u t-theddid li sar kontra l-persuni involuti, u jressqu lill-awturi quddiem il-ġustizzja; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jagħmlu kull sforz biex jiżguraw li d-drittijiet tal-bniedem jiġu rispettati kompletament, inkluż il-libertà tal-ħsieb, tal-kelma u ta' għaqda;
43. Jenfasizza l-importanza ta' mezzi ta' komunikazzjoni indipendenti u liberi; jilqa' pożittivament, f'dan ir-rigward, l-emendi tal-Kodiċi Kriminali rigward ir-responsabilità penali ta' kapijiet edituri, pubblikaturi, stampaturi u manifatturi u l-ħarsien ta' sorsi ġurnalistiċi, li daħlu fis-seħħ mill-1 ta' Jannar 2013;
44. Jieħu nota tat-tielet rapport tal-OSKE dwar il-valutazzjoni tad-drittijiet tal-komunità ta' Lulju 2012, li jindika li għalkemm huwa fis-seħħ qafas leġiżlattiv komprensiv u sofistikat, għad baqa' ħafna x'jinkiseb sabiex jingħata ħarsien reali u sinifikanti tad-drittijiet tal-komunitajiet fil-Kosovo;
45. Jilqa' favorevolment l-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni rilevanti għall-ħarsien u l-promozzjoni tal-komunitajiet u tal-patrimonju reliġjuż u kulturali kif ukoll it-teħid b'suċċess tar-responsabilità min-naħa tal-Kosovo għas-sigurtà ta' bosta siti kulturali u reliġjużi tal-Knisja Serba Ortodossa; jilqa' b'sodisfazzjon b'mod partikolari, f'dan ir-rigward, il-ħolqien ta' unità speċjali fi ħdan il-pulizija tal-Kosovo li se tkun iddedikata b'mod esklużiv għal dan il-kompitu; jappella għal implimentazzjoni ulterjuri tal-leġiżlazzjoni rilevanti, b'mod partikolari l-Liġi dwar il-Komunitajiet; jiddeplora r-rifjut min-naħa tal-awtoritajiet tal-Kosovo li jħallu l-President Serb Tomislav Nikolić iżur il-Kosovo u jattendi għaċ-ċelebrazzjoni tal-Milied Ortodoss fi Gračanica; iħeġġeġ, madankollu, lil Tomislav Nikolić jerġa' jqis ir-rifjut tiegħu li jiltaqa' mal-President tal-Kosovo Atifete Jahjaga, kif kien diġà previst fl-aħħar tal-2012;
46. Jiddeplora r-rifjut min-naħa tal-awtoritajiet Serbi li jippermettu lill-Viċi Prim Ministru tal-Kosovo, Mimoza Kusari-Lila, li taqsam il-fruntiera u żżur il-wied ta' Presevo; jiddeplora s-sigħat twal li ċ-ċittadini tal-Kosovo jridu jistennew sabiex jaqsmu fis-Serbja;
47. Jenfasizza l-importanza tal-ammeljorament tar-relazzjonijiet u tar-rappreżentanza tal-Kosovo fi ħdan l-istituzzjonijiet internazzjonali kulturali u patrimonjali bil-għan li jittejjeb il-ħarsien tas-siti u tal-monumenti reliġjużi u kulturali, kif ukoll l-importanza tal-ammeljorament tar-rappreżentanza tal-Kosovo fi ħdan l-organizzazzjonijiet sportivi Ewropej u internazzjonali bil-għan li l-atleti Kosovari jkunu jistgħu jieħdu sehem fl-avvenimenti sportivi internazzjonali kollha, inklużi l-kampjonati Ewropej u tad-dinja u l-Olimpijadi;
48. Jilqa' pożittivament il-ħolqien tal-Uffiċċji Muniċipali għall-Komunitajiet u r-Ritorni fil-maġġoranza tal-muniċipalitajiet, iżda jqis li huwa deplorevoli li, minkejja il-progress li sar, ir-ritorn tar-rifuġjati u tal-persuni spustati internament għadu jikkostitwixxi sfida, partikolarment minħabba episodji ta' insigurtà; jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet tal-Kosovo jagħmlu sforzi ulterjuri f'dan il-qasam, kemm f'livell ċentrali kif ukoll dak lokali, u jagħtu attenzjoni partikolari lir-ritorn ta' Serbi, Rom, Ashkali u Eġizzjani;
49. Jilqa' b'soddisfazzjon l-għeluq definittiv tal-kamp ta' Osterode ikkontaminat biċ-ċomb fil-parti tat-Tramuntana ta' Mitrovica u r-risistemazzjoni tal-bqija tal-familji, fosthom ħafna familji Rom, Askhali u Eġizzjani, fi djar mibnija mill-ġdid u blokk wieħed ta' appartamenti soċjali, li huma parti minn proġett iffinanzjat mill-UE; iqis dan bħala pass importanti lejn l-reintegrazzjoni sħiħa u l-inklużjoni tar-rifuġjati u l-minoranzi fis-soċjetà tal-Kosovo; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Kosovo jibdew immedjatament l-operazzjonijiet ta' tindif taż-żona kkontaminata u lill-Kummissjoni tagħti l-assistenza teknika u finanzjarja neċessarja; jistieden lill-Kosovo jiddedika riżorsi akbar għall-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' standards ambjentali tal-UE;
50. Jilqa' pożittivament it-tnedija tar-rieżami intermedju tal-istrateġija u tal-pjan ta' azzjoni għall-komunitajiet Rom, Ashkali u Eġizzjani (RAE); jappella għal implimentazzjoni u monitoraġġ aktar effikaċi tal-istrateġija ta' integrazzjoni tar-RAE permezz ta' aktar bini ta' kapaċitajiet u koordinament interistituzzjonali mtejjeb; jenfasizza l-bżonn li jiġu implimentati bis-sħiħ l-"Erbgħin Azzjoni" biex tiġi promossa l-inklużjoni soċjali tal-komunitajiet Rom, Ashkali u Eġizzjani kemm fil-livell ċentrali kif ukoll muniċipali, f'konformità mal-objettivi tal-Qafas Ewropew għall-Istrateġiji Nazzjonali dwar l-Inklużjoni tar-Rom; jistieden lill-awtoritajiet tal-Kosovo jinkludu l-prospettiva tal-ġeneru fl-istrateġija ta' integrazzjoni u fil-pjan ta' azzjoni għall-komunitajiet Rom, Ashkali u Eġizzjani;
51. Jinsab inkwetat li t-tfal Rom, Ashkali u Eġizzjani jibqgħu vulnerabbli u emarġinati; jistieden lill-awtoritajiet jagħtu attenzjoni adegwata għat-titjib tal-kundizzjonijiet tal-ħajja ta' dawn il-komunitajiet, inkluż l-aċċess tagħhom għall-edukazzjoni;
52. Jinsab imħasseb dwar ir-rati għolja ta' faqar u ta' mortalità infantili, il-livell baxx ta' kopertura offruta mis-sistema tal-protezzjoni soċjali tal-Kosovo u l-ammont għoli ta' nfiq mhux rimborsat għall-assistenza sanitarja, u b'hekk il-familji vulnerabbli jiġu esposti għall-faqar kroniku;
53. Jenfasizza li t-tfal b'diżabilità jkomplu jiċċaħħdu mill-edukazzjoni bażika, b'10 % biss jiġu rreġistrati fl-edukazzjoni primarja; jistieden lill-gvern jiżgura li l-persuni b'diżabilità u l-gruppi vulnerabbli l-oħra jkunu jistgħu jaċċedu għall-assistenza sanitarja, l-edukazzjoni u s-servizzi soċjali mingħajr diskriminazzjoni; jilqa' favorevolment l-adozzjoni ta' rakkomandazzjonijiet dwar l-iżvilupp fit-tfulija bikrija żviluppati mill-Assemblea tal-Kosovo;
54. Jilqa' pożittivament it-tnedija ta' mappatura komprensiva tas-sitwazzjoni fil-qasam tal-ħarsien tat-tfal fil-Kosovo u l-progress li sar fir-rigward tal-adozzjoni ta' kodiċi tal-ġustizzja tal-minorenni soda li jallinja l-Kosovo mal-istandards internazzjonali u Ewropej; jibqa' mħasseb, madankollu, bin-nuqqas ta' infrastrutturi istituzzjonali speċjalizzati għat-tfal suġġetti għal proċedimenti penali (vittmi u xhieda);
55. Jilqa' pożittivament ir-riżultati finali taċ-ċensiment tal-Kosovo tal-2011 bħala l-ewwel pass biex tingħata informazzjoni f'waqtha u preċiża għal dawk li fasslu d-deċiżjonijiet sabiex tintuża fit-tfassil tal-politiki; jirrikonoxxi, madankollu, l-isfidi li fadal fir-rigward tad-disponibilità ta' data statistikament valida u komparabbli fuq livell internazzjonali, essenzjali biex jitwettqu politiki abbażi ta' provi u għall-monitoraġġ tal-progress fil-Kosovo;
56. Jitlob lill-Kosovo jtejjeb l-kuntest ekonomiku għall-impriżi żgħar u ta' daqs medju billi jnaqqas il-piż amministrattiv u l-ispejjeż assoċjati, iżid l-aċċess għall-kreditu, u jagħti appoġġ partikolari għall-impriżi li jkunu għadhom jibdew (start-ups);
57. Jenfasizza l-importanza li l-Kosovo jiġi assenjat kodiċi telefoniku internazzjonali tiegħu stess għal raġunijiet kemm ekonomiċi kif ukoll politiċi; iqis li s-sitwazzjoni attwali hija insostenibbli u ambigwa, u jistieden lill-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti jsolvu l-kwistjoni fl-iqsar żmien possibbli, u lis-Serbja tirtira l-veto tagħha f'dan il-rigward;
58. Jistieden lill-Kosovo jaħdem fuq l-iżvilupp ta' enerġija rinnovabbli u d-diversifikazzjoni tas-sorsi enerġetiċi bil-għan li jagħlaq iż-żewġ impjanti bil-faħam li jniġġsu ħafna, skont l-obbligi previsti mit-Trattat tal-Komunità tal-Enerġija; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi ddedikata aktar mill-għajnuna finanzjarja fornuta mill-UE fuq il-proġetti fil-qasam tal-enerġija rinovabbli;
59. Jieħu nota tal-pjanijiet ta' infrastrutturi stradali ġodda biex itejbu l-kollegamenti bejn Pristina u l-pajjiżi mal-fruntiera; josserva li l-prattiki tal-akkwist fil-Kosovo jibqgħu mhux adegwati, u jenfasizza l-bżonn li jiġi żgurat li l-proċessi tal-akkwist għal dawn il-proġetti l-kbar ikunu verament miftuħa, kompetittivi u trasparenti; josserva wkoll li dawn il-proġetti ta' infrastruttura għandhom jitwettqu skont il-kriterji stabbiliti fil-programm attwali tal-Fond Monetarju Internazzjonali; jenfasizza l-importanza li jkun żviluppat it-trasport pubbliku fir-rigward, b'mod partikolari, tal-modernizzazzjoni tal-kollegamenti ferrovjarji, u l-ħolqien ta' oħrajn ġodda, bħala parti minn sistema ta' trasport sostenibbli; jissuġġerixxi li tinħoloq sistema transkonfinali ta' trasport ferrovjarju ta' veloċità għolja bejn il-pajjiżi kollha fil-Balkani tal-Punent, konnessi man-Netwerk Trans-Ewropew tal-Unjoni Ewropea;
°
° °
60. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-Gvern u lill-Assemblea Nazzjonali tal-Kosovo.