Dokument ta' sessjoni
11.3.2013 B7‑0132/2013
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara d-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar it-theddidiet nukleari u d-drittijiet tal-bniedem fil-Korea ta' Fuq
( 2013/2565(RSP) )
Jelko Kacin, Leonidas Donskis, Ramon Tremosa i Balcells, Louis Michel, Marielle de Sarnez, Robert Rochefort, Edward McMillan-Scott, Annemie Neyts-Uyttebroeck, Marietje Schaake
f'isem il-Grupp ALDE
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-theddidiet nukleari u d-drittijiet tal-bniedem fil-Korea ta' Fuq
( 2013/2565(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-peniżola Koreana,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 2087 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, adottata b'unanimità fit-22 ta' Jannar 2013,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill "Affarijiet Barranin" tat-18 ta' Frar 2013 dwar ir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea (RDPK),
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti tal-1984,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet 1718 tal-14 ta' Ottubru 2006 u 1874 tat-12 ta' Ġunju 2009 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (it-Tielet Kumitat) dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea, adottata fl-64 sessjoni tagħha fid-19 ta' Novembru 2009,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti mfassal minn Vitit Muntarbhorn, ir-Rapporteur Speċjali għas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Korea ta' Fuq[1], u r-rapport tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti mfassal minn Marzuki Darusman, Rapporteur Speċjali għas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Korea ta' Fuq[2],
– wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Konvenzjonijiet Internazzjonali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-istrumenti l-oħra tad-drittijiet tal-bniedem,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi t-test nukleari mwettaq mir-RDPK fit-12 ta' Frar 2013 jirrappreżenta theddida gravi għall-paċi u s-sigurtà reġjonali u internazzjonali, u, barra minn hekk, huwa offiża gravi għall-prinċipji stabbiliti fit-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta' Provi Nukleari (CTBT).
B. billi l-iżvilupp tal-programmi illegali nukleari u ta' missili balistiċi jikkostitwixxi sfida għar-reġim internazzjonali ta' nonproliferazzjoni nukleari u joħloq ir-riskju li t-tensjonijiet reġjonali jaggravaw; billi dawn il-programmi ma jagħmlux ġid għall-objettiv mistqarr tar-RDPK li ttejjeb is-sigurtà tagħha;
C. billi l-Unjoni Ewropea ssostni enerġikament l-idea ta' peniżola Koreana ħielsa min-nukleari;
D. billi r-RDPK reċentement irtirat mill-ftehimiet ta' paċi kollha mar-Repubblika tal-Korea, u qatgħet il-linja diretta bejn Pjongjang u Seul;
Drittijiet tal-bniedem
E. billi s-sitwazzjoni umanitarja u tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDPK għadha deplorevoli u estremament inkwetanti, filwaqt li l-bidla fit-tmexxija ma wasslitx għall-ebda sinjal ta' żviluppi pożittivi f'dawn l-oqsma;
F. billi l-Gvern tar-RDPK qiegħed jikser id-drittijiet tal-bniedem taċ-ċittadini tiegħu b'impunità billi jċaħħad lill-partijiet kbar tal-popolazzjoni tiegħu mill-ikel, permezz ta' kastigi kollettivi u kampijiet ta' xogħlijiet furzati, u billi jibgħat il-ħabs aktar minn 200 000 f'kampijiet ta' priġunerija politiċi; billi l-awtoritajiet statali sistematikament iwettqu eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, tortura, detenzjonijiet arbitrarji u għejbien;
G. billi skont ir-Rapporteurs Speċjali dwar il-Korea ta' Fuq, uħud mill-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem kommessi mill-Gvern tar-RDPK jafu jkunu ekwivalenti għal delitti kontra l-umanità;
H. billi l-Gvern tar-RDPK kiser ukoll id-drittijiet ta' eluf ta' barranin li ntserqu jew "għosfru", iżda ċaħad kull involviment f'dawn il-każijiet u jirrifjuta li jikkoopera mal-gvernijiet tal-pajjiżi terzi bil-għan li jagħmel dawl fuqhom;
I. billi r-reġim tar-RDPK ma kkooperax man-Nazzjonijiet Uniti u rrifjuta r-riżoluzzjonijiet kollha tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet tal-bniedem fil-Korea ta' Fuq; billi naqas milli jikkoopera mar-Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti għas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż, u rrifjuta kull assistenza offruta mill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem;
J. billi s-sistema ġudizzjarja hi sottomessa għall-Istat, filwaqt li l-piena kapitali hija fis-seħħ għal firxa wiesgħa ta' delitti kontra l-Istat u hi perjodikament estiża permezz tal-Kodiċi Kriminali, u ċ-ċittadini, inkluż it-tfal, huma furzati jattendu għall-eżekuzzjonijiet pubbliċi;
K. billi l-Gvern tal-RDPK ma jippermettix oppożizzjoni politika organizzata, elezzjonijiet liberi u ekwi, midja ħielsa, libertà reliġjuża, libertà ta' assoċjazzjoni jew negozjar kollettiv,
1. Jikkundanna t-test nukleari mwettaq mir-RDPK fit-12 ta' Frar 2013, li kien jikser l-obbligi internazzjonali tagħha fl-ambitu tar-riżoluzzjonijiet 1718, 1874 u 2087 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, u jesiġi li r-RDPK tastjeni minn testijiet ulterjuri; jistieden lir-RDPK tiffirma u tirratifika s-CTBT mingħajr dewmien;
2. Jilqa' pożittivament il-vot tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti tas-7 ta' Marzu 2013 li jsaħħaħ is-sanzjonijiet fil-konfront tar-RDPK b'segwitu għat-test nukleari l-aktar reċenti; jikkundanna enerġikament ukoll is-sospensjoni mħabbra mir-RDPK tal-patt ta' nonaggressjoni mar-Repubblika tal-Korea;
3. Jiddeplora l-għażla min-naħa tar-RDPK tat-triq tal-provokazzjoni u tal-iżolament, askapitu tal-kundanna magħquda tal-komunità internazzjonali tal-użu li tagħmel tat-teknoloġija missilitika balistika fit-12 ta' Diċembru 2012; jemmen li l-iżvilupp tar-RDPK tal-programmi illegali nukleari u ta' missili balistiċi tagħha jikkostitwixxi sfida gravi għar-reġim internazzjonali tan-nonproliferazzjoni nukleari u joħloq ir-riskju li jaggrava t-tensjonijiet reġjonali;
4. Jistieden lir-RDPK terġa' timpenja ruħha b'mod kostruttiv mal-komunità internazzjonali, u b'mod partikolari mal-membri tat-Taħditiet bejn is-Sitt Partijiet, sabiex taħdem favur paċi u siġurtà dejjiema f'peniżola Koreana ħielsa min-nukleari u bħala l-aħjar mezz kif jiġi żgurat ġejjieni aktar għani u stabbli għar-RDPK;
Drittijiet tal-bniedem
5. Jistieden lill-RDPK ttemm minnufih il-ksur gravi, mifrux u sistematiku kontinwu tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa kontra l-popolazzjoni tagħha, li jaf ikun ekwivalenti għal delitti kontra l-umanità u b'hekk ikun suġġett għall-ġurisdizzjoni kriminali internazzjonali;
6. Jistieden lir-RDPK: 1) ittemm l-eżekuzzjonijiet pubbliċi u tabolixxi l-pieni kapitali; 2) ittemm l-eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji u l-għejbien furzat; 3) twaqqaf l-użu tat-tortura u tax-xogħlijiet furzati; 4) ittemm il-prattika tal-kastigi kollettivi; 5) teħles lill-priġunieri politiċi; u 6) tikkonċedi liċ-ċittadini tagħha l-libertà li jivvjaġġaw;
7. Jistieden lill-awtoritajiet tar-RDPK jiżguraw l-aċċess għall-ikel u għall-assistenza umanitarja għaċ-ċittadini kollha skont il-bżonn;
8. Jistieden lir-RDPK tippermetti l-libertà ta' espressjoni u l-libertà ta' stampa, kif ukoll l-aċċess mingħajr restrizzjonijiet għall-Internet taċ-ċittadini kollha tagħha;
9. Jistieden lill-Gvern tar-RDPK jittrażmetti l-informazzjoni kollha dwar iċ-ċittadini tal-UE u tal-pajjiżi terzi ssuspettati li ntserqu mill-aġenti statali tiegħu matul dawn l-aħħar għexieren ta' snin, jiggarantixxi li ssir investigazzjoni globali li tirriżulta f'riżultati trasparenti u sodisfaċenti, u jeħles immedjatament lill-persuni misruqa li għadhom miżmuma fil-pajjiż;
10. Jistieden lin-Nazzjonijiet Uniti joħolqu kummissjoni ta' inkjesta biex tinvestiga, b'urġenza, il-ksur sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem min-naħa tal-Gvern tar-RDPK, kemm tal-passat kif ukoll tal-preżent u b'riferiment partikolari għall-kampijiet ta' priġunerija, u jiddeterminaw sa liema punt il-ksur u l-impunità assoċjati ma' dan is-serq jistgħu jikkostitwixxu delitti kontra l-umanità; jisħaq, barra minn hekk, fuq il-bżonn li jiġu rakkomandati miżuri konkreti biex jiġi ttrattat il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem kemm f'livell nazzjonali kif ukoll f'dak internazzjonali;
11. Jistieden lill-Unjoni Ewropea, fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni, taħtar rappreżentant speċjali għar-RDPK ħalli jiżgura attenzjoni u koordinament persistenti, kemm fi ħdan l-Unjoni kif ukoll mas-sħab ewlenin bħalma huma l-Istati Uniti u r-Repubblika tal-Korea;
12. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Istati Membri, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvernijiet tar-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea, tar-Repubblika tal-Korea u tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.