Dokument ta' sessjoni
9.4.2013 B7‑0160/2013
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar ir-Rapport Komprensiv ta' Monitoraġġ 2012 dwar il-Kroazja
( 2012/2871(RSP) )
Libor Rouček
f'isem il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-Rapport Komprensiv ta' Monitoraġġ 2012 dwar il-Kroazja
( 2012/2871(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' Trattat dwar l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea, il-Protokoll u l-Att Finali,
– wara li kkunsidra r-Rapport Komprensiv ta’ Monitoraġġ tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ottubru 2012 dwar l-istat ta’ tħejjija tal-Kroazja għal sħubija fl-UE ( SWD(2012)0338 final),
– wara li kkunsidra r-rapporti regolari tal-Kummissjoni dwar il-progress tal-Kroazja lejn l-adeżjoni, li jkopru l-perjodu 2005-2011,
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta’ Salonka tad-19-20 ta’ Ġunju 2003 dwar il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u dwar it-tkabbir,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet u r-rapporti kollha preċedenti tiegħu dwar il-progress tal-Kroazja u l-proċess ta’ tkabbir, b’mod partikolari dawk tal-1 ta' Diċembru 2011 dwar l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea[1], tal-1 ta' Diċembru 2011 dwar l-applikazzjoni tal-Kroazja biex issir membru tal-Unjoni Ewropea[2] u tat-22 ta' Novembru 2012 dwar it-tkabbir: politiki, kriterji u interessi strateġiċi tal-UE[3],
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet preċedenti kollha tal-Kumitat Parlamentari Konġunt UE-Kroazja,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi l-Kroazja se taderixxi għall-UE fl-1 ta' Lulju 2013;
B. billi 24 Stat Membru u l-Kroazja rratifikaw it-Trattat ta' Adeżjoni, u tliet Stati Membri għad iridu jagħmlu dan;
C. billi l-Kroazja tinsab fit-triq it-tajba biex tissodisfa r-rekwiżiti pendenti f'dak li għandu x'jaqsam mat-tħejjijiet finali għas-sħubija fl-UE;
D. billi l-isforzi għar-riforma jridu jiġu sostnuti wkoll wara l-adeżjoni sabiex iċ-ċittadini Kroati jibbenefikaw bis-sħiħ mis-sħubija fl-UE;
E. billi l-proċess ta' adeżjoni tal-Kroazja huwa xhieda tal-kredibilità tal-politika ta' tkabbir tal-UE u l-effetti trasformattivi tagħha fuq l-istati applikanti;
F. billi s-sħubija tal-Kroazja se ssaħħaħ lill-UE u tagħmilha aktar sikura, se tarrikkixxi l-kultura u l-wirt tagħha, u se sservi ta' tfakkira b'saħħitha għal pajjiżi aspiranti oħrajn li l-implimentazzjoni kuxjenzjuża tal-impenji tħalli benefiċċji tanġibbli u duraturi għaċ-ċittadini tagħhom;
G. billi l-Kroazja mistennija, u qiegħda f’qagħda unika, li jkollha rwol kostruttiv fil-viċinat tagħha, l-aktar permezz tal-promozzjoni ta’ aktar tkabbir tal-UE, konsolidazzjoni demokratika, kooperazzjoni u rikonċiljazzjoni reġjonali bejn il-popli tal-Balkani tal-Punent, filwaqt li tagħmel l-almu tagħha kollu biex jiġi żgurat li l-kwistjonijiet bilaterali ma jkexxlu l-ebda wieħed minn dawn il-proċessi;
1. Jistenna b'ħerqa li jilqa' lill-Kroazja bħala t-28 Membru tal-UE fl-1 ta' Diċembru 2011, b'segwitu tal-votazzjoni ġuridikament vinkolanti tal-Parlament Ewropew fl-1 ta' Diċembru 2011 li approvat l-adeżjoni tal-Kroazja, u skont id-data stabbilita mill-Kunsill Ewropew fit-Trattat ta' Adeżjoni; jesprimi l-fiduċja tiegħu fis-saħħa u l-maturità tad-demokrazija u l-ekonomija tas-suq soċjali tal-Kroazja, l-adeżjoni tagħha għall-valuri Ewropej, u l-ħila li twettaq l-obbligi tas-sħubija;
2. Jinnota li l-Kroazja tinsab fit-triq it-tajba biex tissodisfa r-rekwiżiti pendenti f'dak li għandu x'jaqsam mat-tħejjijiet finali għas-sħubija;
3. Jilqa' l-progress sinifikanti li għamlet il-Kroazja fit-tlestija ta' kompiti kompiti identifikati fir-Rapport Komprensiv ta' Monitoraġġ tal-Kummissjoni u jistieden lill-Gvern u lill-Parlament isolvu l-kwistjonijiet pendenti kollha sal-1 ta' Lulju 2013 u jimxu 'l quddiem bir-riformi l-oħrajn kollha neċessarji; jinkoraġġixxi lill-Kroazja tirrispetta u żżomm l-impenji kollha tagħha min-negozjati tal-adeżjoni, bil-għan li tkun ippreparata b'mod sħiħ bħala Stat Membru ġdid, peress li dan huwa fl-interess tal-Kroazja u tal-UE; jenfasizza li dan il-proċess għandu jitwettaq b'mod trasparenti u inklużiv, bl-akbar involviment possibbli tal-Parlament Kroat u tas-soċjetà ċivili;
4. Jinnota li 24 Stat Membru u l-Kroazja diġà rratifikaw it-Trattat ta' Adeżjoni; jistieden lill-parlamenti tat-tliet Stati Membri li għadhom ma għamlux dan biex jipproċedu b'mod li jkun f'waqtu;
5. Itenni l-fehma tiegħu li l-adeżjoni ma għandhiex tinftiehem bħala t-tmiem ta' proċess, imma pjuttost bħala pass fit-triq lejn il-modernizzazzjoni ekonomika, amministrattiva u ġudizzjarja, u bħala opportunità li l-benefiċċji tagħha jistgħu jkunu realizzati kompletament biss permezz ta' azzjoni kontinwa fil-politiki; jistieden lill-Kroazja tkompli tuża b'mod effiċjenti l-fondi tal-IPA (Strument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni) fi tħejjija għas-sħubija fl-UE u għall-użu tal-Fondi Strutturali u tal-Fond ta' Koeżjoni;
6. Jistieden lill-atturi politiċi u soċjali Kroati jesploraw modi innovattivi ta’ sosteniment tal-impetu u l-kunsens għar-riformi fil-perjodu ta’ wara l-adeżjoni, u ta' kif iżommu lil dawk li jagħmlu l-politiki responsabbli għall-implimentazzjoni tal-impenji meħuda fit-Trattat ta’ Adeżjoni; jissottolinja, f’dan is-sens, ir-rwol indispensabbli ta' sorveljanza parlamentari effikaċi flimkien ma' dak tas-soċjetà ċivili;
7. Jirriafferma ċ-ċentralità ta' ġudikatura indipendenti, ta' amministrazzjoni pubblika professjonali u responsabbli, u tal-istat ta' dritt fit-tisħiħ tad-demokrazija u fl-appoġġ tal-attività ta' investiment u ekonomika; jistieden lill-Kroazja tieħu azzjoni ulterjuri biex ittejjeb l-indipendenza, ir-responsabbiltà, il-professjonaliżmu u l-effiċjenza tas-sistema ġudizzjarja tagħha u tal-membri tal-ġudikatura tagħha, inter alia billi tnaqqas in-numru ta' każijiet b'lura, billi ttejjeb il-leġiżlazzjoni dwar l-infurzar tas-sentenzi, billi timplimenta s-sistema l-ġdida tad-dikjarazzjoni tal-beni għall-imħallfin, u billi ttejjeb aktar ir-riżultati tas-sistema l-ġdida ta' proċeduri dixxiplinari; iħeġġeġ lill-Kroazja tiffinalizza u timplementa l-Istrateġija ta’ Riforma Ġudizzjarja;
8. Jinnota li l-Kroazja diġà bdiet tħaddem qafas istituzzjonali u ġuridiku sodisfaċenti għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni; jistieden lill-awtoritajiet Kroati jkomplu jintensifikaw il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-frodi u l-ġestjoni ħażina tal-fondi; jirrimarka li l-miżuri kontra l-korruzzjoni jridu jkomplu jiġu infurzati b'mod strett; jistieden ukoll lill-awtoritajiet jistabbilixxu każistika fil-qasam tal-kunflitti ta' interessi, il-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata kif ukoll l-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni dwar ir-riforma tal-ġudikatura u jtejbu l-implimentazzjoni tal-qafas ġuridiku għall-qbid u l-konfiska tal-beni;
9. Jistieden lill-awtoritajiet Kroati jagħmlu użu sħiħ mill-istrumenti eżistenti fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni ħalli jiżguraw li l-prosekuzzjonijiet u d-deċiżjonijiet tal-Qrati jkunu imparzjali u jsiru b'suċċess, inkluż fil-każijiet li jkollhom profil għoli, ħalli tkun ikkonsolidata l-fiduċja taċ-ċittadini fl-istat ta' dritt u fl-istituzzjonijiet pubbliċi; jenfasizza l-ħtieġa ta' miżuri sostenibbli fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata u l-ħtieġa li l-ġudikatura tiġi riformata primarjament għall-benefiċċju taċ-ċittadini Kroati; jenfasizza li l-ġurnaliżmu investigattiv indipendenti għandu jitħeġġeġ, inkwantu huwa fundamentali biex jiġu żvelati l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata;
10. Jistieden lill-Kroazja tgħaddi leġiżlazzjoni robusta dwar il-lobbying u l-aċċess għall-informazzjoni, biex b'hekk ikun ikkonsolidat il-qafas ta' prevenzjoni kontra l-korruzzjoni; jistieden lill-awtoritajiet Kroati jagħmlu operazzjonali l-Kummissjoni li nħalqet dan l-aħħar dwar il-Kunflitti ta' Interess, u jimplimentaw għalkollox il-pakkett leġiżlattiv dwar l-akkwisti pubbliċi u dwar il-finanzjament tal-partiti politiċi u tal-kampanji elettorali;
11. Jitlob lill-awtoritajiet Kroati jibqgħu viġilanti ħalli jiżguraw li d-drittijiet tal-bniedem ikunu rispettati bis-sħiħ, filwaqt li jkunu kkumbattuti l-forom kollha ta' diskriminazzjoni u ta' atti ta' intolleranza lejn il-minoranzi nazzjonali, il-komunità Rom, il-migranti, il-persuni LGBT, u gruppi minoritarji u vulnerabbli oħrajn; jistieden barra minn hekk lill-Kroazja trawwem kuntest li jiżgura li l-membri tal-minoranzi msemmijin qabel (eż. persuni LGBT) ikunu jistgħu jesprimu liberament l-opinjonijiet u l-konvinzjonijiet tagħhom konformement mal-prinċipji tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE;
12. Jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet jippromwovu l-libertà ta' espressjoni, inkluża l-libertà u l-pluraliżmu tal-midja; jirrikonoxxi li l-liġi l-ġdida dwar ix-xandar pubbliku ġiet adottata f'Lulju 2012; jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet ikomplu bl-isforzi intiżi li jiżguraw li s-servizz tax-xandir pubbliku jkun ħieles minn pressjonijiet politiċi jew ekonomiċi u li jżidu t-trasparenza tiegħu;
13. Josserva li l-Kroazja qiegħda tipprepara adegwatament għall-ġestjoni u l-implementazzjoni futuri tal-operazzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali u ta' Koeżjoni tal-UE; jitlob lill-Kroazja toħloq riżerva ta' proġetti għall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR); jinkoraġġixxi lill-Gvern isaħħaħ aktar l-kapaċitajiet amministrattivi tal-istituzzjonijiet responsabbli, inkluż fil-livelli reġjonali u lokali, bi qbil mar-rakkomandazzjonijiet tar-rapport tal-2012 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri; iħeġġeġ lill-Gvern jagħmel l-almu kollu tiegħu ħalli jimminimizza r-riskju ta' korruzzjoni, frodi u irregolaritajiet kemm fl-allokazzjoni kif ukoll fl-użu tal-fondi tal-UE;
14. Ifakkar lill-Istati Membri, fil-kuntest tan-negozjati dwar il-QFP, dwar l-impenji tal-UE favur il-Kroazja u ċ-ċittadini tagħha f’dak li għandu x’jaqsam ma’ assistenza futura fl-iżvilupp ekonomiku u reġjonali;
15. Iħeġġeġ lill-Kroazja twettaq aktar riformi strutturali ħalli tistimola t-tkabbir ekonomiku u terġa' tagħti l-ħajja lis-suq tax-xogħol; jistieden lill-Kroazja tkompli żżomm is-settur bankarju stabbli u tkompli l-politika ta' konsolidament fiskali biex tagħti spinta lill-kompetittività; jilqa' l-parteċipazzjoni tal-Kroazja fis-Simestru Ewropew minn Jannar 2013; jappoġġa l-isforzi biex jiġi żgurat użu f'waqtu u effikaċi tal-fondi tal-UE kif ukoll biex tittejjeb l-infrastruttura tat-trasport tal-Kroazja u r-rabtiet tagħha mal-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi tar-reġjun; jistieden lill-Gvern jimplimenta b'mod sħiħ il-qafas leġiżlattiv dwar in-negozji ż-żgħar, inter alia permezz ta' azzjonijiet xierqa ta' politika, billi jtejjeb l-aċċess tagħhom għall-finanzjamenti u billi jappoġġa l-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs;
16. Huwa tal-fehma li għandha ssir enfasi speċjali fuq id-dimensjonijiet soċjali u ambjentali tal-modernizzazzjoni ekonomika; iħeġġeġ lill-Kroazja tissokta ssaħħaħ id-djalogu soċjali u tosserva d-drittijiet soċjali u trejdunjonistiċi; jistieden lill-awtoritajiet Kroati jiżguraw it-trasparenza rigward il-valutazzjonijiet ambjentali ta' proġetti ta' investiment kbar; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Kroati jagħtu prijorità lill-ħarsien tal-ambjent, speċjalment fil-qasam tal-ippjanar tat-territorju;
17. Jinsab imħasseb li l-leġiżlazzjoni proposta dwar l-investimenti strateġiċi mhijiex konformi mal-istandards Ewropej; jistieden lill-Gvern u lill-Parlament tal-Kroazja jirreveduha bil-għan li jtejbu l-ħarsien tad-drittijiet fundamentali, partikolarment id-drittijiet ta' proprjetà, u l-ambjent;
18. Jistieden lill-Istati Membri ma jirrestrinġux id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini aktar milli jkun assolutament neċessarju fir-rigward tal-miżuri tranżitorji previsti fl-Artikolu 18 tal-Att ta' Adeżjoni; jitlob lill-Istati Membri, partikolarment, jirrikorru għall-miżuri tranżitorji li jirrestrinġu l-moviment liberu tal-persuni esklużivament fuq il-bażi ta' tagħrif fattwali u biss fil-każijiet ta' tħarbit gravi tas-suq tax-xogħol; jirrimarka li r-restrizzjoni tal-aċċess għas-swieq tax-xogħol tagħhom matul il-perjodi tranżitorji wara rawnds preċedenti ta' tkabbir kienet ta' ħsara għall-ġid ta' dawk l-Istati Membri li applikaw ir-restrizzjonijiet;
19. Jistieden lill-Gvern jiżgura li l-bini ta' punti ta' qsim il-fruntiera fil-kuritur Neum jitlesta kemm jista' jkun malajr;
20. Jistieden lill-awtoritajiet Kroati jieħdu aktar azzjoni, inkluż fl-oqsma tal-allinjament leġiżlattiv, il-kooperazzjoni interistituzzjonali u l-ġestjoni tal-fruntieri, ħalli jsiru l-preparamenti biex il-Kroazja tidħol fiż-Żona Schengen meta jasal il-waqt;
21. Jistieden lill-Kroazja tkompli tikkoopera mat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għal dik li kienet il-Jugoslavja (ICTY) u tintensifika l-isforzi domestiċi tagħha ħalli tinvestiga u twettaq prosekuzzjonijiet tad-delitti tal-gwerra, bi qbil mal-istrateġija adottata dwar l-impunità; jagħmel appell b’saħħtu lill-Kroazja u lis-Serbja ħalli jikkooperaw b'bona fide fil-prosekuzzjoni tad-delitti tal-gwerra ħalli jkun hemm il-ġustizzja u r-rikonċiljazzjoni vera fir-reġjun;
22. Jistieden lill-awtoritajiet Kroati jissoktaw jagħtu attenzjoni speċjali lid-drittijiet u l-kundizzjonijiet soċjali tar-rifuġjati u l-persuni spustati li jirritornaw, bi qbil mal-miri tal-Proċess tad-Dikjarazzjoni ta' Sarajevo; jibqa' jappoġġa l-inizjattiva RECOM (Regional Commission for Truth and Reconciliation) biex jinstabu modi kif tiġi rikonoxxuta t-tbatija u jiġi rrispettat id-dritt għall-verità u għall-ġustizzja għall-vittmi kollha tad-delitti tal-gwerra;
23. Iħeġġeġ lill-Kroazja biex ikollha rwol attiv fil-proċess ta’ stabbilizzazzjoni u integrazzjoni Ewropea fil-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent; jemmen li l-esperjenza u l-għarfien espert tal-Kroazja, li akkumulaw matul it-trasformazzjoni u l-adeżjoni tagħha, huma ta’ valur sinifikanti għal stati applikanti u aspiranti oħrajn; iħeġġeġ lill-Kroazja taqsam l-esperjenzi tagħha ma' pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali oħrajn u ssaħħaħ il-kooperazzjoni reġjonali; huwa tal-fehma li l-promozzjoni tal-valuri Ewropej u ta' tkabbir ulterjuri mill-Kroazja hija mibnija fuq relazzjonijiet tajba bejn il-ġirien u t-tfittxija tar-rikonċiljazzjoni;
24. Jappella lill-Kroazja u lill-ġirien tagħha jimpenjaw ruħhom attivament fir-riżoluzzjoni tal-kwistjonijiet bilaterali pendenti bi qbil mal-impenji internazzjonali u l-prinċipji ta' relazzjonijiet tajba bejn il-ġirien u l-kooperazzjoni reġjonali; jilqa', f'dan ir-rigward, il-passi meħuda mill-Gvern tal-Kroazja u mill-Gvern tas-Serbja biex itejbu r-relazzjonijiet, u jistenna b'ħerqa li jkun hemm intensifikazzjoni tal-kooperazzjoni bejniethom; jappoġġa l-isforzi tas-Slovenja u tal-Kroazja biex isibu soluzzjoni għall-każ Ljubljanska Banka b'mod kostruttiv; jirrimarka li kwistjonijiet ta’ natura bilaterali ma jistgħux jintużaw biex ikunu impediti l-proċessi ta’ integrazzjoni ta’ pajjiżi applikanti ta’ bħalissa u tal-ġejjieni; iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha, f'dan il-kuntest, biex jirratifikaw l-Att ta' Adeżjoni tal-Kroazja fil-ħin;
25. Iħeġġeġ lill-Kroazja tkompli tiżvolġi rwol kostruttiv fil-kooperazzjoni reġjonali; jistieden lill-awtoritajiet Kroati jimplimentaw b'mod sħiħ id-dikjarazzjoni dwar il-promozzjoni tal-valuri Ewropej fix-Xlokk tal-Ewropa approvata mill-Parlament Kroat fil-21 ta' Ottubru 2011; jistieden lill-pajjiżi kollha fir-reġjun jadottaw u jimplimentaw pożizzjonijiet simili; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tgħin lill-pajjiżi kollha fir-reġjun f'dan ir-rigward; jistieden lill-Kummissjoni titgħallem mill-esperjenza tal-passat fil-proċess ta' tkabbir, inkluż il-proċess ta' tkabbir mal-Kroazja, billi tgħin lill-pajjiżi fir-reġjun isolvu t-tilwimiet bilaterali tagħhom b'mod li ma jinterferixxix mal-proċess ta' adeżjoni permezz tat-twaqqif ta' mekkaniżmi ta' faċilitazzjoni u ta' arbitraġġ fi ħdan il-qafas istituzzjonali eżistenti tal-UE li l-pajjiżi fir-reġjun ikunu jistgħu jirrikorru għalihom jekk ikunu jixtiequ jagħmlu hekk;
26. Jirrikonoxxi l-attivitajiet u l-kontribut kostruttiv tal-osservaturi Kroati fil-Parlament Ewropew u jistenna b'ħerqa li jagħti merħba lill-Membri Parlamentari tal-Kroazja mill-adeżjoni tal-Kroazja fl-UE fl-1 ta' Lulju 2013;
27. Japprezza ħidmet il-Kummissjoni fit-tmexxija tal-proċess ta’ adeżjoni tal-Kroazja; jitlob lill-Kummissjoni tanalizza l-eżerċizzju u tislet tagħlimiet ta’ politika għal stati applikanti futuri, bħalma hu l-użu ta’ reġim komprensiv ta’ monitoraġġ fil-perjodu bejn it-tlestija tan-negozjati u l-adeżjoni; jistieden lill-Kummissjoni tevalwa l-involviment tas-soċjetà ċivili u tal-parlament matul il-proċess ta' adeżjoni kollu ħalli tislet it-tagħlimiet għan-negozjati attwali u futuri; jitlob lill-Kummissjoni, f'dan il-kuntest speċifiku, tfassal proposti biex tinvolvi aħjar lis-soċjetà ċivili u lill-parlamenti fil-pajjiżi kandidati fil-proċess ta' adeżjoni;
28. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u tar-Repubblika tal-Kroazja.