Dokument ta' sessjoni
4.6.2013 B7‑0254/2013
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara l-mistoqsijiet għal tweġiba orali B7‑0205/2013 u B7‑0206/2013
skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar ir-rikostruzzjoni u d-demokratizzazzjoni tal-Mali
( 2013/2587(RSP) )
Eva Joly
f'isem il-Kumitat għall-Iżvilupp
Elmar Brok
f'isem il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-rikostruzzjoni u d-demokratizzazzjoni tal-Mali
( 2013/2587(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-20 ta' April 2012 dwar is-sitwazzjoni f'Mali[1] u tal-14 ta' Ġunju 2012 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tas-sigurtà fir-reġjun tas-Saħel[2],
– wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għas-Sigurtà u l-Iżvilupp fis-Saħel, adottata f'Marzu 2011,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet 2056 (2012) u 2071 (2012) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (KSNU) dwar is-sitwazzjoni fil-Mali,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 2085 (2012) tal-KSNU li tawtorizza l-iskjerament ta' Missjoni Internazzjonali ta' Appoġġ għal Mali taħt tmexxija Afrikana (AFISMA),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet magħmulin mill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà tat-22 ta' Marzu, tas-26 ta' Marzu, tas-7 ta' April, tal-21 ta' Diċembru u tat-23 ta' Diċembru 2012, kif ukoll tal-11 ta' Jannar u tas-7 ta' Marzu 2013, dwar is-sitwazzjoni fil-Mali,
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-UE dwar is-Saħel tat-23 ta' Marzu 2012 li approvaw il-Kunċett ta' Maniġġar ta' Kriżi għal missjoni ta' PSDK ċivili ta' Konsultazzjoni, Għajnuna u Taħriġ fis-Saħel,
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-UE dwar il-Mali tal-31 ta' Jannar 2013 u tat-18 ta' Frar 2013,
– wara li kkunsidra l-pjan direzzjonali Maljan għat-tranżizzjoni li kien ġie approvat unanimament mill-Assemblea Nazzjonali tal-pajjiż nhar id-29 ta' Jannar 2013,
– wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza,
– wara li kkunsidra l-konvenzjonijiet Afrikani u internazzjonali tal-jeddijiet tal-bniedem iffirmati mill-Mali,
– wara li kkunsidra l-Mistoqsijiet bil-Miktub O-000040 – B7‑0205/2013 u O-000041 – B7‑0206/2013 lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, rispettivament, dwar ir-rikostruzzjoni u d-demokratizzazzjoni tal-Mali,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-effetti tal-kolp ta' stat militari fil-Mali, f'Marzu tal-2012, l-okkupazzjoni tal-parti tat-Tramuntana tal-pajjiż mill-gruppi ġiħadisti ribelli u armati, u tal-kunflitt armat sussegwenti fil-parti tat-Tramuntana tal-pajjiż, qed jinħassu ferm lilhinn mill-Mali mir-reġjun tas-Saħel, filwaqt li r-riperkussjonijiet jinħassu bnadi oħrajn ukoll fl-Afrika u fl-Ewropa;
B. billi l-Mali jinsab fost l-ifqar għaxar pajjiżi tad-dinja u jokkupa l-182 post fost il-187 pajjiż elenkati fl-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem tal-Programm ta' Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti għall-2013; billi wkoll qabel il-kriżi ta' bħalissa l-Mali bata minn differenzi soċjoekonomiċi bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar, kif ukoll minn istituzzjonijiet demokratiċi dgħajfin, governanza mhux f'sikkitha, korruzzjoni u kriminalità organizzata;
C. billi l-Kaptan Amadou Haya Sanogo, li nħatar kap tal-Kumitat Militari għar-Riforma tal-Forzi Armati u s-Sigurtà, għadu figura perikoluża li żamm ħiltu li jikkawża d-danni, mhux l-anqas fid-dawl tal-funzjonijiet il-ġodda tiegħu li jagħtuh kuntatt dirett mal-militar;
D. billi ġie approvat pjan direzzjonali mill-awtoritajiet Maljani kwantu għat-tranżizzjoni u twaqqfet Kummissjoni għad-Djalogu u r-Rikonċiljazzjoni; billi l-UE, flimkien mal-awtoritajiet tranżitorji Maljani u organizzjonijiet reġjonali u internazzjonali oħrajn, ġa bdew jaħdmu fuq l-implementazzjoni tal-pjan direzzjonali ħalli tinġieb il-paċi dejjiema;
E. billi d-djalogu u r-rikonċiljazzjoni politiċi bejn il-gruppi etniċi – għaż-żamma tal-paċi u għall-ħolqien tal-volontà fost il-gruppi etniċi, l-élites politiċi u l-militar tal-pajjiż li jgħixu lkoll flimkien – jirrappreżentaw sfida fir-rikostruzzjoni tal-Mali; billi dawk il-gruppi biss li jirrispettaw il-Kostituzzjoni tal-Mali u l-integrità tat-territorju tal-pajjiż se jitħallew jieħdu sehem fil-Kummissjoni għad-Djalogu u r-Rikonċiljazzjoni;
F. billi f'konferenza tad-donaturi f'Addis Ababa organizzata mill-Unjoni Afrikana (UA) nhar id-29 ta' Jannar 2013, sar impenn favur total ta' EUR 337.2 miljun mid-donatur għar-riżoluzzjoni tal-kriżi tal-Mali, minn liema somma l-UE tat EUR 50 miljun lill-AFISMA u, skont l-Istrument għall-Istabbiltà, EUR 20 miljun għall-għoti ta' appoġġ immedjat lis-servizzi taż-żamma tal-ordni u tal-ġustizzja, lill-awtoritajiet lokali, lill-isforzi tad-djalogu u r-rikonċiljazzjoni tal-Mali u lill-ewwel fażijiet tal-proċess ta' tħejjija għall-elezzjonijiet li ġejjin;
G. billi l-Kummissjoni ħabbret li se terġa' tibda ftit ftit tagħti l-għajnuna għall-iżvilupp, fl-ammont ta' EUR 250 miljun, b'appoġġ għal oqsma bħalma huma: ir-rikonċiljazzjoni u l-prevenzjoni tal-kunflitti; il-proċess elettorali; l-għoti ta' servizzi bażilari, inklużi s-saħħa u l-aċċess għall-ilma u s-sanità; it-tisħiħ tas-sigurtà tal-ikel; u r-rilanċ tal-ekonomija;
H. billi ħafna organizzazzjonijiet internazzjonali u organizzazzjonijiet mhux governattivi jaħdmu fil-Mali biex jagħtu servizzi bażilari lill-komunitajiet lokali, inklużi l-assistenza alimentari, l-aċċess għall-ilma u l-kura medika;
I. billi l-operazzjoni militari Franċiża 'Serval', imnedija b'support għall-armata Maljana nhar il-11 ta' Jannar 2013 bħala respons għall-offensiva mill-gruppi radikali Islamisti, irnexxielha tirbaħ lura l-ibliet u l-oqsma tan-naħa ta' fuq li kienu nqabdu mir-ribelli, u billi, skont il-Gvern Franċiż, it-tropop Franċiżi bdew jirtiraw ftit ftit mill-Mali f'April 2013;
J. billi l-Missjoni ta' Sostenn Internazzjonali fil-Mali mmexxija mill-Afrikani u approvata min-NU (AFISMA) ġa għandha 4200 truppa fil-pajjiż u se tingħata l-kompitu, flimkien mat-tropop Maljani, li żżomm l-istabilità fit-tul tal-Mali ta' Fuq wara li jitilqu t-tropop Franċiżi; billi s-Segretarju Ġenerali tan-NU Ban Ki-moon wiegħed li se tintbagħat forza tan-NU għaż-żamma tal-paċi fil-Mali ħalli tistabbilizza l-pajjiż;
K. billi l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU hu mistenni li jadotta riżoluzzjoni li tittrasforma lill-AFISMA f'Missjoni ta' Stabilizzazzjoni Integrata tan-NU inlinja mar-rakkomandazzjonijiet tas-Segretarju Ġenerali tan-NU;
L. billi waqt li s-sitwazzjoni tas-sigurtà fil-Mali tat-Tramuntana tjiebet minn mindu intervenew il-Franċiżi, it-taqbida kontra l-gruppi Islamisti radikali xorta tissokta; billi hemm ħtieġa li jinżamm il-momentum kontra t-theddidiet terroristiċi iżolati f'xi żoni tat-Tramuntana, bħalma huma t-theddidiet reċenti għal Timbuktù u Gao, li ħtieġu forza stabbilizzanti u kapaċitajiet ta' respons b'ħeffa; billi l-estremisti armati kulma jmur qed jirrikorru aktar għal tattiċi asimmetriċi, bħalma huma l-assalti stil guerrilla, l-attakki suwiċida, il-karozzi bomba u l-użu ta' mini tal-art antipersunal; billi, għaldaqstant, iż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà fit-terminu medju u f'dak twil fihom sfidi eċċezzjonali;
M. billi s-sitwazzjoni fil-Mali teħtieġ respons li jmur lilhinn mill-indirizzar tat-theddidiet għas-sigurtà, inkluż impenn fit-tul min-naħa tal-komunità internazzjonali u azzjoni deċiżiva ħalli jiġu ttrattati l-isfidi politiċi, ta' governanza, ta' żvilupp u umanitarji li fanndu għeruqhom fil-fond;
N. billi r-rilanċ tal-iżvilupp ekonomiku tal-Mali jirrikjedi għajnuna mmirata li jkollha l-attenzjoni tagħha fuq il-ħtiġiet veri tal-pajjiż;
O. billi l-bidla antikostituzzjonali tal-gvern hi ostaklu ewlieni għall-paċi, is-sigurtà u l-iżvilupp; billi l-Artikolu 25 tal-Karta Afrikana – dwar id-demokrazija, l-elezzjonijiet u l-governanza – tippreskrivi li l-individwi misjubin ħatja ta' reat ma jitħallewx jieħdu sehem fl-elezzjonijiet li jsiru ħalli jinġieb lura l-ordni demokratiku jew li jokkupa xi kariga ta' responsabilità fl-istituzzjonijiet politiċi tal-Istat tagħhom;
P. billi s-sitwazzjoni tal-jeddijiet tal-bniedem fil-Mali marret ħafna għall-agħar wara li bdiet ir-ribelljoni fit-Tramuntana tal-pajjiż u wara l-kolp militari tat-22 ta' Marzu 2012;
Q. billi hemm ħtiġiet umanitarji massiċċi fil-Mali, fejn sa miljun ruħ għadhom jiddependu mill-assistenza alimentari, inklużi 177 000 rifuġjat f'pajjiżi ġirien u 282 000 ruħ spostati internament; billi hi meħtieġa strateġija integrata ta' ritorn għal meta l-kondizzjonijiet fit-Tramuntana jkunu jippermettu ritorn sikur, volontarju u dinjituż;
R. billi 750 000 ruħ jeħtieġu assistenza alimentari immedjata u 666 000 tifel u tifla jinsabu fir-riskju ta' malnutrizzjoni, inklużi 210 000 li jinsabu fir-riskju ta' malnutrizzjoni gravi; billi l-aċċess għas-servizzi soċjali bażilari għadu limitat, l-aktar fit-Tramuntana;
S. billi kien ġie adottat Pjan ta' Azzjoni għar-Riabilitazzjoni tal-Wirt Kulturali u għall-Ħarsien tal-Manuskritti Antiki fil-Mali waqt laqgħa ta' esperti internazzjonali organizzata mill-UNESCO fi Frar 2013;
T. billi r-rispett lejn il-jeddijiet tal-bniedem hu ta' importanza kbira għall-Unjoni Ewropea; billi l-popolazzjoni fil-Mali tat-Tramuntana tgħix f'atmosfera ta' biża', u d-drittijiet tal-bniedem tagħhom huma sistematikament ivvjolati mill-gruppi Islamisti radikali;
1. Jissottolinja l-impenn tiegħu favur is-sovranità, l-unità u l-integrità territorjali tal-Mali; jilqa' pożittivament l-intervent Franċiż b'appoġġ għal dawn il-prinċipji bħala l-ewwel pass lejn ir-rikostruzzjoni u d-demokratizzazzjoni tal-Mali; jitlob li jkun hemm involviment f'saħħtu mill-UE f'dan il-proċess;
2. Jappoġġa proċess politiku mmexxi mill-Mali li jkun jippermetti lill-pajjiż jikseb stabilità politika fit-tul u prosperità ekonomika; jissottolinja l-importanza ta' djalogu nazzjonali inklużiv, u tal-proċess rikonċiljatorju, fl-isforz li tinstab soluzzjoni politika ġenwina u demokratika għall-kriżi rikorrenti tal-pajjiż; jilqa' b'sodisfazzjon, f'dan il-kuntest, it-twaqqif ta' Kummissjoni għad-Djalogu u r-Rikonċiljazzjoni Nazzjonali, u jfisser it-tama li din tkun malajr qed taħdem; jilqa' favorevolment il-ħatra ta' mara u ta' Twareg bħala viċi presidenti ta' din il-Kummissjoni bħala sinjal ta' impenn favur l-inklużività u l-pluralità fil-proċess politiku;
3. Jistieden lill-gvern u lill-Moviment Nazzjonali għall-Ħelsien tal-Ażawad (MNLA) jidħlu f'taħdit preliminari dwar il-parteċipazzjoni tal-MNLA fil-Kummissjoni għad-Djalogu u r-Rikonċiljazzjoni Nazzjonali;
4. Iħeġġeġ l-implementazzjoni malajr tal-pjan direzzjonali, ħalli tinżamm għaddejja t-tranżizzjoni sa mal-ordinament kostituzzjonali u l-istat tad-dritt ma jerġgħu jiġu stabbiliti mill-ġdid fil-pajjiż permezz tal-organizzazzjoni ta' elezzjonijiet demokratiċi, ħielsa, ġusti u trasparenti fl-2013; jilqa' l-impenn min-naħa tal-awtoritajiet Maljani li jimxu malajr lejn l-elezzjonijiet, kif ukoll id-dikjarazzjonijiet mill-mexxejja tal-gvern tranżitorju li ma jersaqx għall-elezzjoni; jagħraf l-isfidi li tippreżenta l-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet, inklużi l-kompiti bħalma huma l-iżgurar tas-sigurtà fiz-zoni tat-Tramuntana, il-ħruġ ta' skedi tal-vot bijometriċi u r-reġistrazzjoni tar-rifuġjati fir-reġistri elettorali, u jitlob lill-UE u lis-sħab internazzjonali tagħha jżidu l-appoġġ tagħhom għall-proċess elettorali li daqt ġej; jilqa', f'dan is-sens, l-intenzjoni li tintbagħat missjoni ta' osservazzjoni elettorali fl-UE, bħalma talab il-gvern Maljan;
5. Jirriafferma li l-elezzjonijiet presidenzjali u leġiżlattivi huma perċepiti bħala l-ewwel pass lejn ir-ritorn għad-demokrazija, u li l-elezzjonijiet huma element essenzjali fl-iżgurar tal-kredibilità tal-gvernijiet futuri;
6. Huwa tal-fehma li jekk l-elezzjonijiet presidenzjali għandhom isiru f'Lulju 2013, l-elezzjonijiet leġiżlattivi jistgħu jsiru fi żminijiet differenti;
7. Jinsisti li kull soluzzjoni politika għar-rikostruzzjoni tal-Mali jeħtieġ li magħha jkollha strateġija ċara u sostenibbli ta' żvilupp ekonomiku li tindirizza l-problema tal-qgħad ħalli jitjieb l-għajxien tal-popolazzjoni, u jisħaq li l-għoti tas-servizzi bażilari bħalma huma s-saħħa, l-edukazzjoni, l-ilma u s-sanità jeħtieġ li jerġa' jinbeda billi huma essenzjali għall-istabilità tal-pajjiż; jemmen li r-riformi istituzzjonali huma neċessarji għalbiex tkun żgurata l-istabilità politika u ħalli l-komunità Maljana tkun tista' kollha kemm hi tkun imdaħħla fil-bini tal-futur tal-pajjiż; jemmen ukoll fil-ħtieġa li jissaħħu l-proċessi demokratiċi u r-responsabilità politika fil-pajjiż jekk għandhom jinkisbu riżultati aħjar ta' żvilupp;
8. Jistieden lill-gvern Maljan jaħdem flimkien mal-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-NGOs rilevanti ħalli jagħtu lill-poplu tal-Mali support adegwat u koordinat;
9. Huwa tal-fehma li r-rispons għall-isfidi tal-iżvilupp tal-Mali jeħtieġ kemm finanzjament adegwat kemm koordinament imtejjeb, kemm fil-livell ta' UE kemm mad-donaturi internazzjonali l-oħrajn; jappoġġa b'saħħa approċċ magħmul apposta li jkollu attenzjoni fuq il-ħtiġiet tal-pajjiż u li jkun jirrifletti l-progress magħmul favur l-implementazzjoni tal-pjan direzzjonali u l-miġja lura tal-istat tad-dritt;
10. Jistieden lill-UE u lis-sħab internazzjonali tagħha jgħinu lill-gvernijiet tal-Afrika tal-Punent fit-taqbida tagħhom kontra t-traffikar tad-drogi u l-proliferazzjoni tal-armi; jistieden lill-pajjiżi fir-reġjun iqiegħdu fiċ-ċentru tal-politika tagħhom tal-iżvilupp strateġija ekwilibrata u sostenibbli tal-iżvilupp, jagħtu servizzi pubbliċi bażilari lill-popolazzjoni inġenerali u joħolqu l-opportunitajiet ta' impjieg, b'mod partikolari għaż-żgħażagħ;
11. Jistieden lill-UE, lin-NU u lill-istati individwali jagħtu appoġġ loġistiku u tekniku li jgħin lill-Maljani fit-taqbida tagħhom kontra t-traffikar tad-droga u l-proliferazzjoni tal-armi; jistieden lill-pajjiżi kollha fir-reġjun tas-Saħel jikkoordinaw il-politiki rispettivi tagħhom ta' sigurtà ħalli jifformulaw rispons f'saħħtu għat-traffikar;
12. Jissottolinja li s-sigurtà u l-iżvilupp fis-Saħel isaħħu lil xulxin; jilqa' l-intervent inizjali ta' Franza, imsaħħaħ mill-AFISMA, ħalli titwaqqaf id-destabilizzazzjoni ulterjuri u jiġu kkumbattuti l-forzi estremisti; jissottolinja r-rwol komplementari importanti tal-Missjoni ta' Taħriġ tal-UE (EUTM Mali) fil-għoti ta' assistenza deċiżiva fil-bini ta' kapaċità fit-tul fl-armata Maljana; ifakkar li l-istabilità fit-tul, is-sigurtà u l-integrità territorjali tal-pajjiż ma jeħtiġux biss li l-estremisti vjolenti u radikali – u t-traffikanti tal-armi, drogi u bnedmin – jintgħelbu imma li jiġu promossi alternattivi għall-attivitajiet illegali tan-nies li sfaw imfaqqrin u taż-żgħażagħ qiegħda;
13. Jissottolinja l-ħtieġa li tinstab soluzzjoni reġjonali, li tkun tfannad għeruqha fi ftehim reġjonali sostnut minn konferenza tal-pajjiżi tas-subreġjun, b'mod partikolari l-Alġerija u l-Mawritarnja;
14. Jissottolinja li t-trasformazzjoni tal-AFISMA f'forza taż-żamma tal-paċi tan-NU taħt kontroll Afrikan ma għandhiex tillimitaha għal rwol strettament ta' żamma tal-paċi imma għandha tippermettilha l-ambitu li toħloq il-paċi skont il-Kapitolu VII tal-Karta tan-NU;
15. Jistieden li jkun hemm riforma tal-forzi armati Maljani, u tas-servizzi usa' tas-sigurtà, li għandhom ikunu intensifikati taħt il-kontroll demokratiku u ċivili ħalli tkun żgurata l-istabilità u tinbena l-fiduċja fir-rwol tas-settur tas-sigurtà fil-kontribut għall-paċi u d-demokrazija dejjimin fil-pajjiż;
16. Jistieden lill-gvern Maljan jagħti attenzjoni partikolari lill-promozzjoni tal-jeddijiet tal-bniedem fir-reġjuni fejn il-popolazzjoni sfat vittma ta' trattamenti kefrin mill-gruppi Islamisti radikali;
17. Iħeġġeġ lill-UA u lill-ECOWAS iħaffu l-inġagg tal-AFISMA; jistieden lin-Nazzjonijiet Uniti timplementa l-pjanijiet għat-tisħiħ tal-AFISMA, inter alia permezz tat-trasformazzjoni tagħha f'missjoni ta' stabilizzazzjoni tan-NU b'mandat għall-ħolqien tal-paċi skont il-Kapitolu VII tal-Karta tan-NU, u permezz tal-għoti ta' mezzi organizzattivi u finanzjarji xierqa; jilqa' r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU, li fih hemm rakkomandazzjonijiet għal tali stabilizzazzjoni u forza ta' rispons rapidu;
18. Jilqa' t-tnedija tal-EUTM Mali nhar it-18 ta' Frar 2013 u tal-mandat tagħha li tappoġġja r-riforma tal-forzi armati Maljani taħt kontroll demokratiku ċivili; ifakkar fil-ħtieġa urġenti li jingħata appoġġ lill-gvern Maljan hu u jiżgura li jista' jżomm l-integrità territorjali tiegħu fit-terminu t-twil, li jkun jinkludi l-mezzi għalbiex ikunu indirizzati t-theddidiet asimmetriċi rappreżentati mill-gruppi Islamisti radikali u minn dawk li jittraffikaw il-bnedmin, il-beni u l-armi; huwa tal-fehma li l-UE għandha tikkunsidra li tinkludi fil-programmi ta' taħriġ tal-forzi armati Maljani moduli dwar il-prattiki tajbin u dwar it-taqbida kontra l-korruzzjoni;
19. Jinnota li l-ħidma komplementari tal-EUCAP Sahel Niger fil-għoti ta' taħriġ għat-tisħiħ tas-settur tas-sigurtà fil-pajjiżi ġirien u fil-koordinament mal-EUTM Mali permezz ta' uffiċjali ta' kollegament f'Bamako; jistieden lill-VP/RGħ tressaq l-opzjonijiet għall-għoti ta' appoġġ bħal dan għar-riforma tas-settur usa' tas-sigurtà fil-Mali (inklużi l-pulizija, il-gwardja nazzjonali, il-ġendarmerija u s-settur tal-ġustizzja), inter alia permezz tal-valutazzjoni dwar jekk dan jistax isir billi jitwessa' l-mandat tal-EUTM Mali jew tal-EUCAP Sahel Niger, jew permezz tal-ħolqien ta' Missjoni ġdida fl-ambitu tal-PSDK dedikata lir-riforma usa' tas-settur tas-sigurtà miċ-ċivili;
20. Jikkundanna l-vjolazzjonijiet tal-jeddijiet tal-bniedem li seħħew minn mindu kien hemm il-kolp militari f'Marzu 2012, u jistieden li dawk ħatja jinżammu responsabbli; jilqa' d-deċiżjoni tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) li tiftaħ inkjesta, u jitlob lill-awtoritajiet Maljani jikkooperaw mal-QKI; jilqa' li ntbagħtu l-ewwel osservaturi tal-jeddijiet tal-bniedem fil-Mali, skont id-deċiżjonijiet li ħadu l-Kunsill tal-Paċi u s-Sigurtà tal-Unjoni Afrikana u l-ECOWAS; jissottolinja li r-rikostruzzjoni politika u l-kredibilità tagħha wkoll jiddependu mit-twaqqif ta' mekkaniżmi tranżitorji ta' ġustizzja;
21. Jistieden li jissokta l-għoti tal-assistenza umanitarja lill-popolazzjoni li jeħtiġuha, u li jkun hemm miżuri li jiżguraw ir-ritorn liberu u volontarju tar-rifuġjati; jissottolinja l-ħtieġa li tinżamm distinzjoni ċara bejn l-aġenda umanitarja u dik politika/ta' sigurtà ħalli tkun żgurata l-imparzjalità fl-azzjoni umanitarja, is-sigurtà tal-ħaddiema umanitarji u l-aċċess għas-sostenn għal dawk fil-bżonn;
22. Jistieden lill-forzi kollha tas-sigurtà fil-Mali li jżommu s-sigurtà fil-pajjiż ħalli jippermettu li l-assistenza umanitarja tilħaq lill-popolazzjoni kollha;
23. Itenni l-kundanna tiegħu għas-sakkeġġ u d-distruzzjoni tas-siti ta' wirt kulturali; jilqa' l-miżuri reċenti li ħadet l-UNESCO għalbiex tirriabilita l-wirt kulturali tal-Mali;
24. Huwa ta' fehma li l-UE għandha, fid-dawl tal-kriżi Maljana, tagħmel l-aġġustamenti neċessarji għall-Istrateġija Ewropea għall-Iżvilupp u s-Sigurtà fis-Saħel; jissottolinja l-ħtieġa għal integrazzjoni aħjar bejn il-pilastri tal-iżvilupp u tas-sigurtà tal-istrateġija, u għal koordinament aħjar tal-istrumenti tagħha tal-politiki; jissottolinja l-ħtieġa tat-titjib tas-sistema ta' allerta bikrija tal-UE ħalli tkun tista' twettaq id-dimensjoni preventiva tal-istrateġija;
25. Jilqa' s-sejħa ta' konferenza ta' livell għoli tad-donaturi internazzjonali, li se tkun ospitata minn Franza u mill-Unjoni Ewropea nhar il-15 ta' Mejju 2013; ifisser it-tama tiegħu li l-eżitu ta' dan l-avveniment jgħin fl-għoti ta' assistenza effikaċi għall-iżvilupp tal-Mali, inkluż permezz ta' mekkaniżmi innovattivi bħalma huwa l-Kuntratt għall-Bini tal-Istat li ġie mħabbar;
26. Jissottolinja l-ħtieġa għal kooperazzjoni reġjonali isħaħ, u hu tal-fehma li l-UE għandha tuża l-influwenza politika tagħha u s-setgħa finanzjarja perswassiva li għandha ħalli tinkoraġġixxi lil sħabha fir-reġjun jarmonizzaw l-inizjattivi politiċi, diplomatiċi u militari tagħhom li ta' sikwit ikunu frammentati ħalli jindirizzaw aktar effikaċement l-isfidi b'bosta aspetti li s-Saħel ikollu jiffaċċja;
o
o o
27. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Assemblea Nazzjonali tal-Mali, l-Unjoni Afrikana, lill-ECOWAS, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti kif ukoll lill-Organizzazzjoni Edukattiva, Xjentifika u Kulturali tan-Nazzjonijiet Uniti.