Dokument ta' sessjoni

 

10.6.2013                                                                                                                B7‑0270/2013

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar il-qgħad fost iż-żgħażagħ

( 2013/2673(RSP) )

Joanna Katarzyna Skrzydlewska, Csaba Őry, Roberta Angelilli

f'isem il-Grupp PPE

 

B7‑0270/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-qgħad fost iż-żgħażagħ

( 2013/2673(RSP) )

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta'Ġunju 2010 dwar il-promozzjoni tal-aċċess taż-żgħażagħ għas-suq tax-xogħol, it-tisħiħ tal-istejtus ta’ min jitħarreġ, tal-internship u l-apprendistat[1],

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Inizjattiva għall-Opportunitajiet taż-Żgħażagħ ( COM(2011)0933 ),

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar Inizjattiva tal-Impjiegi taż-Żgħażagħ tas-7 ta' Frar 2013,

–   wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni tal-5 ta' Diċembru 2012 għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-Twaqqif ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ ( COM(2012)0729 ),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi ż-żgħażagħ huma partikolarment żvantaġġjati waqt il-kriżijiet ekonomiċi, u dan aktar mill-biċċa l-kbira tal-gruppi l-oħrajn; billi għal ħafna żgħażagħ il-qgħad attwali huwa mistenni li jsir qgħad fuq żmien fit-tul, li jwassal għar-riskju tal-esklużjoni soċjali;

B.  billi 22.8% taż-żgħażagħ fl-UE bħalissa huma qiegħda, u l-qgħad fost iż-żgħażagħ f'xi Stati Membri qabeż il-50%;

C. billi fil-kuntest tal-istrateġija ta' Lisbona 2000-2010 l-UE impenjat ruħha li tgħolli l-livelli edukattivi, tnaqqas ir-rati ta' dawk li jħallu l-iskola sa anqas minn 10 % sal-2020, u żżid ir-rata tat-tlestija tal-edukazzjoni terzjarja jew ekwivalenti sa tal-anqas 40 %;

D. billi fl-2011 it-telf ekonomiku minħabba t-tluq taż-żgħażagħ mis-suq tax-xogħol kien stmat għal EUR 153 biljun, li jikkorrispondi għal 1.2 % tal-PDG tal-UE[2]; billi dan jirrappreżenta piż soċjali u ekonomiku serju;

E.  billi 8.3 miljun Ewropej taħt il-25 sena huma barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs), u billi dawn il-figuri qed ikomplu jiżdiedu, bir-riskju li jkollna ġenerazzjoni mitlufa;

1.  Jenfasizza li l-investiment fl-impjieg taż-żgħażagħ għandu jkun il-komponent ewlieni ta' strateġiji ta' investiment soċjali nazzjonali;

2.  Jenfasizza l-importanza li tittieħed azzjoni immedjata biex jiġi miġġieled il-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-qgħad fuq żmien fit-tul;

3.  Jistieden lill-Istati Membri jinvestu aktar fl-aħjar ħiliet opportuni għall-impjiegi li hemm domanda għalihom u sabiex jorbtu l-kurrikuli edukattivi mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol; jenfasizza l-importanza li tissaħħaħ il-mobilità;

4.  Jenfasizza li l-involviment tal-partijiet kollha interessati relevanti, inkluż ta' dawk li joffru servizzi edukattivi u ta' taħriġ, dawk li jimpjegaw individwalment, is-servizzi pubbliċi u privati tal-impjieg, is-sħab soċjali, l-organizzazzjonijiet tas-settur terzjarju, u awtoritajiet tas-saħħa u oħrajn, huwa essenzjali għall-implimentazzjoni b'suċċess ta' għadd ta' miżuri li jrawmu l-impjieg fost iż-żgħażagħ u l-impjegabilità b'mod integrat; jenfasizza li l-miżuri jridu jkunu flessibbli sabiex jiġu sodisfati l-ħtiġijiet dejjem jevolvu fis-suq tax-xogħol;

5.  Jirrikonoxxi s-sitwazzjoni partikularment diffiċli f'ċerti reġjuni fejn il-livell tal-qgħad fost iż-żgħażagħ huwa ogħla minn 25 %; jilqa' l-fatt li l-appoġġ tal-UE għall-impjieg taż-żgħażagħ se jingħata spinta ulterjuri permezz tal-Inizjattiva tal-Impjiegi taż-Żgħażagħ proposta tal-UE, li se jkollha baġit ta' EUR 6 biljun matul il-perjodu ta' seba' snin bejn l-2014 u l-2020;

6.  Huwa ferm imħasseb dwar it-tnaqqis fil-baġit mill-Istati Membri fil-qasam tal-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ; jenfasizza, għalhekk, il-ħtieġa ta' riformi fis-sistemi edukattivi tal-Istati Membri permezz ta' riżorsi nazzjonali u tal-UE, għal edukazzjoni taż-żgħażagħ aktar kosteffettiva u kompetittiva;

7.  Jappella b'urġenza għall-antiċipazzjoni tal-EUR 6 biljun allokati għall-Inizjattiva tal-Impjiegi taż-Żgħażagħ l-ġdida fl-ewwel snin tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali sabiex jiġi indirizzat il-qgħad fost iż-żgħażagħ u jiġu implimentati garanziji għaż-żgħażagħ; jenfasizza li l-ispiża biex jiġu implimentati l-garanziji għaż-żgħażagħ madwar iż-żona tal-euro hija stmata mill-ILO li tlaħħaq il-EUR 21 biljun; jappella, għaldaqstant, sabiex l-allokazzjoni tiġi riveduta u miżjuda fil-kuntest tar-rieżami tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali; jilqa' l-estensjoni tal-grupp eliġibbli għall-garanzija għaż-żgħażagħ sabiex jinkludi lil dawk taħt it-30 sena;

8.  Jappella għal approċċ ta' politika olistika li jħares lejn l-edukazzjoni, it-taħriġ, l-impjieg u l-inizjattivi ta' impjieg għar-ras, għaż-żgħażagħ kollha fil-livelli differenti kollha, b'mod integrat;

9.  Ifakkar ir-riskju li għadd ta' Stati Membri jitilfu ż-żgħażagħ b'talent tagħhom u b'hekk joħolqu ħarba potenzjali tal-imħuħ; jenfasizza li tali ħarba tal-imħuħ tista' żżomm lil dawk l-Istati Membri milli jiksbu rkupru ekonomiku u tkabbir vijabbli;

10. Jistieden lill-Istati Membri jrawmu l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fit-tiswir ta' politiki settorjali relatati mal-iżvilupp tagħhom; josserva wkoll li jekk dawn ikunu parteċipanti veri u mhux biss osservaturi fil-proċess, tkun qed tingħata leġittimità u valur miżjud aħjar lit-tfassil tal-politiki dwar iż-żgħażagħ;

11. Jinnota li l-investiment soċjali fiż-żgħażagħ jista' jieħu firxa wiesgħa ta' forom, fosthom: l-iżvilupp ta' sħubijiet bejn l-iskejjel, ċentri tat-taħriġ u negozji lokali u reġjonali; l-għoti ta' taħriġ ta' kwalità mmirat u programmi ta' internship taż-żgħażagħ ta' kwalità għolja; skemi ta' edukazzjoni professjonali mal-impriżi; skemi ta' sponsorizzar f'idejn impjegati aktar anzjani bil-għan li jiġu reklutati u mħarrġa żgħażagħ fuq il-post tax-xogħol jew biex jiġi żgurat li jkun hemm tranżizzjoni aħjar mill-edukazzjoni għax-xogħol;

12. Jistieden lill-Istati Membri jfasslu strateġiji speċifiċi ulterjuri ta' sensibilizzazzjoni maħsuba għan-NEETs li għandhom jikkombinaw forom effettivi ta' intervent bil-għan li jindirizzaw it-tluq bikri mill-iskola u r-riintegrazzjoni ta' dawk li jħallu bikri l-iskola, bi strateġiji li jiffaċilitaw it-tranżizzjoni mingħajr xkiel mill-edukazzjoni għax-xogħol, u żieda fl-impjegabilità taż-żgħażagħ, flimkien mat-tneħħija tal-ostakoli prattiċi u loġistiċi li jħabbtu wiċċhom magħhom iż-żgħażagħ bi ħtiġijiet altar kumplessi;

13. Jistieden lill-Istati Membri jikkontrollaw jekk l-eżempji tal-aħjar prattika minn Stati Membri oħrajn jistgħu jiġu applikati għas-swieq tax-xogħol tagħhom u sabiex jużaw dawk il-miżuri li huma adegwati fil-ġlieda tagħhom kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ;

14. Jistieden lill-Istati Membri jikkunsidraw li jirrikorru għal prattiki użati u ttestjati, speċjalment dawk ta' Stati Membri b'rati baxxi ta' qgħad, u biex jesploraw jekk kunċetti bħall-edukazzjoni u t-taħriġ duwali u l-edukazzjoni professjonali, kif ukoll skemi ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ diġà implimentati, jistgħux ikunu kompatibbli mas-sistemi nazzjonali tagħhom;

15. Jistieden lill-Istati Membri jieħdu l-azzjonijiet kollha meħtieġa, apparti l-possibilità ta' mobilità intensifikata, biex jipprevjenu l-fenomenu tal-ħarba tal-imħuħ permezz ta' miżuri sostenibbli li jassiguraw li proporzjon adegwat ta' forza tax-xogħol bi kwalifiki għolja jibqgħu fil-pajjiż tal-oriġini tagħhom;

16. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, apparti l-EUR 6 biljun mill-Programm "Żgħażagħ fl-Azzjoni" u EUR 16-il biljun mill-Fondi Strutturali Soċjali, EUR 60 biljun mill-Bank Ewropew tal-Investiment se jiġu investiti fil-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ;

17. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

 

[1] Testi adottati, P7_TA(2010)0262
[2] Eurofound (2012), ‘NEETs – Young people not in employment, education or training: Characteristics, costs and policy responses in Europe’. Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu.