Dokument ta' sessjoni

 

11.6.2013                                                                                                                B7‑0304/2013

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara l-mistoqsijiet għal tweġiba orali B7‑0208/2013 u B7‑0209/2013

skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar is-servizzi finanzjarji: nuqqas ta’ progress fid-dewmien tal-Kunsill u tal-Kummissjoni tal-adozzjoni ta’ ċerti proposti

( 2013/2658(RSP) )

Sharon Bowles

f'isem il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

 

B7‑0304/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-servizzi finanzjarji: nuqqas ta’ progress fid-dewmien tal-Kunsill u tal-Kummissjoni tal-adozzjoni ta’ ċerti proposti

( 2013/2658(RSP) )

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-12 ta' Lulju 2010 għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Skemi ta' Garanzija tad-Depożiti (riformulazzjoni) ( COM(2010)0368 ),

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Lulju 2010 għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 97/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi ta’ kumpens għall-investitur ( COM(2010)0371 ),

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Jannar 2011 għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi 2003/71/KE u 2009/138/KE fir-rigward tas-setgħat tal-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol u l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq ( COM(2011)0008 ), minn hawn ’il quddiem imsemmija ‘Omnibus II/Solvenza II’.

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Ottubru 2011 għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li tirrevoka d-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Tfassil mill-ġdid) ( COM(2011)0656 ) u l-proposta tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Ottubru 2011 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament [EMIR] dwar id-derivati OTC, il-kontropartijiet ċentrali u r-repożitorji tan-negozju ( COM(2011)0652 ), minn hawn ’il quddiem imsemmija bħala ‘rieżami tal-MiFID’,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummisjoni tal-20 ta’ Ottubru 2011 għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar sanzjonijiet kriminali għal abbuż minn informazzjoni privileġġata u manipulazzjoni tas-suq ( COM(2011)0654 ) u l-proposta tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Ottubru 2011 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-abbuż minn informazzjoni privileġġata u l-manipulazzjoni tas-suq (l-abbuż tas-suq) ( COM(2011)0651 ), minn hawn ’il quddiem imsemmija bħala ‘MAD/MAR’,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Marzu 2012 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar titjib fis-saldu ta’ titoli fl-Unjoni Ewropea u dwar depożitorji ċentrali tat-titoli (CSDs) u li jemenda d-Direttiva 98/26/KE ( COM(2012)0073 ),

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Ġunju 2012 għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 77/91/KEE u 82/891/KE, id-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE u 2011/35/KE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 ( COM(2012)0280 ),

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-3 ta' Lulju 2011 għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2009/65/KE dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f'titoli trasferibbli (UCITS) fir-rigward tal-funzjonijiet tad-depożitarji, il-politiki tar-remunerazzjoni u s-sanzjonijiet ( COM(2012)0350 ), minn hawn ’il quddiem imsemmija bħala ‘UCITS V’,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-3 ta' Lulju 2012 għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-medjazzjoni fl-assigurazzjoni (riformulazzjoni) ( COM(2012)0360 ), minn hawn ’il quddiem imsemmija bħala ‘IMD II’,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-31 ta’ Marzu 2010 dwar il-Programm tax-Xogħol tal-Kummisjoni 2010 ( COM(2010)0135 ), u partikolarment għar-referenza tal-adozzjoni ppjanata fl-2010 ta’ proposta leġiżlattiva għal direttiva dwar iċ-ċertezza ġuridika fil-liġi dwar it-titoli,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tas-27 ta’ Ottubru 2010 dwar il-Programm tax-Xogħol tal-Kummisjoni 2011 ( COM(2011)0623 ), u partikolarment għar-referenza tal-adozzjoni ppjanata fl-2010 ta’ proposta leġiżlattiva għal direttiva dwar iċ-ċertezza ġuridika fil-liġi dwar it-titoli,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-15 ta’ Novembru 2011 dwar il-Programm tax-Xogħol tal-Kummissjoni 2012 ( COM(2011)0777 ), u partikolarment għar-referenza tal-adozzjoni ppjanata fl-2012 ta’ proposta leġiżlattiva għal direttiva dwar il-liġi tat-titoli u għal proposta leġiżlattiva għal reviżjoni tad-Direttiva 2007/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2007 dwar is-servizzi ta’ ħlas fis-suq intern[1],

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew fil-laqgħa tiegħu fl-1 u t-2 ta’ Marzu 2012 u partikolarment ir-referenza għar-rieżami tal-MiFID,

–   wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku tal-20 ta’ Diċembru 2012 dwar il-fondi tas-suq tal-flus[2],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ Novembru 2012 dwar l-Ibbankjar Parallel[3],

–   Wara li kkunsidra l-mistoqsijiet lill-Kunsill u l-Kummissjoni dwar is-servizzi finanzjarji: nuqqas ta’ progress fid-dewmien tal-Kunsill u l-Kummissjoni fl-adozzjoni ta’ ċerti proposti ( O-000063/2013 – B7-0000/2013 and O-000000/2013 – B7-0000/2013 ),

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-irkupru tal-ekonomija tal-UE jeħtieġ settur finanzjarju stabbli li jipprovdi finanzjament kompetittiv għall-ekonomija reali; billi biex jinkiseb dan, jeħtieġ li l-Unjoni Bankarja tiġi mwettqa għalkollox kif ġie miftiehem u li terġa’ tiġi affermata mill-istituzzjonijiet differenti tal-UE li huma responsabbiltà għal dan is-settur ewlieni tal-ekonomija tagħna;

B.  billi l-proposta għal rieżami tad-direttiva dwar Skemi ta’ Garanzija tad-Depożiti (DGS) ġiet adottata mill-Kummissjoni fit-12 ta’ Lulju 2010, u l-Parlament, wara negozjati mingħajr frott mal-Kunsill, ivvotata fl-ewwel qari fis-16 ta’ Frar 2012;

C. billi l-proposta għal rieżami tad-Direttiva ta’ Skemi ta’ Kumpens għall-Investitur (ICSD) ġiet adottata mill-Kummissjoni fit-12 ta’ Lulju 2010, u l-Parlament, fid-dawl tal-fatt li l-Kunsill sabha bi tqila jadotta approċċ ġenerali u jidħol f’negozjati, ivvotata fl-ewwel qari fil-5 ta’ Lulju 2011;

D. billi l-Kummissjoni, fl-20 ta’ Ottubru 2011, adottat il-proposti tagħha dwar ir-rieżami tal-MiFID u l-Parlament ittrattahom b’mod rapidu u adotta l-emendi ta’ dawn il-proposti fis-26 ta’ Ottubru 2012, sena biss wara li tressqu; sa minn dak iż-żmien il-Parlament ilu jistenna li jibda n-negozjati mal-Kunsill fil-prospettiva ta’ ftehim possibbli fl-ewwel qari;

E.  billi l-Kunsill Ewropew, fil-laqgħa tiegħu tal-1 u t-2 ta’ Marzu 2012, ikkonkluda li l-koleġiżlaturi għandhom jiftiehmu dwar il-proposti ta’ rieżami tal-MiFID sa Diċembru 2012;

F.  billi fis-7 ta’ Marzu 2012, il-Kummissjoni adottat il-proposta tagħha dwar Depożitarji Ċentrali tat-Titoli (CSDR) u l-Kumitat għall-Affarijiet Eknomiċi u Monetarji tal-Parlament adotta r-rapport tiegħu fl-4 ta’ Frar 2013, u sa minn dak iż-żmien ilu jistenna li jibda n-negozjati mal-Kunsill fil-prospettiva ta’ ftehim possibbli fl-ewwel qari;

G. billi oriġinarjament il-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva dwar iċ-ċertezza ġuridika fil-liġi dwar it-titoli kienet mistennija li tiġi adottata matul l-2010, u mbagħad ġiet inkluża fil-Programmi Leġiżlattivi u tax-Xogħol tal-Kummissjoni għall-2011 u l-2012, iżda għadha ma ġietx adottata;

H. billi d-Direttiva 2007/64/KE dwar is-servizzi tal-ħlas fis-suq intern tirrikjedi li l-Kummissjoni tippreżenta rapport dwar l-implimentazzjoni u l-impatt ta’ dik id-Direttiva mhux aktar tard mill-1 ta’ Novembru 2012 li jkun akkumpanjat, fejn hu xieraq, minn proposta għar-reviżjoni tagħha; billi l-Kummissjoni għadha ma ressqitx tali rapport u reviżjoni;

I.   billi l-Parlament, fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar is-Sistema Bankarja Parallela, talab li jiġu implimentati miżuri addizzjonali rigward il-fondi tas-suq monetarju, partikolarment sabiex tittejjeb ir-reżiljenza ta’ dawn il-fondi u jkun kopert ir-riskju ta’ likwidità, u billi r-rakkomandazzjoni tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) biex jintemmu l-fondi kostanti tas-suq monetarju ta’valur ta’ assi netti, ippublikata ftit wara din ir-riżoluzzjoni, għandha tiġi kkunsidrata f’dawk il-miżuri;

J.   billi l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2011/89/KE[4]irrikjeda lill-Kummissjoni tagħmel rieżami sħiħ tad-Direttiva 2002/87/KE (Direttiva dwar il-Konglomerati Finanzjarji)[5], filwaqt li tindirizza b’mod partikolari l-ambitu ta’ dik id-Direttiva, l-estensjoni tal-applikazzjoni tagħha għal entitajiet mhux regolati, il-kriterji ta’ identifikazzjoni ta’ konglomerati finanzjarji li huma fil-pussess ta’ gruppi mhux finanzjarji aktar wiesgħa, konglomerati finanzjarji sistemikament rilevanti u ttestjar mandatorju tal-istress, u li tibgħat ir-rapport tagħha lill-Parlament u lill-Kunsill sal-31 ta’ Diċembru 2012, biex jiġi segwit minn proposti leġiżlattivi xierqa;

K. billi fl-20 ta’ Diċembru 2012, il-Kummissjoni, wara dan ir-rieżami, ressqet ir-rapport tagħha fejn ikkonkludiet li għalkemm il-kriterji għad-definizzjoni u l-identifikazzjoni ta’ konglomerat, l-identifikazzjoni ta’ entità oriġinali finalment responsabbli għall-issodifar tar-rekwiżiti tal-grupp kollu, u t-tisħiħ tal-infurzar fir-rigward ta’ dik l-entità huma l-kwistjonijiet l-aktar relevanti li jistgħu jiġu indirizzati f’reviżjoni futura tad-direttiva dwar il-konglomerati finanzjarji, hija ddeċidiet li ma tipproponix proposta leġiżlattiva f’dan is-sens fl-2013;

L.  billi l-Kummissjoni impenjat ruħha li żżomm is-sitwazzjoni taħt rieżami kostanti sabiex tiddetermina mument xieraq għall-adozzjoni tal-proposti għar-rieżami tad-Direttiva dwar il-Konglomerati Finanzjarji, partikolarment fid-dawl tan-negozjati li għadhom għaddejjin dwar is-CRD IV u l-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU);

M. billi f’diversi okkażjonijiet il-Kummissjoni indikat l-intenzjoni tagħha li tipproduċi studju komprensiv dwar l-effikaċja u l-proporzjonalità tal-miżuri adottati fil-qafas tar-regolament finanzjarju sa mill-bidu tal-kriżi finanzjarja;

1.  Ifakkar fir-rieda tiegħu li jlesti l-ewwel qari għalkollox, tal-anqas dwar il-proposti kollha tal-Kummissjoni dwar is-servizzi finanzjarji li huma fuq il-mejda fil-preżent qabel jintemm it-term fir-Rebbiegħa tal-2014;

2.  Jenfasizza li fl-interessi tat-tkomplija tat-titjib tal-effiċjenza u r-robustezza tas-swieq finanzjarji tal-Unjoni mill-aktar fis possibbli, il-proposti pendenti tal-Kummissjoni dwar is-servizzi finanzjarji għandhom jiġu adottati malajr, u b’hekk jiġi evitat dewmien fid-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni rilevanti.

3.  Jenfasizza l-konvinzjoni profonda tiegħu li l-istabbiltà fis-settur finanzjarju u s-suċċess tar-riformi strutturali kollha huma prekondizzjoni biex tintlaħaq sitwazzjoni ta’ tkabbir ekonomiku sostenibbli u ta’ impjiegi sostenibbli fl-Unjoni Ewropea.

4.  Jenfasizza li wera b’mod ċar ir-rieda u l-abbiltà tiegħu li jindirizza l-proposti tal-Kummissjoni dwar ir-regolament dwar is-servizzi finanzjarji b’mod rapidu u f’perjodi ta’ żmien qosra ħafna, pereżempju fil-kuntest tal-MSU, Solvenza II u r-rieżami tal-MiFID; jistenna li japplika l-istess approċċ kostruttiv u rapidu fir-rigward tal-proposti tal-Kummissjoni li se jsiru dalwaqt;

5.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni taċċellera x-xogħol tagħha fuq dawk l-inizjattivi leġiżlattivi pendenti fil-qasam tas-servizzi finanzjarji li ħabbret tul dawn l-aħħar snin; b’mod partikolari jistieden lill-Kummissjoni tadotta b’urġenza l-proposta tagħha dwar id-Direttiva dwar il-Liġi tat-Titoli li issa hija ttardjata b’aktar minn sentejn, u mill-aktar fis possibbli tressaq ir-reviżjoni pendenti tad-Direttiva dwar is-servizzi ta’ ħlas fis-suq intern; jistieden lill-Kummissjoni tadotta malajr kemm jista’ jkun proposta dwar il-fondi tas-suq monetarju filwaqt li tikkunsidra għalkollox ir-rakkomandazzjonijiet relevanti tal-BERS;

6.  Huwa tal-fehma li, issa li n-negozjati dwar is-CRD IV u l-MSU ġew konklużi, il-proposti għal rieżami komplut tad-Direttiva dwar il-Konglomerati Finanzjarji 2002 għandhom jitressqu mill-Kummissjoni bla dewmien;

7.  Ifakkar fl-impenn tal-Kummissjoni li twettaq, qabel tmiem il-mandat, studju li jkun jikkonsisti f’analiżi tal-kostijiet imqabbla mal-benefiċċji, dwar l-effikaċja u l-proporzjonalità tal-għadd kbir ta’ biċċiet ta’ leġiżlazzjoni li ġew adottati sa mill-bidu tal-kriżi finanzjarja ’l hawn, fejn l-istudju jkun valutazzjoni tal-impatt akkumulattiv tal-leġiżlazzjoni kollha tal-UE dwar is-suq finanzjarju li ġiet proposta, deċiża u implimentata fl-Unjoni sa mill-bidu tal-mandat; jitlob li dan il-proċess jiġi varat mill-aktar fis possibbli; l-istudju għandu jivvaluta wkoll l-impatt tal-fatt li l-Unjoni Bankarja ma ġietx imwettqa għalkollox fl-Istati Membri differenti, inklużi l-effetti fuq id-dejn sovran;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni tadotta mill-aktar fis possibbli, b’mod partikolari, il-proposti tagħha dwar abbozz ta’ regolament li jistabbilixxi Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u dwar is-segwitu għar-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli ta’ Liikanen dwar ir-riforma strutturali bankarja; jenfasizza l-importanza li l-koleġiżlaturi jindirizzaw fil-pront dawn il-proposti li ġejjin skont il-kodeċiżjoni sabiex jippermettu d-dħul fis-seħħ rapidu tal-miżuri rilevanti;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrifletti l-iżviluppi finanzjarji b’mod aktar adegwat fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tagħha, kif mitlub fir-riżoluzzjonijiet tal-Parlament tal-15 ta’ Diċembru 2011[6] u tat-18 ta’ April 2013[7];

10. Iħeġġeġ lill-Kunsill jerġa’ jiftaħ in-negozjati dwar l-SGD, bħala kwistjoni ta’importanza kruċjali u ta’ interess dirett għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll għall-fiduċja fis-sistema finanzjarja u għall-istabbiltà tagħha; jinnota li l-ħtieġa għall-adozzjoni rapida ta’ dik il-proposta ġiet ikkonfermata riċentement mill-kriżi Ċiprijotta; ifakkar li fond uniku Ewropew għall-garanzija tad-depożiti bi skemi ta’ garanzija tad-depożiti li jiffunzjonaw u li jkunu appoġġjati minn livelli xierqa ta’ finanzjament, li allura jsaħħu l-kredibbiltà u l-fiduċja tal-investituri, jista' jkun l-għan aħħari għall-ġejjieni 'l bogħod, ladarba qafas effikaċi ta’ riżoluzzjoni u mekkaniżmu uniku effikaċi ta' superviżjoni jkunu qed jiffunzjonaw; jenfasizza s-sinifikat tagħhom għat-twaqqif xieraq tal-Unjoni Bankarja u għall-ilħuq tal-objettiv ġenerali ta’ swieq finanzjarji stabbli; iqis li l-proposta tal-SGD għandha tiġi adottata b’mod parallel mad-Direttiva li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet tal-kreditu u ditti tal-investiment;

11. Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta’ kapaċità u determinazzjoni min-naħa tal-Kunsill u l-Istati Membri li jilħqu l-ftehimiet meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-impenji pubbliċi li għandhom iwasslu għat-twettiq għalkollox tal-Unjoni Bankarja;

12. Jistieden lill-Kunsill jadotta pożizzjoni dwar l-ICSD mill-aktar fis possibbli, sabiex jippermetti l-bidu tan-negozjati dwar kwistjoni li għandha impatt konkret fuq iċ-ċittadini tal-Unjoni, peress li hu maħsub biex iżid il-protezzjoni tal-investitur individwali;

13. Ifakkar l-impenn tal-G20 li l-kuntratti standardizzati kollha tad-derivattivi over-the-counter (OTC) għandhom jiġu negozjati fuq boroż jew pjattaformi elettroniċi tan-negozjar, fejn hu xieraq, u jiġu kklerjati permezz ta’ kontropartijiet ċentrali sa tmiem l-2012; iħeġġeġ lill-Kunsill, għalhekk, juża ż-żmien li fadal fit-term leġiżlattiv biex jiffinalizza x-xogħol fuq ir-rieżami tal-MiFID, sabiex il-proposti tal-Kummissjoni jkunu jistgħu jiġu adottati qabel l-elezzjonijiet Ewropej f’Mejju 2014;

14. Jistieden lill-Kunsill ikompli l-ħidma tiegħu fuq is-CSDR sabiex jippermetti bidu ta’ malajr tan-negozjati mal-Parlament u l-Kummissjoni bil-għan ta’ implimentazzjoni f’waqtha qabel l-introduzzjoni tat-Target2Securities;

15. Jistieden lill-Kunsill ikompli jagħmel progress b’mod rapidu lejn negozjati mal-Parlament dwar fajls oħra ewlenin ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u tal-investituri li sar vot dwarhom, jew li daqt isir vot dwarhom, mill-kumitat kompetenti tal-Parlament, minbarra r-rieżami tal-MiFID, bħalma huma l-UCITS V u l-IMD II;

16. Jistieden lill-Kunsill biex mill-aktar fis possibbli jasal għal pożizzjoni dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet tal-kreditu u tad-ditti tal-investiment, peress li din hija għodda essenzjali għal-limitar tal-espożizzjoni futura tal-kontribwenti fiskali tal-UE għal fallimenti tal-banek;

17. Jistieden lill-Kunsill jiżgura li hu jkun lest li jikkonkludi malajr in-negozjati mal-Parlament dwar l-Omnibus II/Solvenza II, hekk kif tkun disponibbli l-valutazzjoni tal-impatt, magħmula mill-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol, tad-dispożizzjonijiet għal garanziji fuq żmien twil li ġew diskussi qabel fi trilogu; jitlob l-adozzjoni rapida tal-proposti dwar il-MAD/MAR;

18. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq proposti fi żmien adegwat sabiex jiġu kkunsidrati mill-Parlament fit-term leġiżlattiv attwali, dwar Skemi ta’ Garanzija ta’ Assigurazzjoni u dwar qafas ta’ rkupru u riżoluzzjoni għal istituzzjonijiet finanzjarji minbarra l-banek, inkluż qafas li japplika, tal-anqas, għal gruppi ta’ assigurazzjoni transkonfinali akbar u għal dawk li huma involuti b’mod sinifikanti f’attivitajiet mhux tradizzjonali u mhux ta’ assigurazzjoni;

19. Jitlob lill-Kunsill jiċċara l-kriterji li fuqhom saret l-għażla dwar jekk il-fajls jitkomplewx jew le, u jispjega kif ġew ikkunsidrati l-interdipendenzi ta’ bejn il-fajls;

20. Jitlob lill-Kunsill jispjega u jagħti dettalji dwar kif qed iġib ir-riżorsi meħtieġa u jtejjeb il-faċilità u l-effiċjenza tat-tranżizzjoni minn Presidenza waħda għall-Presidenza li jkun imiss;

21. Jistieden lill-Kunsill – fid-dawl tan-nuqqas ta’ progress fil-gruppi ta’ ħidma tal-Kunsill – jassumi r-responsabbiltà politika tiegħu u jadotta pożizzjonijiet permezz ta’ votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata kif provdut mit-Trattati;

22. Jenfasizza r-responsabbiltà tal-koleġiżlaturi li jieħdu l-azzjonijiet kollha meħtieġa biex jippermettu l-adozzjoni tal-proposti pendenti mill-aktar fis possibbli u, fejn ikun adegwat u fattibbli, qabel it-tmiem tat-term leġiżlattiv attwali;

23. Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

 

[1] ĠU L 319, 5.12.2007, p. 1.
[2] ĠU C 146, 25.5.2013, p. 1.
[3] Testi adottati, P7_TA(2012)0427
[4] ĠU L 326, 8.12.2011, p. 113.
[5] ĠU L 35, 11.2.2003, p. 1.
[6] Testi adottati, P7_TA(2011)0583
[7] Testi adottati, P7_TA(2013)0188