Dokument ta' sessjoni

 

26.6.2013                                                                                                                B7‑0318/2013

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B7–0211/2013

skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar is-Sikurezza fit-toroq 2011-2020 – L-ewwel stadji lejn strateġija dwar korrimenti

( 2013/2670(RSP) )

Brian Simpson

f'isem il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu

 

B7‑0318/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-Sikurezza fit-toroq 2011-2020 – L-ewwel stadji lejn strateġija dwar korrimenti

( 2013/2670(RSP) )

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu dwar is-Sikurezza fit-toroq 2011-2020 tas-27 ta' Settembru 2011[1],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2011 dwar il-“Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti”[2],

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjni tal-Kummissjoni “Lejn Żona Ewropea ta' sikurezza tat-triq: orjentazzjonijiet ta' politika dwar is-sikurezza tat-triq 2011-2020” ( COM(2010)0389 ),

–   wara li kkunsidra d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni ‘On the Implementation of objective 6 of the European Commission’s policy orientations on road safety 2011-2020 – First milestone towards an injury strategy’ (Dwar l-implimentazzjoni tal-objettiv 6 tal-orjentazzjonijiet ta’ politika tal-Kummissjoni Ewropea dwar is-Sikurezza tat-triq 2011-2020 – L-ewwel stadju lejn strateġija dwar korrimenti) (SDW(2013)0094),

–   wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni bl-isem “L-implimentazzjoni tal-orjentazzjonijiet ta’ politika għas-sikurezza tat-triq 2011-2020” (CdR 296/2010),

–   wara li kkunsidra l-“World report on road traffic injury prevention” (Rapport dinji dwar il-prevenzjoni tal-korrimenti tat-traffiku” ippubblikat b’mod konġunt fl-2004 mill-Bank Dinji u l-WHO,

–   wara li kkunsidra r-rapport tiegħu tat-22 ta' Ġunju 2012 dwar l-eCall: servizz ġdid "112" għaċ-ċittadini[3],

–   wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar “is-Sikurezza fit-toroq 2011-2020 – L-ewwel stadji lejn strateġija dwar korrimenti”( O-000061/2013 – B7‑0211/2013 ),

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi fl-2011 aktar minn 30 000 ruħ inqatlu u aktar minn 1 500 000 ruħ ġew irrappurtati li korrew (aktar minn 250 000 minnhom b’korrimenti gravi) f’inċidenti tat-traffiku ġewwa l-Unjoni Ewropea;

B.  billi għal kull inċident fatali, jseħħu erba’ oħra li jwasslu għal diżabilitajiet permanenti, 40 li jikkawżaw korrimenti ħfief u 10 li jikkawżaw korrimenti gravi;

C. billi aktar minn nofs il-korrimenti ħfief jokkorru f’żoni urbani, u jaffettwaw b’mod speċjali lil persuni li jkunu mexjin, rekbin il-muturi, ċiklisti (inklużi dawk rekbin fuq roti b’mutur elettriku) u utenti vulnerabbli oħra tat-toroq;

D. billi l-kawżi maġġuri li jħallu vittmi tal-inċidenti tat-triq u korrimenti gravi huma l-falliment tat-tagħmir, id-disinn tat-toroq,il-manutenzjoni ħażina tat-toroq u l-aġir tas-sewwieqa, inkluż is-sewqan b’veloċitajiet għoljin; billi l-veloċità hija relatata direttament mal-gravità tal-korrimenti, u billi xi Stati Membri qed jikkunsidraw jekk għandhomx jgħollu l-veloċità massima fl-awtostradi tagħhom;

E.  billi l-involviment fl-inċidenti tat-triq huwa wieħed mill-kawżi ewlenin tad-dħul fl-isptarijiet għal ċittadini tal-UE taħt l-età ta’ 45 sena, u billi bosta korrimenti gravi jwasslu għal tbatija tul il-ħajja kollha jew inkella għal diżabilitajiet permanenti;

F.  billi l-ħin li s-servizzi tal-emerġenza jieħdu biex jintervjenu (il-prinċipju tas-“siegħa tad-deheb"), inkluż biex jagħtu l-ewwel għajnuna li ssalva l-ħajjiet, kif ukoll il-kwalità tal-kura, it-tnejn għandhom rwol importanti fis-soppravvivenza fl-inċidenti;

G. billi l-kost soċjoekonomiku tal-inċidenti tat-triq huwa stmat li jilħaq 2 % tal-PDG, jew inkella madwar EUR 250 biljun għall-2012[4];

H. billi l-azzjonijiet Ewropej f’dan ir-rigward qed juru riżultati pożittivi;

1.  Jappoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tagħti prijorità għolja lill-korriment gravi f’ħidma dwar is-sikurezza tat-toroq;

2.  Jilqa’ l-adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ definizzjoni komuni tal-UE ta’ korrimenti gravi, abbażi tal-klassifika tat-trawma li tgawdi aċċettazzjoni internazzjonali u li hija magħrufa bl-isem “Maximum Abbreviated Injury Scale”;

3.  Jistieden lill-Istati Membri biex jimplimentaw bil-ħeffa d-definizzjoni komuni tal-UE ta’ korrimenti gravi tat-traffiku u, fuq dik il-bażi, jiġbru u jirrappurtaw statistika skont il-mezz ta’ trasport, inklużi l-utenti vulnerabbli tat-triq, kif ukoll skont it-tip ta’ infrastruttura tat-triq għall-2014;

4.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, fuq il-bażi tad-data miġbura, tiffissa mira ambizzjuża li l-korrimenti tat-triq tnaqqashom b’40 % tul il-perjodu 2014-2020, u żżomm bħala għan fit-tul l-idea globali ta’ “Viżjoni Żero”;

5.  Jemmen li l-iżvilupp ta’ mekkaniżmu komuni għall-ġbir u r-rappurtar tad-data m’għandux jipprevjeni t-teħid ta’ azzjonijiet urġenti fil-livell tal-UE biex inaqqsu l-għadd ta’ persuni li jisfaw korruti serjament fit-toroq;

6.  Jilqa’ l-prijoritajiet definiti mill-Kummissjoni għall-iżvilupp tal-istrateġija globali tagħha, jiġifieri li tindirizza t-temi tal-impatt tal-ħabtiet, l-istrateġija għall-ġestjoni tal-inċidenti tat-traffiku, is-servizzi tal-ewwel għajnuna u tal-emerġenza u l-proċessi tar-riabilitazzjoni fit-tul, u jitlob l-implimentazzjoni rapida ta’ dawn il-prijoritajiet;

It-tnaqqis bla dewmien tal-korrimenti gravi fit-toroq Ewropej

7.  Jenfasizza li firxa sħiħa ta' atti legali u miżuri eżistenti jridu jiġu implimentati aħjar u bla dewmien biex inaqqsu l-impatt tal-ħabtiet, iqawwu s-sikurezza għall-utenti tat-toroq u jnaqqsu l-korrimenti gravi;

8.  Jitlob li l-Kummissjoni tirrevedi l-leġiżlazzjoni tagħha dwar is-sikurezza attiva u passiva tal-vetturi biex tadattaha għall-aktar progress tekniku reċenti, u ssostni l-implimentazzjoni ta’ teknoloġiji ta’ infurzar abbord il-karozzi;

9.  Jitlob lill-Kummissjoni biex issostni l-iżvilupp ta’ infrastruttura sikura u intelliġenti tat-toroq;

10. Jitlob li l-Kummissjoni tagħti informazzjoni dettaljata dwar kif l-Istati Membri qed jittrasponu d-Direttiva 2011/82/UE li tiffaċilita l-iskambju transkonfinarju ta' informazzjoni fir-rigward ta' reati tat-traffiku relatati mas-sikurezza fit-toroq;

11. Iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha biex jissuktaw bl-isforzi tagħhom fil-ġlieda kontra s-sewqan taħt l-influwenza tal-alkoħol jew tad-drogi u biex jiskambjaw l-aqwa prattiki għall-valutazzjoni u r-riabilitazzjoni ta’ min iwettaq reati tat-traffiku;

Protezzjoni ta' utenti vulnerabbli tat-triq

12. Jinnota li l-persuni li jkunu mexjin u ċ-ċiklisti flimkien jirrappreżentaw 50 % tal-imwiet tat-traffiku kollha fiż-żoni urbani, kif ukoll parti kbira mill-korrimenti gravi;

13. Jappoġġja l-monitoraġġ u l-iżvilupp ulterjuri ta’ standards tekniċi u politiki għall-protezzjoni tal-aktar utenti vulnerabbli tat-toroq – il-persuni mdaħħlin fiż-żmien, it-tfal iż-żgħar, il-persuni b'diżabbiltà u ċ-ċiklisti;

14. Jitlob li l-Kummissjoni tagħti stampa globali taż-żoni urbani b’limitu ta’ veloċità ta’ 30 km fis-siegħa u tal-effetti ta’ dak il-limitu fit-tnaqqis tal-imwiet u tal-korrimenti gravi;

15. Jistieden lill-Istati Membri biex jirriflettu fuq metodi effikaċi u innovattivi għall-infurzar tar-regoli tat-traffiku għall-persuni li jkunu mexjin u għaċ-ċiklisti, li xi drabi jipperikolaw ħajjithom bla ma jindunaw; jisħaq fuq l-importanza ta’ kampanji tal-informazzjoni relatati ma’ aġir sikur u mal-awtoprotezzjoni, kif ukoll ta’ politiki maħsuba biex jippromwovu ċ-ċikliżmu, minħabba li hemm korrelazzjoni qawwija bejn is-sikurezza taċ-ċiklisti fiż-żoni urbani u l-prevalenza taċ-ċikliżmu bħala mezz ta' trasport;

16. Jitlob li l-Kummissjoni tiżviluppa linji gwida dwar is-sikurezza fit-toroq urbani li jistgħu jiġu inklużi fi Pjanijiet tal-Mobbiltà Urbana Sostenibbli (SUMPs), u li tikkunsidra li l-kofinanzjament mill-UE għal proġetti tat-trasport urban torbtu ma’ SUMPs li jinkludu miri ta’ tnaqqis tal-imwiet u l-korrimenti gravi fit-toroq;

It-titjib tal-ewwel għajnuna u tas-servizzi tal-emerġenza

17. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex isostnu n-Numru ta’ Emerġenza Ewropew 112 u jottemperaw ruħhom mar-rekwiżiti li ċ-ċentri li jirċievu t-telefonati marbutin mas-sikurezza pubblika (Public Safety Answering Points, PSAPs) jagħmluhom operattivi sal-2015 u jimplimentaw mill-aktar fis possibbli kampanja ta’ tkattir tal-kuxjenza għall-introduzzjoni tagħhom;

18. Jilqa’ l-proposta tal-Kummmissjoni li, sal-2015, tiżgura t-tħaddim obbligatorju fl-Istati Membri kollha ta’ sistema eCall ibbażata fuq in-numru 112 fil-karozzi kollha ġodda li jirċievu approvazzjoni tat-tip, fil-ħarsien sħiħ tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data;

19. Jitlob li l-Kummissjoni, permezz tal-qies tal-aqwa prattiki fl-Istati Membri, tikkunsidra l-introduzzjoni ta’ “sewqan akkumpanjat” għal minorenni ta’ età akbar;

20. Jistieden lill-Istati Membri biex sistematikament jippromwovu t-taħriġ fl-ewwel għajnuna bħala mod kif iqawwu r-reattività ta’ dawk li jinzertaw fil-madwar meta jseħħ inċident tat-traffiku ħalli jgħinu lill-vittmi qabel ma jaslu s-servizzi tal-emerġenza;

21. Jistieden lill-Istati Membri biex jinkoraġġixxu l-kollaborazzjoni bejn is-servizzi tal-emerġenza u d-disinjaturi tal-vetturi ħalli jiżguraw interventi effikaċi u sikurezza sew għall-ħaddiema tas-salvataġġ kif ukoll għall-korruti;

22. Jistieden lill-Istati Membri biex jinkoraġġixxu l-implimentazzjoni ta’ sistemi tas-saħħa elettronika, u speċjalment l-użu ta’ sistemi tal-Komunikazzjoni Intelliġenti tat-Trasport min-naħa tat-tims tal-emerġenza, inkluż f’vetturi tal-emerġenza;

Kura wara l-inċidenti tat-traffiku u r-riabilitazzzjoni fit-tul

23. Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex fil-politiki tas-saħħa tagħhom jenfasizzaw l-importanza tal-kura wara l-inċidenti tat-traffiku, u biex itejbu l-kura fl-isptarijiet fuq żmien aktar fit-tul, il-kura u r-riabilitazzjoni ta’ wara l-kura fi sptar, inklużi t-trattament tat-trawma u psikoloġiku għal min ikun għadda minn inċident tat-traffiku jew ikun xehdu billi, pereżempju, jipprovdu punti ta’ assistenza biex lil dawn il-persuni jgħinuhom itejbu l-kwalita tal-ħajja tagħhom;

24. Jistieden lill-Istati Membri biex itejbu l-kuxjenza dwar l-impatt ta’ korrimenti serji billi jiżviluppaw rabtiet aktar stretti ma’ miżuri oħra li jkollhom impatt soċjali, bħalma huma l-livelli ta’ ħsara mġarrba, ta’ diżabbiltà u ta’ inkapaċità funzjonali, u biex jiżviluppaw programmi edukattivi dwar is-sikurezza tat-toroq;

25. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

 

 

 

[1] Testi adottati, P7_TA(2011)0408
[2] Testi adottati, P7_TA(2011)0584
[3] Testi adottati, P7_TA(2012)0274
[4] Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni ‘On the Implementation of objective 6 of the European Commission’s policy orientations on road safety 2011-2020 – First milestone towards an injury strategy’ (Dwar l-implimentazzjoni tal-objettiv 6 tal-orjentazzjonijiet ta’ politika tal-Kummissjoni Ewropea dwar is-Sikurezza tat-triq 2011-2020 – L-ewwel stadju lejn strateġija dwar korrimenti),