Dokument ta' sessjoni

 

1.7.2013                                                                                                                  B7‑0334/2013

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar l-Analiżi tal-Presidenza Irlandiża, inkluż il-Ftehim QFP

( 2012/2799(RSP) )

Guy Verhofstadt, Anne E. Jensen, Jan Mulder

f'isem il-Grupp ALDE

 

B7‑0334/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-Analiżi tal-Presidenza Irlandiża, inkluż il-Ftehim QFP

( 2012/2799(RSP) )

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tad-29 ta' Ġunju 2011 u l-proposta emendata tal-Kummissjoni tas-6 ta' Lulju 2012 għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2012 dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali u dwar ir-riżorsi proprji, u tat-13 ta' Marzu 2013 dwar il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-7/8 ta' Frar dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Ottubru 2012 bl-iskop li jinkiseb riżultat pożittiv tal-proċedura ta' approvazzjoni tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali għas-snin 2014-2020,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-7 u t-8 ta' Frar dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali,

–   wara li kkunsidra l-ftehim politiku li ntlaħaq dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali, fis-27 ta' Ġunju 2013 bejn il-President tal-Kunsill u l-President tal-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

1.  Jieħu nota tal-ftehim politiku li ntlaħaq dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-perjodu 2014-2020 bejn il-Kunsill u l-President tal-Parlament Ewropew u jilqa' l-progress li sar s'issa;

2.  Jemmen li l-ftehim li ntlaħaq fis-27 ta' Ġunju jirrappreżenta titjib fuq l-offerti li saru qabel;

3.  Iqis l-elementi ġodda dwar il-flessibilità fuq il-ħlasijiet bħala pass sinifikanti 'l quddiem li se jiżguraw li l-fondi li ma ntefqux se jiġu riallokati matul is-snin kollha u fl-intestaturi kollha;

4.  Se jagħti l-approvazzjoni finali tiegħu għar-Regolament QFP li se ssir votazzjoni dwaru f'Settembru, wara l-eżami finali tiegħu tal-progress, il-kjarifika u l-impenji li ntlaħqu s'issa fir-rigward tal-elementi li ġejjin:

–   In-negozjati dwar il-bażi legali għall-programmi multiannwali għandhom jitlestew minn qabel, u jsiru b'rispett sħiħ għas-setgħat leġiżlattivi tal-Parlament li ngħatawlu permezz tat-Trattat ta' Lisbona;

–   Il-ħlas bil-quddiem ta' fondi għall-politika dwar l-impjieg taż-żgħażagħ u l-politika dwar ir-riċerka hija ta' importanza kbira; madanakollu huwa essenzjali li finanzjament ulterjuri jsir disponibbli wkoll għall-Aġenda Diġitali;

–   Il-Kunsill għandu jiżgura li ebda defiċits ma jitressqu mill-2013 sal-2014; Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi b'urġenza baġit emendatorju ieħor sabiex il-Kunsill ikun jista' japprovah kemm jista' jkun malajr u fi kwalunkwe każ qabel l-approvazzjoni tal-QFP;

–   Il-Parlament li jmiss għandu jkollu reviżjoni ġenerali vinkolanti tal-qafas baġitarju; jitlob, għalhekk, għat-tneħħija tal-kliem "kif xieraq" mir-regolament QFP u jinsisti li din ir-reviżjoni tkopri mhux biss l-infiq – inkluż l-limitu tal-marġni ġenerali għall-pagamenti, li se jitneħħew waqt din ir-reviżjoni – iżda d-dħul ukoll, inklużi proposti leġiżlattivi għar-riforma tas-sistema tar-riżorsi proprji;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, u lill-istituzzjonijiet u lill-korpi l-oħra kkonċernati.