Dokument ta' sessjoni

 

10.9.2013                                                                                                                B7‑0413/2013

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara d-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja

( 2013/2819(RSP) )

Charles Tannock, Geoffrey Van Orden, Nirj Deva, Adam Bielan

f'isem il-Grupp ECR

 

B7‑0413/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja

( 2013/2819(RSP) )

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sirja,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tal-Kunsill Affarijiet Barranin dwar is-Sirja, fosthom dik tat-22 ta' Lulju 2013 li hi l-aktar waħda reċenti,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet preċedenti tar-Rappreżentant Għoli tal-UE/il-Viċi President tal-Kummissjoni dwar is-Sirja,

–   wara li kkusidra r-riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar is-Sirja, b'mod partikolari r-riżoluzzjonijiet 67/262 tal-15 ta' Mejju 2013, 66/253B tat-3 ta' Awwissu 2012, u 66/253 tas-16 ta' Frar 2012,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Mejju 2013 dwar is-sitwazzjoni tar-refuġjati Sirjani fil-pajjiżi tal-viċinat[1],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti 60/1 tal-24 ta' Ottubru 2005, u b'mod partikulari l-paragrafi 138-140 tagħha dwar ir-responsabilità tal-ħarsien tal-popolazzjonijiet mill-ġenoċidji, id-delitti tal-gwerra, it-tindif etniku u d-delitti kontra l-umanità,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra tal-1949 u l-protokolli addizzjonali għalihom,

–   wara li kkunsidra l-Protokoll għall-Projbizzjoni tal-Użu fil-Gwerra ta' Gassijiet Asfissjanti, Velenużi jew Gassijiet Oħra, u ta' Mezzi Batterjoloġiċi, iffirmat f'Ġinevra fis-17 ta' Ġunju 1925,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Projbizzjoni tal-Iżvilupp, il-Produzzjoni u l-Ħażna ta' Armi Batterjoloġiċi (Bijoloġiċi) u Tossiċi u dwar id-Distruzzjoni Tagħhom, iffirmata f'Londra, f'Moska u f'Washington, fl-10 ta' April 1972,

–   wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, il-Konvenzjoni Kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti Oħra, il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Protokoll Fakultattiv tagħha dwar l-Involviment tat-Tfal f'Kunflitti Armati, u l-Konvenzjoni dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt ta' Ġenoċidju, li s-Sirja hija firmatarja tagħhom,

–   wara li kkunsidra r-rapporti tal-4 ta' Ġunju, tat-22 ta' Marzu u tal-5 ta' Frar 2013 tal-Kummissjoni ta’ Inkjesta internazzjonali u indipendenti dwar is-Sirja, stabbilita fit-22 ta' Awwissu 2011 mill-Kunsill tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta dwar “Reazzjoni ġdida għal Viċinat li qed Jinbidel” tal-Kummissjoni Ewropea u tar-Rappreżentant Għoli lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tal-25 ta' Mejju 2011,

–   wara li kkunsidra r-rapport fil-qosor tal-Konferenza Internazzjonali fuq Livell Għoli ta’ Impenji għas-Sirja, li saret fil-Kuwajt fit-30 ta' Jannar 2013,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A. billi l-inkwiet u t-tixrid tad-demm fis-Sirja issa ilu għaddej għal tliet snin sħaħ, mingħajr prospett evidenti immedjat li l-ġlied se jieqaf;

B.  billi l-inkwiet ċivili u r-repressjoni brutali tal-poplu Sirjan mill-awtoritajiet Sirjani wasslu lill-pajjiż fi stat ta' gwerra ċivili b'riskju li toħloq kunflitt reġjonali aktar mifrux;

C. billi aktar minn 100 000 ċittadin Sirjan inqatlu minn mindu beda l-ġlied;

D.  billi n-numru totali ta' rifuġjati Sirjani issa ġie stmat għal aktar minn żewġ miljun ruħ, b'aktar minn erba' miljun ċittadin Sirjan spostat;

E.  billi l-President Assad kompla jinjora l-għadd kbir ta' sejħiet mill-komunità internazzjonali biex itemm il-vjolenza tal-waħx fis-Sirja;

F.  billi l-vjolenza estrema, bħall-użu tal-artillerija ta' kalibru kbir u l-bumbardamenti fuq żoni popolati, u l-qtil orribbli mill-armata Sirjana u l-forzi tas-sigurtà u l-ġellieda Shabiha, kif ukoll minn diversi forzi tal-oppożizzjoni, baqgħet tiżdied;

G. billi twettqu diversi massakri u qtil ("point-blank") immirat lejn il-massa, ta' rġiel, nisa u tfal;

H. billi l-użu tat-tortura, l-arresti tal-massa u l-qerda mifruxa ta' żoni popolati eskalaw drammatikament fix-xhur li għaddew;

I.   billi l-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Rifjuġati sostna li l-kunflitt tas-Sirja huwa ħafna aktar minn kriżi umanitarja u li hemm ir-riskju li jinxtered madwar ir-reġjun u li jispiċċa f'diżastru politiku, ta' sigurtà u umanitarju li se jegħleb għalkollox il-kapaċità ta' reazzjoni internazzjonali;

J.   billi kuljum eluf ta' Sirjani qed jaħarbu mill-ġlied lejn il-pajjiżi tal-viċinat biex ifitxxu sikurezza u protezzjoni, iżda xorta jsibu ruħhom f'qagħda vulnerabbli fil-kampijiet tar-rifuġjati;

K. billi t-tliet pajjiżi li ntlaqtu b'mod l-aktar drammatiku mill-kunflitt u mill-fluss ta' rifuġjati huma l-Libanu, il-Ġordan u t-Turkija;

L.  billi fil-21 ta' Awwissu 2013 il-Lvant ta' Ghouta ġie bbumbardjat, fejn ir-residenti rrapportaw sintomi immedjati fosthom konvulżjonijiet, fgar u nuqqas ta' kontroll muskolari minħabba l-użu ta' armi kimiċi;

M. billi skont rapporti li wasslu l-attakk ħalla 1 300 persuna mejta, fosthom 400 tifel u tifla, u mijiet oħra midruba, f'żona li diġà kienet ġiet ibbumbardjata mill-forzi tar-reġim fuq bażi ta' kuljum, bir-riżultat li huwa impossibli li wieħed jipprovdi anki l-bżonnijiet l-aktar bażiċi għall-għajxien għal mijiet ta' eluf ta' residenti, kif ġie rapportat miċ-Ċentru għad-Dokumentazzjoni tal-Ksur fis-Sirja;

N. billi għadd ta' rapporti indipendenti jikkonfermaw l-użu ta' armi kimiċi fl-attakk fil-Lvant ta' Ghouta;

O. billi l-użu tal-armi kimiċi huwa reat tal-gwerra proskritt taħt il-Protokoll ta' Ġinevra u l-Istatut tal-Qorti Kriminali Internazzjonali;

P.  billi għalkemm is-Sirja hija wieħed fost qabda pajjiżi li għadhom ma ffirmawx il-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Armi Kimiċi, wieħed jista' jargumenta li d-dispożizzjonijiet tal-konvenzjoni japplikaw xorta waħda skont id-dritt konswetudinarju internazzjonali;

Q. billi t-tim ta' spetturi tal-armi min-NU qattgħu erbat ijiem fis-Sirja jinvestigaw l-użu ta' armi kimiċi fil-21 ta' Awwissu 2013 fil-Lvant ta' Ghouta, b'mandat biex jevalwaw jekk l-armi kimiċi ntużawx iżda mhux min setgħu kienu dawk li użawhom;

R.  billi fis-27 ta' Awwissu 2013, il-Lega Għarbija ħarġet dikjarazzjoni li tikkundanna r-reġim Sirjan u akkużat lill-President Assad b'ġenoċidju, fejn iddikjarat, bl-uża ta' kliem eċezzjonalment iebes, li r-reġim huwa "responsabbli bis-sħiħ għar-reat orribbli" u talab li "dawk kollha responsabbli għal dan ir-reat tal-biża' jitressqu quddiem qorti internazzajonali";

S.  billi fit-30 ta' Awwissu 2013, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU naqas milli jiftiehem dwar il-miżuri neċessarji ta' intervent kontra l-ksur min-naħa ta' President Assad tar-regoli internazzjonali matul il-kriżi Sirjana;

T.  billi r-riżoluzzjoni tal-Parlament tad-18 ta' Diċembru 2008 dwar l-iżvilupp tal-perspettivi għall-bini tal-paċi u għall-bini tan-nazzjon f'sitwazzjonijiet wara xi kunflitt[2] tiddikkjara b'mod ċar dan li ġej: "jenfasizza li “r-Responsabiltà għall-Protezzjoni” għandha tiġi kkunsidrata bħala mezz ta’ promozzjoni tas-sigurtà umana; billi jenfasizza li r-responsabilità primarja għall-prevenzjoni tal-ġenoċidji, id-delitti tal-gwerra, it-tindif etniku u d-delitti kontra l-umanità fir-rigward ta' popolazzjoni hija tal-istat innifsu, isaħħaħ ir-responsabilità ta' kull gvern lejn il-protezzjoni taċ-ċittadini tiegħu; iqis, madankollu, li meta l-gvernijiet mhumiex kapaċi jew ma jurux rieda li jipprovdu din il-protezzjoni r-responsabilità li tittieħed azzjoni xierqa ssir ir-responsabilità kollettiva tal-komunità internazzjonali iktar wiesgħa; jinnota wkoll li din l-azzjoni għandha tkun preventiva apparti reattiva, u għandha tinvolvi l-użu ta' pressjoni b'qawwa militari biss bħala l-aħħar mezz assolut”;

1.  Jiddeplora l-vjolenza, l-intimidazzjoni u t-tortura mwettqa kontra rġiel, nisa u tfal minn dawk involuti fil-kunflitt intern fis-Sirja;

2.  Jikkundanna bl-aktar mod qawwi l-qtil tal-massa ta' ċittadini bl-użu ta' armi kimiċi fil-21 ta' Awwissu 2013; jinnota bi tħassib kbir li dan huwa l-akbar qtil tal-massa bl-użu ta' armi kimiċi minn mindu l-forzi ta' Saddam Hussein wettqu attakki li qatlu madwar 5 000 Kurd Iraqi f'Halabja, fit-Tramuntana tal-Iraq fl-1988; jenfasizza li l-użu ta' armi kimiċi huwa illegali skont id-dritt internazzjonali, li kwalunke ksur għandu jġorr konsegwenzi serji, u li s-Sirja hija pajjiż fost għadd żgħir ħafna ta' pajjiżi mhux firmatarji tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Armi Kimiċi, iżda li ffirmat il-Protokoll ta' Ġinevra tal-1925 li jipprojbixxi l-użu tal-armi kimiċi;

3.  Jemmen li l-użu tal-armi kimiċi, li flimkien mal-armi nukleari u l-armi bijoloġiċi jitqiesu bħala armi għad-distruzzjoni tal-massa (WMD), ma jistax jibqa' jiġi injorat u li l-komunità internazjonali għandha, idealment f'ħidma taħt l-awspiċji tan-NU, tqis l-għażliet kollha skont id-dritt internazzjonali fir-rigward tar-reazzjoni tagħha fil-konfront tal-attakki li seħħew fil-21 ta' Awwissu;

4.  Jemmen li l-komunità internazzjonali għandha dmir morali li tirreaġixxi biex tipproteġi l-popolazzjoni ċivili u tevita kwalunkwe riskju li l-armi kimiċi jew WMD oħra jerġgħu jintużaw fil-kunflitt;

5.  Jistieden lin-NU twettaq, kemm jista' jkun malajr, investigazzjoni bir-reqqa tal-qtil tal-massa fis-Sirja tal-21 ta' Awwissu 2013 u tivvaluta r-responsabbilitajiet;

6.  Jiddispjaċih li l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU naqas milli jieħu azzjoni fil-konfront tal-kriżi Sirjana;

7.  Iħeġġeġ lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jindirizza l-qtil tal-massa fis-Sirja u l-kontravenzjoni tal-konvenzjonijiet internazzjonali abbażi tal-konklużjonijiet tal-bord ta' esperti tan-NU u jieħu azzjoni b'urġenza kontra l-użu tal-armi kimiċi fis-Sirja;

8.  Jistieden, b'mod partikolari, lir-Russja u liċ-Ċina, bħala membri permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, biex jaffrontaw ir-responsabbiltà tagħhom, u jiffaċilitaw il-ksib ta' pożizzjoni komuni u s-sejba ta' soluzzjoni għall-kriżi Sirjana; jiddeplora l-użu ripetut tal-veto mir-Russja u ċ-Ċina bħala membri permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU fir-rigward tas-sitwazzjoni Sirjana, li qed jostakola lill-komunità internazzjonali milli timponi l-paċi u s-sigurtà fir-reġjun kif tesiġi l-Karta tal-NU;

9.  Jinnota d-dikjarazzjoni mil-Lega Għarbija tas-27 ta' Awwissu 2013 li titlob li l-komunità internazzjonali kif rappreżentata fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU "tegħleb muqqas ta' ftehim intern u tieħu azzjoni kontra dawk li wettqu dan ir-reat, li għalih ir-reġim Sirjan huwa responsabbli";

10. Jenfasizza li s-sitwazzjoni fis-Sirja tesiġi approċċ koerenti u unit min-naħa tal-alleati tan-NATO, mill-Istati Membri tal-UE u mill-komunità internazzjonali aktar wiesgħa; jistieden, għalhekk, lill-UE u lill-Istati Membri jivvalutaw x'miżuri l-Unjoni tista' tadotta biex tappoġġa l-forzi demokratiċi fl-oppożizzjoni Sirjana, tiffaċilita d-djalogu u approċċ komuni ma' atturi internazzjonali oħra, inkluża l-Lega Għarbija, u tipprovdi għajnuna umanitarja ulterjuri lill-poplu fis-Sirja u fil-pajjiżi tal-viċinat;

11. Jistieden lill-komunità internazzjonali u lill-atturi kollha involuti fil-kunflitt Sirjan biex jattendu l-konferenza Ġinevra II b'rieda komuni li tiġi assigurata soluzzjoni politika għall-ġlied fis-Sirja; ikompli jħeġġeġ lill-komunità internazzjonali biex timpenja ruħha fi ppjanar konkret għal tranżizzjoni demokratika fis-Sirja wara t-tneħħija mill-poter tal-President Assad;

12. Jitlob li l-istabbiliment ta' kummissjoni internazzjonali ta' inkjesta, tingħata aċċess, flimkien mal-ispetturi tal-armi tan-NU, mhux biss biex tiddokumenta u tivverifka l-użu speċifiku tal-armi kimiċi iżda biex tistabbilixxi wkoll il-partijiet responsabbli għall-użu kriminali ta' dawn l-armi kimiċi;

13. Jitlob il-prosekuzzjoni ta' dawk responsabbli għal reati kontra l-unamità u għal ksur mifrux, sistematiku u fuq skala kbira tad-drittijiet tal-bniedem, u jitlob li dawk il-persuni jitressqu mill-Kusill tas-Sigurtà tan-NU quddiem l-Uffiċċju tal-Prosekutur biex jinbdew proċedimenti kriminali kontrihom fil-Qorti Kriminali Internazzjonali fl-Aja wara li ssir investigazzjoni;

14. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-kriżi umanitarja li għaddejja fis-Sirja u l-implikazzjonijiet għall-pajjiżi tal-viċinat; jinsab imħasseb ukoll dwar il-fatt li l-eżodu tar-rifuġjati mis-Sirja baqa' jaċċelera;

15. Jiddispaċih li matul is-summit riċenti tal-G20 f'f’San Pietruburgu ma ntlaħaqx ftehim dwar reazzjoni internazzjonali fil-konfront tal-attakk fis-Sirja tal-21  ta' Awwissu, li kien jinvolvi l-użu ta' armi kimiċi;

16. Jappoġġa r-reazzjoni tal-gvernijiet tal-pajjiżi tal-viċinat, b'mod partikolari tat-Turkija u l-Libanu, li pprovdew appoġġ umanitarju lir-rifjuġati Sirjani; jirrikonoxxi li l-għoti ta' dan l-appoġġ xeħet pressjoni addizzjonali fuq is-servizzi u l-baġits eżistenti f'dawk il-pajjiżi; jistieden lill-komunità internazzjonali tappoġġa lil dawk il-pajjiżi milquta;

17. Jikkondividi t-tħassib li tqajjem mis-Sotto-Segretarju Ġenerali tan-NU għall-Affarijiet Umanitarji u l-Koordinatur tas-Sokkors ta' Emerġenza li ċ-ċittadini komuni qegħdin ibagħtu l-konsegwenzi minħabba li l-kunflitt naqas milli jiġi mitmum u li sal-lum il-ġurnata kien il-kaġun ta' 2 miljun rifjuġat u mitt elf persuna mejta;

18. Jinnota li l-President Assad, bħala l-kap kostituzzjonali u legali tal-istat Sirjan, għandu r-responsabilità aħħarija għall-azzjonijiet kollha meħuda mill-forzi armati tas-Sirja; iħeġġeġ lill-President Assad jirrikonoxxi ċ-ċaħda tar-reġim tiegħu mill-poplu Sirjan u jċedi l-poter fl-aħjar interessi ta' pajjiżu u tal-għaqda tal-poplu tiegħu;

19. Jitlob lil dawk kollha fis-Sirja jikkonformaw mal-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija u jimpenjaw ruħhom mal-komunità internazzjonali biex iġibu l-kunflitt fi tmiem paċifiku;

20. Jirrikonoxxi l-ħtieġa urġenti li l-isforzi internazzjonali u reġjonali jkunu ffukati sabiex tissolva l-kriżi Sirjana; jibqa' jħeġġeġ lill-membri kollha tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (UNSC) biex ikomplu jħaddnu r-responsabilitajiet tagħhom fir-rigward tal-kriżi Sirjana; iħeġġeġ lill-pajjiżi kollha attivi fil-promozzjoni ta' soluzzjoni għall-kriżi sabiex jappoġġaw dawn l-isforzi; jemmen li dan il-proċess għandu jkun ibbażat fuq il-prinċipji inklużi fid-dikjarazzjoni ta' Ġinevra tat-30 ta' Ġunju 2012 u fuq ir-Riżoluzzjoni 2042 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;

21. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tal-Lega Għarbija, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika Għarbija tas-Sirja, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-pajjiżi ġirien tas-Sirja.

[1] Testi adottati, P7_TA(2013)0223
[2] ĠU C 45 E, 23.2.2010, p. 74.