Dokument ta' sessjoni
13.11.2013 B7‑0492/2013
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar dwar is-sitwazzjoni attwali tal-Aġenda ta' Doha għall-Iżvilupp u l-preparamenti għad-Disa' Konferenza Ministerjali tad-WTO
( 2013/2740(RSP) )
Franziska Keller, Eva Joly, Judith Sargentini
f'isem il-Grupp Verts/ALE
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar dwar is-sitwazzjoni attwali tal-Aġenda ta' Doha għall-Iżvilupp u l-preparamenti għad-Disa' Konferenza Ministerjali tad-WTO
( 2013/2740(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Ministerjali ta' Doha tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) tal-14 ta' Novembru 2001,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Ministerjali ta' Ħong Kong tad-WTO tat-18 ta' Diċembru 2005,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' April 2006 dwar il-valutazzjoni tar-Rawnd ta' Doha wara l-Konferenza Ministerjali ta' Ħong Kong tad-WTO[1],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' April 2008 bl-isem ‘Lejn Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ riformata’[2],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Aġenda ta' Doha għall-Iżvilupp (DDA), u partikolarment dawk tad-9 ta' Ottubru 2008[3], tas-16 ta' Diċembru 2009[4] u tal-14 ta' Settembru 2011[5],
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni adottata fit-29 ta' Mejju 2013 fit-28 sessjoni tal-Kumitat ta' Tmexxija tal-Konferenza Parlamentari dwar id-WTO,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet formulati fil-laqgħat informali tal-Kumitat tan-Negozjati Kummerċjali tal-11 ta' April u tat-3 ta' Ġunju 2013 u fil-laqgħa formali tal-Kumitat tan-Negozjati Kummerċjali tat-22 ta' Lulju 2013,
– wara li kkunsidra l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millenju tan-Nazzjonijiet Uniti,
– wara li kkunsidra r-Raba' Eżami Globali tal-Għajnuna għall-Kummerċ li sar mit-8 sal-10 ta' Lulju 2013,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi r-Rawnd ta' Doha tnieda fl-2001 bl-objettiv li jindirizza l-iżbilanċi kurrenti fis-sistema kummerċjali billi jpoġġi l-ħtiġijiet u l-interessi tal-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp u speċjalment tal-pajjiżi l-anqas żviluppati fil-qalba tan-negozjati;
B. billi l-UE dejjem sostniet formalment approċċ qawwi għall-kummerċ bbażat fuq regoli multilaterali, filwaqt li fil-fatt kienet ilha timmina dan l-objettiv mill-2007 billi adottat approċċi kumplimentari bħal ftehimiet bilaterali, reġjonali u plurilaterali, li ddevjaw l-attenzjoni politika mill-arena multilaterali u kellhom impatt negattiv fuq is-sostenn għas-sistema multilaterali, irrispettivament mill-fatt li l-approċċi kumplimentari huma formalment konformi mad-WTO;
C. billi l-iżviluppi globali fl-ambitu kummerċjali mill-2001, b'mod partikolari ta' setgħat kummerċjali ġodda bħaċ-Ċina u l-Brażil, ikkumplikaw aktar it-tisjib ta' kompromessi fir-Rawnd ta' Doha fid-dawl ta' relazzjonijiet kummerċjali globali aktar ġusti fl-interess ta' żvilupp sostenibbli;
D. billi mill-bidu tan-negozjati dwar id-DDA kien hemm nuqqas ta’ ftehim fundamentali bejn il-parteċipanti dwar il-miri tar-Rawnd, inkluż meta d-delegazzjonijiet Afrikani kienu telqu ’l barra mil-Laqgħa Ministerjali tad-WTO fl-2003, li wassal għal impass mill-aħħar ta’ Lulju 2008;
E. billi kien hemm diversi tentattivi u inizjattivi mingħajr suċċess f'dawn l-aħħar snin immirati biex tingħata l-ispinta tant bżonnjuża lill-Aġenda ta' Doha għall-Iżvilupp f'fażi ta' stall;
F. billi l-prospetti li d-Disa' Konferenza Ministerjali tad-WTO li se ssir l-Indonesja bejn it-3 u s-6 ta' Diċembru 2013 se tippromwovi b'mod sinifikanti l-għanijiet oriġinali tal-Aġenda ta' Doha jibqgħu skarsi, u dan jindika l-ħtieġa ta' riforma kompleta tas-sistema kummerċjali multilaterali;
1. Itenni s-sostenn sħiħ tiegħu għall-valur sostenibbli tal-multilateriżmu, iżda jappoġġa riforma strutturali tad-WTO, li hemm bżonnha sabiex tiġi garantita sistema kummerċjali ekwa bbażata fuq regoli komuni li jieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi dejjem aktar diversifikati tal-pajjiżi u l-gruppi soċjali differenti u tan-neċessità kbira li jiġu indirizzati l-isfidi globali tat-tibdil fil-klima, il-faqar, l-inklużjoni soċjali, l-inugwaljanza bejn is-sessi u l-migrazzjoni;
2. Jisħaq fuq il-fatt li l-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp, u speċifikament il-pajjiżi l-anqas żviluppati, għandhom ikunu involuti b'mod sħiħ fin-negozjati dwar ir-riżultati possibbli tad-Disa' Konferenza Ministerjali sabiex jiġu żgurati kunsens u sjieda; iħeġġeġ lill-UE biex tikkontribwixxi għal soluzzjoni sodisfaċenti fl-erba’ oqsma ta’ tħassib tal-pajjiżi l-anqas żviluppati, b'mod partikolari: (a) l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni dwar l-aċċess għas-suq mingħajr dazju u mingħajr kwoti (id-Deċiżjoni DFQF) meħuda mill-Membri tad-WTO fil-Konferenza Ministerjali ta’ Ħong Kong fl-2005; (b) ir-regoli preferenzjali tal-oriġini; (c) il-qoton; u (d) l-applikazzjoni tad-deroga għas-servizzi għall-pajjiżi l-anqas żviluppati;
3. Itenni l-ħtieġa imperattiva biex jiġi żgurat li l-prinċipju ta' trattament speċjali u differenzjat (SDT) jikkostitwixxi parti integrali tal-livelli kollha tan-negozjati, li jirrifletti d-diversi livelli ta' żvilupp ekonomiku tal-membri tad-WTO kif stabbilit fil-paragrafu 44 tad-Dikjarazzjoni Ministerjali ta' Doha; jikkunsidra li d-dispożizzjonijiet SDT sinifikanti għandhom isiru aktar preċiżi, suġġetti għal rieżamijiet perjodiċi u mmirati;
4. Jiġbed l-attenzjoni tar-Raba' Reviżjoni Globali tal-Għajnuna għall-Kummerċ, li saret f'Lulju 2013 f'Ġinevra li fiha l-parteċipanti identifikaw ir-restrizzjonijiet ta' natura kummerċjali li jipprevjenu lill-impriżi tal-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp milli jaqbdu mal-katini tal-valur jew jitilgħu f’pożizzjonijiet aqwa fihom, inklużi skemi ta’ żidiet fit-tariffi fis-swieq tal-esportazzjoni u aċċess inadegwat għall-finanzjament tal-kummerċ;
5. Iqis li ftehim vinkolanti dwar il-faċilitazzjoni tal-kummerċ – bħala l-aspirazzjoni ewlenija tad-Disa' Konfernza Ministerjali – għandu jipprovdi għall-perjodi ta' integrazzjoni differenzjati u jkun akkompanjat bi ftehim vinkolanti dwar il-finanzjament tal-bini ta' kapaċità u tal-assistenza teknika għall-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp;
6. Jirrikonoxxi l-importanza tas-settur agrikolu fil-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp u japprova l-proposti li saru mill-grupp ta’ pajjiżi G33 dwar il-kwistjoni tas-sigurtà tal-ikel; huwa tal-fehma, b’mod partikolari, li l-bdiewa żgħar għandu jkollhom id-dritt li jużaw il-produzzjoni tagħhom biex joħolqu stokkijiet għal skopijiet tas-sigurtà tal-ikel, li jeħtieġ l-użu ta’ sussidji; jemmen li l-UE għandha ssostni l-miżuri li jerġgħu jġibu għal dak li kienu l-istokkijiet tal-ikel għall-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp insegwitu tal-ispekulazzjoni dannuża u l-volatilità tal-prezzijiet f'dawn l-aħħar snin; ifakkar li, f'dan ir-rigward, l-UE għandha tiggarantixxi koerenza bejn id-diversi politiki tagħha kif stabbiliti b'mod partikolari fl-Artikoli 207 u 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFEU), jiġifieri l-politika ta' żvilupp, il-politika agrikola komuni u l-politika kummerċjali komuni, filwaqt li tqis l-ħtiġijiet u t-tħassib kemm tal-Istati Membri tagħha kif ukoll dawk tal-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp; ifakkar li s-sussidji Ewropej għall-esportazzjoni agrikola jxekklu l-iżvilupp agrikolu ta’ pajjiżi foqra billi jiġġeneraw kompetizzjoni żleali mal-agrikoltura lokali tagħhom;
7. Ifakkar l-importanza li jiġu sodisfati l-impenji li saru mill-pajjiżi żviluppati fil-Konferenza Ministerjali ta’ Ħong Kong fl-2005, li jirriflettu l-prijoritajiet għall-pajjiż l-anqas żviluppati, b’mod partikolari l-hekk imsejħa ‘Deċiżjoni 2005’ li jiġi pprovdut aċċess għas-suq mingħajr dazju u mingħajr kwoti (DFQF) fuq bażi dewwiema għall-prodotti kollha li joriġinaw mill-pajjiżi l-anqas żviluppati u l-impenn biex jiġu eliminati gradwalment is-sussidji għall-esportazzjoni agrikola sal-2013; ifakkar ukoll, f’dan ir-rigward, l-impenn tal-2004 li jiġu eliminati gradwalment is-sussidji nazzjonali fuq il-produzzjoni tal-qoton;
8. Jitlob lill-pajjiżi żviluppati u l-ekonomiji emerġenti biex isegwu l-eżempju tal-inizjattiva tal-UE "Kollox ħlief armi", li toffri lill-pajjiżi l-anqas żviluppati 100 % aċċess għas-suq mingħajr dazju u mingħajr kwoti, u tiżgura li d-deroga għas-servizzi għall-pajjiżi l-anqas żviluppati tiġi implimentata;
9. Jirrimarka li l-pajjiżi l-anqas żviluppati ġeneralment ma jkunux kapaċi jieħdu vantaġġ mid-dispożizzjonijiet għal aċċess tas-suq preferenzjali taħt id-Deċiżjoni DFQF peress li r-regoli ta’ oriġini ma jippermettux il-flessibbiltà neċessarja; itenni li, meta jipprovdu aċċess għas-suq mingħajr dazju u mingħajr kwoti għall-esportazzjoni tal-pajjiżi l-anqas żviluppati, il-membri tad-WTO għandhom jiżguraw li r-regoli preferenzjali ta’ oriġini applikabbli għall-importazzjonijiet mill-pajjiżi l-anqas żviluppati jkunu trasparenti u sempliċi, u jikkontribwixxu b’mod effikaċi biex jiffaċilitaw l-aċċess għas-suq;
10. Josserva, madankollu, li r-regoli preferenzjali ta’ aċċess għas-suq ma tantx kellhom suċċess għal dak li jikkonċerna t-trawwim tal-esportazzjonijiet u d-diversifikazzjoni ekonomika tal-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp; jirrimarka, b’mod partikolari, li filwaqt li pajjiżi żviluppati impenjaw ruħhom biex jipprovdu aċċess għas-suq mingħajr dazju u mingħajr kwoti għal tal-anqas 97 % tal-prodotti li joriġinaw mill-pajjiżi l-anqas żviluppati, it-3 % li jifdal għandhom it-tendenza li jkopru parti sostanzjali tal-prodotti esportati mill-pajjiżi l-anqas żviluppati, bħat-tessuti u l-ħwejjeġ li fil-każ tagħhom għandhom vantaġġi kompetittivi;
11. Ifakkar li s-sussidji tal-qoton applikati minn pajjiżi żviluppati għandhom impatt negattiv fuq il-produzzjoni tal-qoton fil-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp; huwa tal-fehma li deċiżjoni waqt id-Disa' Konferenza Ministerjali biex jiġu eliminati s-sussidji nazzjonali fuq il-produzzjoni tal-qoton tagħti sinjal li l-aġenda għall-iżvilupp tar-Rawnd ta' Doha għadha tittieħed serjament;
12. Jieħu nota tad-deċiżjoni li jiġu sospiżi n-negozjati dwar l-espansjoni tal-Ftehim dwar it-Teknoloġija tal-Informazzjoni (ITA-2), li kellu jinkludi ġabra ta’ prinċipji dwar l-ostakli nontariffarji u jżid kemm il-firxa tal-prodotti koperti kif ukoll in-numru tal-pajjiżi li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu; jirrakkomanda li l-partijiet parteċipanti kollha jirrikonoxxu s-sensittivitajiet eżistenti għal dak li jikkonċerna l-inklużjoni ta’ prodotti ta’ kontenut diġitali sekondarju, bħal friġġijiet, u li jissoktaw in-negozjati;
13. Jieħu nota tad-dewmien fil-proċess ta' ratifika għall-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi (GPA) rivedut; josserva li ma sar l-ebda progress sinifikanti fit-tlestija tal-proċeduri ta' adeżjoni li għaddejjin bħalissa jew fil-ftuħ ta' oħrajn ġodda, b'mod partikolari fir-rigward ta' ekonomiji emerġenti u pajjiżi fil-fażi ta' żvilupp; jesprimi t-tama tiegħu li l-progress miksub fil-metodi ta' proċess u produzzjoni (PPMs) ambjentali jista' jikkontribwixxi għat-tnedija mill-ġdid tad-dibattitu ġenerali dwar il-PPMs, inkluż fi ħdan il-qafas tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ; jinkoraġġixxi lill-UE tassumi rwol ewlieni fir-rigward tal-programm ta' ħidma dwar l-akkwist sostenibbli taħt il-GPA l-ġdid, inkluż fir-rigward tal-PPMs soċjali u ambjentali;
14. Huwa sodisfatt bid-deċiżjoni pożittiva meħuda f'Ġunju 2013 li tiġi estiża l-eżenzjoni mir-Regoli tal-Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ (TRIPs) għall-pajjiżi l-anqas żviluppati bi tmien snin oħra sal-1 ta' Lulju 2021; jiddeplora, madankollu, il-fatt li l-UE poġġiet lilha nfisha kontra rinunzja inkundizzjonata; huwa tal-opinjoni li l-pajjiżi l-anqas żviluppati għandhom ikunu jistgħu jiddeċiedu huma stess dwar id-disponibilità tagħhom li japplikaw TRIPS u, bħala mod kif jiġi żgurat li s-sistema kummerċjali dinjija ma tadottax approċċ wieħed li jgħodd għal kulħadd iżda pjuttost tqis l-ispeċifiċitajiet ta’ kull pajjiż fil-fażi tal-iżvilupp;
15. Iħeġġeġ lill-membri tad-WTO jappoġġjaw sforzi proattivi biex itejbu l-kooperazzjoni tad-WTO ma' organizzazzjonijiet internazzjonali, partikolarment l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa u n-NU u l-aġenziji u l-korpi tagħha, bħall-Konferenza tan-NU dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp, l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-NU, il-Programm tan-NU għall-Ambjent, il-Programm ta' Żvilupp tan-NU u l-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar il-Bidla fil-Klima, sabiex jiksbu kjarifika dwar ir-relazzjoni bejn ir-regoli tad-WTO u ftehimiet multilaterali, l-istabbiliment ta' ġerarkija ta' regoli bbażati fuq id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, u titjib fil-koerenza politika globali;
16. Jappella għal kunsiderazzjoni kompleta tal-kwistjoni ta' kif l-aħjar jiġu indirizzati preokkupazzjonijiet mhux kummerċjali skont ir-regoli tad-WTO, bil-għan li l-membri tagħha jkunu jistgħu jsegwu objettivi leġittimi ta' politika; jenfasizza li, f'dan ir-rigward, l-isforzi sabiex jiġu adottati u implimentati b'mod effikaċi standards internazzjonali fil-qasam soċjali, tax-xogħol, ambjentali u tad-drittijiet tal-bniedem għandu jkollhom appoġġ sħiħ u li għandha tingħata l-għajnuna meħtieġa lill-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp sabiex ikun possibbli li dawn jilħqu dawn l-istandards;
17. Huwa konvint li wasal iż-żmien għal sforz ta' kunsens mill-membri tad-WTO biex jiddifferenzjaw bejn il-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp sabiex jadottaw miżuri effikaċi intiżi sabiex jibbenefikaw dawk il-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp l-aktar li jeħtieġu, b'mod konformi mal-objettiv iddikjarat fir-Rawnd ta' Doha; iħeġġeġ lill-pajjiżi li qegħdin f'fażi avvanzata ta' żvilupp sabiex jassumu s-sehem tagħhom ta' responsabbiltà fir-Rawd ta' Doha attwali u sabiex jagħtu kontributi li jikkorrispondu mal-livell ta' żvilupp u ta' kompetittività settorjali tagħhom;
18. Huwa tal-fehma li għandha tiġi eżaminata serjament il-kwistjoni tal-kategorizzazzjoni jew is-subkategorizzazzjoni mhux biss tal-pajjiżi fil-fażi ta' żvilupp iżda wkoll tal-pajjiżi l-oħra kollha li huma membri tad-WTO fuq il-bażi ta' kriterji oġġettivi mhux marbuta esklussivament mal-prodott nazzjonali gross, bil-ħsieb li jkun hemm, jekk ikun possibbli, applikazzjoni differenzjata tal-ftehimiet eżistenti jew ta' dawk li qed jiġu negozjati;
19. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jiżguraw li l-Parlament ikun involut mill-qrib fil-preparazzjoni tad-Disa' Konferneza Ministerjali, ikun aġġornat minnufih u, jekk ikun hemm bżonn, ikun ikkonsultat waqt il-Konferenza Ministerjali; jitlob lill-Kummissjoni biex tkompli tħeġġeġ lill-membri l-oħra tad-WTO biex tiżdied l-importanza tad-dimensjoni parlamentari tad-WTO;
20. Jitlob lill-membri tad-WTO biex jiżguraw il-leġittimità demokratika billi tissaħħaħ id-dimensjoni parlamentari tad-WTO; jisħaq fuq il-fatt, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li jkun żgurat li l-parlamentarji jkollhom aċċess aħjar għan-negozjati dwar il-kummerċ u jkunu involutu fil-formulazzjoni u l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tad-WTO, u li l-politiki kummerċjali jkunu skrutinizzati fl-interessi taċ-ċittadini; jitlob, għalhekk, għat-twaqqif ta' delegazzjoni parlamentari Ewropea permanenti għad-WTO;
21. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lid-Direttur Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ.