Dokument ta' sessjoni

 

4.12.2013                                                                                                                B7‑0551/2013

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar l-appell għal impenn vinkolanti u li jitkejjel kontra l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa fl-UE

( 2013/2963(RSP) )

Cornelis de Jong, Willy Meyer, Patrick Le Hyaric, Marie-Christine Vergiat, Nikolaos Chountis, Marisa Matias

f'isem il-Grupp GUE/NGL

 

B7‑0551/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-appell għal impenn vinkolanti u li jitkejjel kontra l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa fl-UE

( 2013/2963(RSP) )

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Diċembru 2012 dwar pjan ta' azzjoni għat-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa ( COM(2012)0722 ),

–   wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Diċembru 2012 dwar il-pjanifikazzjoni fiskali aggressiva[1],

–   wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Diċembru 2012 dwar miżuri maħsuba biex jinkoraġġixxu lill-pajjiżi terzi biex japplikaw standards minimi ta' governanza tajba fi kwistjonijiet tat-taxxa[2],

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Ġunju 2012 dwar mezzi konkreti li jsaħħu l-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa inkluż f'dak li jirrigwarda lil pajjiżi terzi ( COM(2012)0351 ),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Mejju 2013 dwar "Il-ġlieda kontra l-Frodi Fiskali, l-Evażjoni Fiskali u r-Rifuġji Fiskali"[3],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' April 2012 dwar l-appell għal modi konkreti biex jiġu miġġielda l-frodi fiskali u l-evażjoni fiskali[4],

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet u r-rapport tal-ECOFIN lill-Kunsill Ewropew tat-22 ta' Ġunju 2012 dwar kwistjonijiet ta' taxxa,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-ECOFIN tal-14 ta' Mejju 2013 dwar l-evażjoni tat-taxxa u l-frodi tat-taxxa,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Mexxejja tal-G20 maħruġa wara s-Summit ta' San Pietruburgu tal-5 u s-6 ta' Settembru 2013,

–   wara li kkunsidra l-istqarrija maħruġa wara l-laqgħa tal-ministri tal-finanzi tal-G20 u l-gvernaturi tal-banek ċentrali li saret f'Moska fil-15 u s-16 ta' Frar 2013,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) tal-2013 bl-isem "Addressing Base Erosion and Profit Shifting" (L-Indirizzar tal-Erożjoni tal-Bażi u t-Trasferiment tal-Profitt),

–   wara li kkunsidra l-istudju tal-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions dwar l-effetti tal-miżuri ta' awsterità fuq il-funzjonament tal-ispetturi tat-taxxa[5];

–   wara li kkunsidra t-twaqqif ta' grupp ta' ħidma interparlamentari fi ħdan l-OECD,

–   wara li kkunsidra l-istudju tal-OECD bl-isem "Hybrid mismatch arrangements: Tax policy and Compliance Issues" (Arranġamenti Ibridi: Kwistjonijiet ta' Politika tat-Tassazzjoni u Konformità mat-Taxxa),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi huwa stmat li kull sena fl-UE jintilef ammont ta' EUR 1 000 biljun fi dħul mit-taxxa minħabba l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa;

B.  billi t-telf ta' dħul għandu impatt fuq il-livelli tad-defiċit u tad-dejn tal-Istati Membri u jnaqqas l-ammont ta' flus disponibbli favur l-investiment pubbliku, it-tkabbir u l-impjiegi;

C. billi l-biċċa l-kbira tal-frodi tat-taxxa fl-Ewropa hija kkonċentrata fl-attivitajiet ta' kontribwenti kbar;

D. billi l-kobor tal-evażjoni u l-evitar tat-taxxa jdgħajjef il-fiduċja taċ-ċittadini fil-ġustizzja u l-leġittimità tas-sistemi tat-taxxa;

E.  billi l-evażjoni tat-taxxa toħloq kompetizzjoni inġusta għall-SMEs fil-konfront ta' korporazzjonijiet multinazzjonali;

F.  billi miżuri nazzjonali unilaterali f'ħafna każijiet ma kinux effettivi u ma kinux biżżejjed, u b'hekk inħasset il-ħtieġa ta' approċċ koordinat u pluridimensjonali bbażat fuq strateġiji konkreti u miri tanġibbli fil-livell nazzjonali, tal-UE u internazzjonali;

G. billi l-arranġamenti ibridi bejn il-bażijiet tat-taxxa tal-Istati Membri joħolqu lakuni inġusti li jippermettu l-isfruttament tar-reġimi tat-taxxa differenti tagħhom;

 

H. billi għadd ta' Stati Membri naqqsu r-riżorsi finanzjarji allokati għall-aġenżiji tal-ġbir tat-taxxa, u b'hekk naqqsu l-kapaċità u l-effikaċja tal-ispetturi tat-taxxa tagħhom; billi, fit-tul, tnaqqis bħal dan ikun ta' dannu għall-kapaċità tal-Istati Membri li jiġbru t-taxxi u jkollu effett negattiv fuq id-dħul mit-taxxa globali tagħhom;

I.   billi xi Stati Membri għażlu li jżidu taxxi li huma partikolarment dannużi għal dawk bi dħul baxx, bħall-VAT; billi għandha tingħata kunsiderazzjoni xierqa lill-effetti tal-ġbir tat-taxxa fir-rigward ta' ridistribuzzjoni ġusta, u billi ż-żieda fil-ġbir tat-taxxa għandha tirriżulta f'distribuzzjoni soċjalment ġusta sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet ta' setturi kruċjali bħas-saħħa u l-edukazzjoni;

1.  Ifakkar li l-industrija finanzjarja u l-prodotti finanzjarji spekulattivi u kumplessi żżejjed tagħha kkontribwew b'mod sinifikanti għall-kriżi ekonomika li d-dinja qed tħabbat wiċċha magħha; iqis bħala deplorevoli d-dewmien min-naħa tal-mexxejja Ewropej fir-rigward ta' superviżjoni aħjar tas-swieq finanzjarji u tal-atturi involuti fihom; ifakkar li l-movimenti xellugin dejjem eżiġew kontroll pubbliku strett ta' dawn is-swieq u tal-istrumenti tagħhom, u t-teħid ta' miżuri biex jitrażżnu r-rifuġji fiskali, jingħalqu l-lakuni fir-rigward tal-evitar u tiġi miġġielda l-pjanifikazzjoni fiskali aggressiva;

2.  Jinnota d-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni, tal-Kunsill u tal-Istati Membri individwali li juru rieda tajba li jindirizzaw il-kwistjoni tal-evażjoni u l-evitar fl-Ewropa billi jiffukaw fuq l-intensifikar tal-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u l-pjanifikazzjoni fiskali aggressiva; iqis li dawn id-dikjarazzjonijiet messhom ilhom li saru;

3.  Ifakkar fl-appell tiegħu lill-Istati Membri biex jikkommettu ruħhom għal mira ambizzjuża iżda realistika li sal-2020 id-distakk fiskali jitnaqqas tal-inqas bin-nofs;

4.  Iqis li l-politika fiskali jeħtieġ ikollha, bħala l-objettiv primarju tagħha, il-konsolidazzjoni tat-tassazzjoni ġusta fost iċ-ċittadini tal-Istati Membri, u jistieden lill-Istati Membri jqassmu l-ġid b'mod indaqs madwar l-UE billi jiġġieldu l-evażjoni tat-taxxa, jintroduċu taxxi fuq il-ġid, iżidu t-taxxa tad-dħul għal dawk bl-ogħla dħul u jintaxxaw is-settur finanzjarju u l-prodotti finanzjarji spekulattivi tiegħu;

5.  Iqis li l-kompetizzjoni fit-taxxa tmur kontra l-interess fit-tul tal-Istati Membri u tal-UE kollha kemm hi;

6.  Jinsisti li, fil-kriżi attwali, miri vinkolanti u impenn reali għall-ġlieda kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa billi jiġi eliminat id-distakk fiskali jista' jiġġenera żieda ferm bżonnjuża fi dħul mit-taxxi mingħajr ma jogħlew ir-rati tat-taxxa;

7.  Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni li temenda d-Direttiva dwar il-Kumpaniji Prinċipali u s-Sussidjarji sabiex tindirizza l-arranġamenti ibridi b'mod aktar effettiv u ttemm, parzjalment, forom speċifiċi ta' evitar tat-taxxa, iżda jqis li l-proposti ma jmorrux 'il bogħod biżżejjed;

8.  Jitlob li l-mira tal-UE li tnaqqas id-distakk fiskali bin-nofs sal-2020 tkun akkumpanjata minn sett ta' miri speċifiċi dwar it-taxxa għal kull pajjiż u parametri referenzjarji għat-tnaqqis ta' dħul mit-taxxa evitat jew evadut;

9.  Jenfasizza li l-koordinazzjoni u spinta komuni biex jintlaħqu miri konkreti dwar it-taxxa jagħtu sustanza lill-wegħdiet tal-Kunsill li jimpenja ruħu favur il-ġlieda kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa, u jagħmluha wkoll aktar faċli li jintlaħqu miri oħra bħall-istabbiltà fiskali;

10. Itenni l-ħtieġa li tiġi eżaminata mill-ġdid u b'mod kritiku l-proposta għal Bażi Komuni Konsolidata tat-Taxxa Korporattiva (BKKTK), u jilqa' proposti biex il-BKKTK jew issir obbligatorja jew tiġi abbandunata kompletament;

11. Itenni t-talba tiegħu li d-Direttiva dwar l-Imgħax u r-Royalties tiġi riveduta, u anke li l-prezzijiet tat-trasferimenti jiġu indirizzati sabiex titrażżan il-kompetizzjoni fit-taxxa bejn l-Istati Membri;

12. Iqis li l-amnestiji tat-taxxa mhumiex strateġiji xierqa biex jiġu miġġelda l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa b'mod effettiv, u jqis li din hija prattika ħażina li tmur kontra l-interessi tal-Istati Membri u tal-UE;

13. Jistieden lill-Istati Membri jikkooperaw u jkunu trasparenti fir-rigward tar-rieżami tad-Direttiva bejn il-Kumpaniji Prinċipali u s-Sussidjarji;

Kontabilità u amministrazzjoni

14. Iqis li t-tisħiħ tar-regolamentazzjoni u tat-trasparenza fil-konfront tar-reġistri tal-kumpaniji u tar-reġistri tat-trusts huwa prerekwiżit biex tiġi indirizzata l-evażjoni fiskali;

15. Ifakkar li r-rekwiżiti ta' rappurtar pajjiż b'pajjiż għal kumpaniji transkonfinali fis-setturi kollha huma essenzjali sabiex jiġi skopert l-evitar tat-taxxa korporattiv; iħeġġeġ lill-UE tieħu l-inizjattiva f'dan il-qasam għal darb'oħra u tikkommetti ruħha għall-implimentazzjoni sħiħa tar-rappurtar pajjiż b'pajjiż bħala l-istandard internazzjonali għar-rapporti finanzjarji u mhux finanzjarji tal-kumpaniji sal-2015;

16. Jitlob lill-Kummissjoni tassisti lill-Istati Membri fl-identifikazzjoni ta' oqsma li fihom jista' jsir titjib kemm fil-leġiżlazzjoni tal-UE kif ukoll fil-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri sabiex titnaqqas il-frodi tat-taxxa;

17. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw kooperazzjoni u koordinazzjoni mingħajr intoppi bejn is-sistemi tat-taxxa tagħhom biex jevitaw nuqqas ta' ntaxxar mhux intenzjonat, jew evitar u frodi tat-taxxa;

Trattati dwar it-taxxa

18. Jistieden lill-Istati Membri jagħmlu rieżami tat-trattati dwar it-taxxa fis-seħħ bħalissa bejniethom, flimkien ma' trattati bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi, peress li trattati bħal dawn huma strumentali fl-evitar tat-taxxa u jikkumplikaw it-tassazzjoni effettiva tas-sors f'ċerti Stati Membri;

19. Jitlob lill-Kummissjoni tirrapporta dwar il-possibilità ta' koordinazzjoni tal-UE fl-emendar ta' trattati dwar it-taxxa bejn l-Istati Membri biex iġġibhom konformi mal-objettivi tal-Kunsill Ewropew, u b'hekk tirrendi l-evitar tat-taxxa aktar diffiċli;

Inizjattivi oħrajn

20. Jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-aġenziji tat-taxxa pubbliċi jew tal-Istat, iżidu l-għadd ta' spetturi tat-taxxa, jagħmluhom aktar effettivi u jiżguraw l-indipendenza tagħhom; iqis li dan huwa kruċjali sabiex tiġi żgurata tassazzjoni effettiva ta' korporazzjonijiet multinazzjonali u kontribwenti kbar oħrajn;

21. Itenni l-pożizzjoni tiegħu li ż-żieda kontinwa fil-VAT mhux biss hija dubjuża ħafna f'termini ta' ġustizzja, iżda hija wkoll dannuża għall-irkupru ekonomiku; jilqa', għalhekk, it-trasferiment tal-piż tat-taxxa minn fuq il-konsum u x-xogħol għal fuq il-produzzjoni u l-profitt;

22. Jitlob sistema tat-taxxa aktar bilanċjata u aktar ġusta, li jinkludi l-introduzzjoni ta' taxxi fuq il-ġid, sabiex jiġi ffinanzjat irkupru ekonomiku sostenibbli u soċjalment bilanċjat; iqis li r-riformi għandhom jimmiraw għal sistema tat-taxxa li tkun ġusta mil-lat soċjali, tħalli l-qligħ mil-lat ekonomiku, u kompluta u effiċjenti mil-lat amministrattiv;

23. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jipproponu azzjoni konkreta biex jiġu eliminati r-rifuġji fiskali;

24. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-kumpaniji tal-istat ma jinvolvux ruħhom fi prattiki ta' evażjoni u evitar tat-taxxa;

25. Jitlob li l-Membri tal-PE jkunu involuti fl-isforzi tal-OECD biex jitwaqqaf grupp interparlamentari għall-ġlieda kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa;

26. Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

 

[1] ĠU L 338, 12.12.2012, p. 41.
[2] ĠU L 338, 12.12.2012, p. 37.
[3] Testi adottati, P7_TA(2013)0205
[4] ĠU C 258 E, 7.9.2013, p. 53.
[5] http://www.epsu.org/IMG/pdf/LayoutTax_collection_services_report_Final_-_EN.pdf