Dokument ta' sessjoni

 

9.12.2013                                                                                                                B7‑0557/2013

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi-President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar l-eżitu tas-Summit ta' Vilnjus u l-futur tas-Sħubija tal-Lvant, b'mod partikolari fir-rigward tal-Ukraina

( 2013/2983(RSP) )

José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Jacek Saryusz-Wolski, Elmar Brok, Mairead McGuinness, Laima Liucija Andrikienė, Elena Băsescu, Jerzy Buzek, Michael Gahler, Andrzej Grzyb, Gunnar Hökmark, Elisabeth Jeggle, Tunne Kelam, Eduard Kukan, Andrey Kovatchev, Vytautas Landsbergis, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska, Monica Luisa Macovei, Nadezhda Neynsky, Ria Oomen-Ruijten, Alojz Peterle, Andrej Plenković, Bernd Posselt, Cristian Dan Preda, Jacek Protasiewicz, György Schöpflin, Davor Ivo Stier, Inese Vaidere, Paweł Zalewski, Radvilė Morkūnaitė-Mikulėnienė

f'isem il-Grupp PPE

<<<

B7‑0557/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-eżitu tas-Summit ta' Vilnjus u l-futur tas-Sħubija tal-Lvant, b'mod partikolari fir-rigward tal-Ukraina

( 2013/2983(RSP) )

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2013 dwar il-pressjoni mir-Russja fuq il-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant (fil-kuntest tas-Samit tas-Sħubija tal-Lvant li jmiss f’Vilnjus)[1],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2013 dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat: ħidma favur sħubija aktar b'saħħitha. Il-pożizzjoni tal-PE dwar ir-rapporti ta' progress 2012[2],

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Summit tad-29 ta' Novembru 2013, Sħubija tal-Lvant: it-triq 'il quddiem,

–   wara li kkunsidra s-sitwazzjoni li qed tiddeterjora fl-Ukraina li żviluppat bid-deċiżjoni tal-awtoritajiet tal-Ukraina li ma jiffirmawx il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni waqt is-Summit ta' Vilnjus fit-28 u fid-29 ta' Novembru 2013, deċiżjoni li wasslet għal dimostrazzjonijiet kbar mill-poplu b'appoġġ għall-għażla Ewropea tal-Ukraina fl-Euromaidan fi Kiev u fi bliet oħra madwar l-Ukraina kollha, li ntlaqgħu b'forza brutali mill-awtoritajiet u li wasslu għal kriżi politika serja b'riskju ta' soluzzjonijiet qawwija oħra, bħal li jiġi stabbilit stat ta' emerġenza,

–   wara li kkunsidra l-fatt li l-mobilizzazzjoni tas-soċjetà tal-Ukraina diġà kellha l-ewwel effetti konsegwenti tagħha taħt l-għamla tal-ewwel protesti kontra s-sħubija furzata mal-Unjoni Doganali tal-Ewrasja, li saret fit-2 ta' Diċembru 2013 f'Yerevan,

–   wara li kkunsidra l-vot ta' sfiduċja li ma għaddiex kontra l-gvern tal-Prim Ministru Mykola Azarov fil-Verkhovna Rada fit-3 ta' Diċembru 2013,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A. billi s-sitwazzjoni attwali hija dinamika u teħtieġ reazzjoni immedjata, konkreta u deċiżiva min-naħa tal-Unjoni Ewropea,

1.  Jilqa' l-fatt li ġew inizjalati Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni mal-Ġeorġja u l-Moldova li jistabbilixxu aġenda Ewropea ċara għal dawn iż-żewġ pajjiżi, minkejja pressjonijiet qawwija ta' kull xorta biex dan ma jseħħx; jistieden lill-Kummissjoni toffri l-għajnuna neċessarja lill-Moldova u lill-Ġeorġja bil-ħsieb li tgħinhom itemmu l-proċess ta' riforma u jiffirmaw il-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni kemm jista' jkun malajr, imma biss ladarba jintlaħqu l-kundizzjonijiet;

2.  Jiddeplora bil-qawwa d-deċiżjoni tal-awtoritajiet tal-Ukraina, taħt it-tmexxija tal-President Yanukovych, li jirtiraw mill-iffirmar tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni mal-UE matul is-Summit tas-Sħubija tal-Lvant f'Vilnjus, minkejja r-rieda ċara min-naħa tal-UE li tkompli bil-proċess ta' assoċjazzjoni, dment li l-kundizzjonijiet ikunu sodisfatti; iqis li din id-deċiżjoni hija opportunità mitlufa maġġuri fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ukraina, kif ukoll għall-aspirazzjonijiet tal-Ukraina; jirrikonoxxi l-aspirazzjonijiet Ewropej tal-Ukraina, kif espressi fid-dimostrazzjonijiet li għaddejjin fl-Euromaidan fi Kiev u fi bliet oħra madwar l-Ukraina kollha mis-soċjetà ċivili tal-Ukraina, li ma qagħditx lura milli toħroġ beraħ fit-toroq id-diżapprovazzjoni tagħha tad-deċiżjoni tal-President Yanukovych, u jtenni fehmtu li approfondiment tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ukraina u l-fatt li l-Ukraina ġiet offruta perspettiva Ewropea huma ta' sinifikat kbir u fl-interess taż-żewġ partijiet;

3.  Jappella għat-tnedija immedjata ta' missjoni ta' medjazzjoni uffiċjali ġdida u kompletament żviluppata tal-UE/PE fl-ogħla livell politiku, bħal ma kien il-każ fl-2004 matul ir-Rivoluzzjoni Oranġjo, bil-ħsieb li jkun hemm negozjati għall-kisba paċifika tar-rikjesti tas-soċjetà u jkun żgurat proċess liberu u ġust tal-elezzjonijiet parlamentari u presidenzjali;

4.  Itenni l-fehma tiegħu li t-tħassib li tqajjem mill-awtoritajiet tal-Ukraina bħala ġustifikazzjoni għad-deċiżjoni tal-aħħar minuta li jissospendu l-iffirmar tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni seta' ssemma qabel li kieku l-intenzjoni kienet li jiġi indirizzat;

5.  Jenfasizza l-fatt li l-proposta li jiġi ffirmat dan il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni għadha valida u li l-UE tibqa' lesta li tiffirmah, dment li jintlaħqu l-kriterji referenzjarji, kif definiti mill-Kunsill Affarijiet Barranin ta' Diċembru 2012; ifakkar li dan il-ftehim diġà kien inizjalat mill-awtoritajiet Ukraini u li, wara proċess estensiv ta' negozjati li jinvolvu liż-żewġ naħat fuq bażi ugwali, l-UE mhijiex se terġa' tinnegozja l-kontenut kollu;

6.  Itenni li dan il-Ftehim hu kwistjoni ta' tħassib strettament bilaterali bejn iż-żewġ partijiet, u jirrifjuta bil-qawwa kull proposta li tassoċja parti terza fil-proċess;

7.  Jikkundanna bil-qawwi l-użu tal-forza brutali kontra dimostrazzjonijiet paċifiċi kif ukoll l-allegat theddid li jiġi stabbilit stat ta' emerġenza; jenfasizza li tali miżuri b'mod ċar imorru kontra l-prinċipji fundamentali tal-libertà ta' għaqda u tal-espressjoni, u għalhekk, jiksru l-valuri universali u Ewropej; ifakkar li, minħabba l-pożizzjoni tal-Ukraina bħala l-President attwali tal-OSKE, ir-rekord tagħha dwar id-difiża u l-promozzjoni ta' dawn il-valuri qed ikun ħafna aktar taħt skrutinju;

8.  Iqis li huwa dritt inaljenabbli u leġittimu taċ-ċittadini li jesprimu b'mod paċifiku t-tħassib tagħhom għall-futur, u għalhekk jappoġġa lil dawk iċ-ċittadini li jibqgħu iżommu sod għar-ripressjoni brutali u l-provokazzjonijiet;

9.  Jesprimi l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-oppożizzjoni demokratika tal-Ukraina, li saret il-leħen u r-rappreżentanta reali tas-soċjetà tal-Ukraina; jappoġġa l-affermazzjoni tagħha li jkun hemm elezzjonijiet bikrija bil-ħsieb li l-awtoritajiet il-ġodda jkunu mogħnija b'leġittimità demokratika sħiħa għall-konklużjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, ladarba jintlaħqu l-kundizzjonijiet meħtieġa kif stabbiliti formalment mill-Kunsill Affarijiet Barranin tal-10 ta' Diċembru 2012 u appoġġati mir-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-13 ta' Diċembru 2012, hekk kif l-awtoritajiet tal-lum tilfu l-kredibilità kollha billi ħadu deċiżjonijiet li jmorru kontra l-għażla Ewropea tal-poplu tal-Ukraina u wettqu vjolenza kontrihom;

10. Itenni l-kundanna qawwija tiegħu għall-pressjonijiet politiċi u ekonomiċi inaċċettabbli li r-Russja qed tagħmel fuq l-Ukraina, kif ukoll it-theddida ta' sanzjonijiet kummerċjali; jistieden lill-UE flimkien mal-Istati Membri tagħha jiżviluppaw u jimplimentaw politika ta' rispons adegwat u simmetriku fir-rigward tal-għodod u l-miżuri utilizzati mir-Russja kontra l-Imsieħba tal-Lvant;

11. Jafferma mill-ġdid l-appoġġ sħiħ u sod tiegħu għall-aspirazzjonijiet ċari Ewropej tal-Ukraina lejn proċess ta' integrazzjoni, u jesprimi l-prontezza tiegħu li jappoġġa l-iffirmar tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, dment li l-awtoritajiet tal-Ukraina attwali jew ġodda juru prontezza li jqisu r-rieda tas-soċjetà; jistieden lill-istituzzjonijiet kollha tal-UE u lill-Istati Membri juru wkoll appoġġ qawwi simili, li jista' jinkludi, jekk neċessarju u jekk tibqa' għaddejja l-vjolenza kontra ċ-ċittadini, l-impożizzjoni ta' sanzjonijiet fuq l-amministrazzjoni attwali tal-Ukraina;

12. Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jinfetħu aktar għas-soċjetà tal-Ukraina, soċjetà li ma taħtix għall-azzjonijiet tal-awtoritajiet tagħha u li għall-impenn qawwi u kuraġġuż Ewropew tagħha jistħoqqilha li jinfetħu b'mod ġeneruż u b'saħħtu, kull xorta ta' kuntatti u involviment possibbli fl-UE; jistieden liż-żewġ naħat jissodisfaw il-kundizzjonijiet bil-ħsieb li jintlaħaq ftehim malajr għal ċaqliq mingħajr viża, tissaħħaħ il-kooperazzjoni fir-riċerka, jinfetħu aktar l-iskambji fost iż-żgħażagħ u jiżdied in-numru ta' boroż ta' studju disponibbli; jemmen barra minn hekk, li l-UE għandha tkompli bil-parteċipazzjoni tagħha fil-Komunità tal-Enerġija, li għandha twassal għall-inklużjoni sħiħa tal-Ukraina fis-suq intern tal-enerġija tal-UE;

13. Jindika li l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni mhuwiex għan fih innifsu, iżda mezz kif tintlaħaq stabbiltà fuq perjodu ta' żmien twil, progress ekonomiku u trasformazzjoni sostenibbli u sistemika, u li għalhekk jitlob impenn ġenwin lejn l-implimentazzjoni xierqa u immedjata tiegħu; jenfasizza f'dan ir-rigward li l-UE se tkun disposta tiffirma l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni biss jekk ikollha moħħha mistrieħ li dan qed jitħaddem fil-prattika filwaqt li jkun hemm rispett mingħajr kundizzjonijiet għad-drittijiet u l-libertà fundamentali;

14. Jistieden lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u lill-Istati Membri jiżguraw, ladarba jintlaħqu l-kundizzjonijiet, applikazzjoni provviżorja ġeneruża u immedjata tal-Ftehim flimkien ma' appoġġ makroekonomiku applikabbli rapidu u appoġġ mill-UE għal ftehim bejn il-Fond Monetarju Internazzjonali u l-Ukraina;

15. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Ukraina u lill-Assemblej Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa u l-OSKE.

 

[1] Testi adottati, P7_TA(2013)0383
[2] Testi adottati, P7_ TA(2013)0446.