Dokument ta' sessjoni
29.1.2014 B7‑0087/2014
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa skont l-Artikolu 88(2) u (3) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar ir-regolament ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-indikazzjoni tal-pajjiż ta' oriġini jew tal-post ta' provenjenza għal laħam frisk, imkessaħ jew iffriżat tal-majjal, tan-nagħaġ, tal-mogħoż u tat-tjur[1]
Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
Rapporteur: Matthias Groote
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-regolament ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-indikazzjoni tal-pajjiż ta' oriġini jew tal-post ta' provenjenza għal laħam frisk, imkessaħ jew iffriżat tal-majjal, tan-nagħaġ, tal-mogħoż u tat-tjur
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-regolament ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-indikazzjoni tal-pajjiż ta' oriġini jew tal-post ta' provenjenza għal laħam frisk, imkessaħ jew iffriżat tal-majjal, tan-nagħaġ, tal-mogħoż u tat-tjur[2],
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004[3] (ir-"Regolament dwar l-Għoti ta’ Informazzjoni dwar l-Ikel lill-Konsumaturi"), u b'mod partikolari l-Artikoli 7(1) u 26, (2), (8) u (9) tiegħu,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni[4], u b'mod partikolari l-Artikolu 11 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 88(2) u (3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Artikolu 26(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 jirrikjedi t-tikkettar tal-pajjiż ta' oriġini għal laħam li jaqa' taħt il-kodiċijiet tan-Nomenklatura Magħquda (NM) elenkati fl-Anness XI ta' dak ir-Regolament (li jinkludu laħam frisk, imkessaħ jew iffriżat tal-majjal, tan-nagħaġ, tal-mogħoż u tat-tjur);
B. billi l-applikazzjoni tal-Artikolu 26(2) hija soġġetta għall-adozzjoni ta' atti ta' implimentazzjoni skont il-paragrafu (8) ta' dak l-Artikolu, u għalhekk l-introduzzjoni tal-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni inkwistjoni; billi, skont il-Premessa 59 tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011, dawk l-atti ta' implimentazzjoni jistabbilixxu l-mod li bih ikun indikat il-pajjiż ta' oriġini jew il-post ta’ provenjenza għal-laħam imsemmija fl-Artikolu 26(2)(b);
C. billi l-paragrafu 9 tal-Artikolu 26 jirrikjedi li l-Kummissjoni tqis fil-valutazzjoni tal-impatt u r-rapporti tagħha dwar l-applikazzjoni tal-punt (b) tal-paragrafu (2) ta' dak l-Artikolu, inter alia, l-għażliet għall-modalitajiet tal-espressjoni tal-pajjiż ta’ oriġini jew tal-post ta’ provenjenza ta’ dak l-ikel, b'mod partikolari fir-rigward ta’ kull wieħed mill-punti determinanti li ġejjin fil-ħajja tal-annimal: il-post tat-twelid, il-post tat-trobbija u l-post tal-qatla;
D. billi, fil-votazzjoni tiegħu tas-16 ta' Ġunju 2010 dwar ir-Regolament dwar l-Għoti ta' Informazzjoni dwar l-Ikel lill-Konsumaturi, il-Parlament appoġġja t-tikkettar tal-pajjiż ta' oriġini tat-twelid, tat-trobbija u tal-qatla għal-laħam frisk, imkessaħ u ffriżat;
E. billi, skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament dwar l-Għoti ta' Informazzjoni dwar l-Ikel lill-Konsumaturi, l-informazzjoni dwar l-ikel m'għandhiex tkun skorretta fejn jidħlu l-karatteristiċi tal-ikel u, b'mod partikolari, fejn jidħol il-post ta' oriġini jew il-post ta' provenjenza;
F. billi l-indikazzjoni ta' oriġini għal-laħam taċ-ċanga u għall-prodotti tal-laħam taċ-ċanga fl-Unjoni hija obbligatorja wara l-kriżi tal-enċefalopatija sponġiformi bovina (BSE)[5], u r-regoli tal-Unjoni għat-tikkettar tal-laħam taċ-ċanga ilhom fis-seħħ mill-1 ta' Jannar 2002; billi dawn ir-rekwiżiti tat-tikkettar diġà jinkludu l-postijiet tat-twelid, tat-trobbija u tal-qatla;
G. billi r-rekwiżiti msemmija hawn fuq applikabbli għal-laħam taċ-ċanga u għall-prodotti tal-laħam taċ-ċanga żiedu l-aspettattivi tal-konsumaturi rigward l-informazzjoni dwar l-oriġini ta' tipi oħra ta' laħam li huma kkunsmati fuq firxa wiesgħa fl-Unjoni;
H. billi l-Premessa 31 tar-Regolament dwar l-Għoti ta' Informazzjoni dwar l-Ikel lill-Konsumaturi tissottolinja l-fatt li l-oriġini tal-laħam huwa preokkupazzjoni ewlenija għall-konsumaturi, u għalhekk il-konsumaturi jistennew li jkunu informati sew dwar il-pajjiż ta' oriġini tal-laħam; billi studji riċenti u rapporti ta' riċerka dwar il-konsumaturi kkonfermaw dan[6];
I. billi, sabiex il-konsumaturi jingħataw informazzjoni eżatta dwar l-oriġini tal-laħam, l-indikazzjoni tal-postijiet tat-twelid, tat-trobbija u tal-qatla għandha tidher fuq it-tikketta tal-ikel; billi dan jippermetti wkoll li l-konsumaturi jiksbu stampa aktar komprensiva tal-istandards ta' benesseri tal-annimali u tal-impatt ambjentali rigward prodott tal-laħam;
J. billi l-iskandli riċenti dwar l-ikel, inkluża s-sostituzzjoni qarrieqa tal-laħam taż-żiemel flok laħam taċ-ċanga, urew li l-konsumaturi jeħtieġu u jridu regoli aktar stretti dwar it-traċċabbiltà kif ukoll informazzjoni għall-konsumaturi;
K. billi l-applikazzjoni ta' tikketta "UE" jew "mhux tal-UE" għal-laħam ikkapuljat u għall-fdal tal-laħam ma tagħmilx sens u tista' toħloq preċedent mhux mixtieq, b'mod speċjali rigward kwalunkwe tikkettar fil-ġejjieni tal-pajjiż ta' oriġini għal laħam li jintuża bħala ingredjent; billi r-rekwiżiti tat-tikkettar tal-oriġini għal-laħam juru li indikazzjoni aktar preċiża tal-oriġini tal-laħam ikkapuljat u l-fdal tal-laħam hija fattibbli kif ukoll adatta sabiex tiżgura l-informazzjoni għall-konsumaturi u t-traċċabbiltà;
1. Jikkunsidra li r-regolament ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni jaqbeż is-setgħat ta' implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni stipulati fir-Regolament (UE) Nru 1169/2011;
2. Jitlob lill-Kummisjoni tirtira r-regolament ta' implimentazzjoni tagħha;
3. Jitlob lill-Kummissojni tħejji verżjoni riveduta tar-regolament ta' implimentazzjoni, li għandha tinkludi rekwiżit obbligatorju dwar it-tikkettar għall-post tat-twelid, kif ukoll il-postijiet tat-trobbija u tal-qatla, għal laħam mhux ipproċessat tal-majjal, tat-tjur, tan-nagħaġ u l-mogħoż skont il-leġiżlazzjoni eżistenti dwar it-tikkettar tal-oriġini tal-laħam;
4. Jitlob lill-Kummissjoni tneħħi kull deroga fir-regolament ta' implimentazzjoni għal-laħam ikkapuljat u għall-fdal tal-laħam;
5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.