Dokument ta' sessjoni
29.1.2014 B7‑0088/2014
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B7‑XXXX/XXXX
skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar ftehimiet ta' kooperazzjoni tal-UE dwar l-infurzar tal-politika tal-kompetizzjoni – it-triq 'il quddiem
( 2013/2921(RSP) )
George Sabin Cutaş
f'isem il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ftehimiet ta' kooperazzjoni tal-UE dwar l-infurzar tal-politika tal-kompetizzjoni – it-triq 'il quddiem
( 2013/2921(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill tal-1 ta' Ġunju 2012 dwar il-konklużjoni ta' Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera rigward koperazzjoni dwar l-applikazzjoni tal-liġijiet tagħhom tal-kompetizzjoni ( COM(2012)0245 ),
– wara li kkunsidra l-ftehim tas-17 ta' Mejju 2013 bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera rigward koperazzjoni dwar l-applikazzjoni tal-liġijiet tal-kompetizzjoni (12418/2012),
– wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill skont l-Artikoli 103 u 352, flimkien mal-Artikolu 218(6)(a)(v), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C7 -0146/2013),
– wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar ftehimiet ta' kooperazzjoni tal-UE dwar l-infurzar tal-politika tal-kompetizzjoni - it-triq 'il quddiem (O-XXXX/2013 – B7-XXXX/XXXX),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
1. Jilqa' l-ftehim propost bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera rigward kooperazzjoni dwar l-applikazzjoni tal-liġijiet tagħhom tal-kompetizzjoni (minn hawn 'il quddiem "il-ftehim"); iqis b'mod pożittiv ħafna dan it-tip ta' ftehimiet ta' kooperazzjoni għall-infurzar tal-kompetizzjoni f'ambjent ekonomiku dejjem aktar globalizzat u li fih il-kartelli joperaw b'mod transkonfinali u l-fużjonijiet spiss jinvolvu bosta ġurisdizzjonijiet;
2. Jemmen li ftehim bħal dan mal-Isvizzera huwa meħtieġ, fid-dawl tal-pożizzjoni ġeografika strateġika tal-Isvizzera għall-UE u tal-għadd ta' investigazzjonijiet paralleli mwettqa miż-żewġ ġurisdizzjonijiet fil-passat reċenti; jemmen, barra minn hekk, li l-implimentazzjoni tal-ftehim se tkun iffaċilitata fid-dawl tal-livell għoli ta' kompatibbiltà tar-regoli sostantivi fil-qasam tal-kompetizzjoni tal-Unjoni Ewropea u tal-Isvizzera; jittama li l-prosekuzzjoni tal-kartelli internazzjonali u l-piena għall-abbużi transkonfinali ta' pożizzjoni dominanti jkunu aktar effettivi taħt dan il-ftehim; jittama wkoll li titnaqqas id-duplikazzjoni tax-xogħol tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni fit-teħid ta' deċiżjonijiet dwar każijiet simili u jitnaqqas ukoll ir-riskju ta' valutazzjonijiet diverġenti fiż-żewġ ġurisdizzjonijiet; jistieden kemm lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Kummissjoni Svizzera dwar il-Kompetizzjoni jibqgħu sodi fid-determinazzjoni tagħhom li jiġġieldu kontra l-kartelli, peress li dawn huma ta' ħsara għall-benesseri tal-konsumatur u għall-innovazzjoni u għandhom impatt negattiv fuq il-kompetittività taż-żewġ ekonomiji;
3. Jiddispjaċih, madankollu, li l-ftehim ma jistabbilixxix obbligi vinkolanti fir-rigward tal-kooperazzjoni u jħalli marġini wiesa' ta' diskrezzjoni permezz ta' referenza għal "interessi importanti" li jistgħu jiġu invokati minn kwalunkwe parti bħala ġustifikazzjoni biex ma tikkonformax mat-talba mressqa mill-parti l-oħra; iħeġġeġ kemm lill-Kummissjoni kif ukoll lill-awtoritajiet Svizzeri jikkooperaw b'mod sinċier; jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni tal-UE jikkooperaw huma wkoll mal-Kummissjoni Svizzera dwar il-Kompetizzjoni u b'mod reċiproku;
4. Jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat ir-rispett lejn il-garanziji proċedurali mogħtija lill-partijiet fis-sistemi ġuridiċi rispettivi tagħhom; jitlob li jitwaqqfu mekkaniżmi siguri għall-użu u t-trażmissjoni ta' informazzjoni kunfidenzjali; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-attraenza tal-programmi ta' klemenza u l-proċeduri tas-saldu, filwaqt li jitqies il-prinċipju ġenerali li jmexxi l-iskambju ta' informazzjoni kunfidenzjali li jinsab minqux f'dan il-ftehim; jenfasizza l-importanza tal-ħarsien tad-dokumenti relatati mal-applikazzjonijiet għall-klemenza jew mal-proċeduri tas-saldu, b'mod partikolari minn divulgazzjoni futura possibbli fil-kuntest ta' proċedimenti ċivili jew kriminali, sabiex l-applikanti u l-partijiet tal-klemenza jiġu pprovduti bi proċedura tas-saldu b'garanzija li dawk id-dokumenti mhux se jiġu trażmessi jew użati mingħajr il-kunsens preċedenti tagħhom; jenfasizza li l-protezzjoni tad-dejta persunali u s-segretezza tan-negozju għandhom jiġu ggarantiti bis-sħiħ;
5. Jinnota li huwa mixtieq approċċ koerenti għall-appelli ta' deċiżjonijiet fiż-żewġ ġurisdizzjonijiet u jistieden kemm lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Kummissjoni Svizzera dwar il-Kompetizzjoni jħarsu lejn din il-possibilità ulterjuri għall-kooperazzjoni; jinnota, madankollu, li jekk il-partijiet jitħallew jappellaw kontra deċiżjonijiet intermedjarji, bħal dawk dwar l-iskambju ta' informazzjoni, dan jista' jimblokka l-investigazzjonijiet u jikkomprometti l-effikaċja tal-ftehim;
6. Jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni tagħhom jikkooperaw b'mod sħiħ mal-Kummissjoni biex dan il-ftehim jiġi implimentat b'mod effettiv; iqis li hu essenzjali li jitwettaq monitoraġġ bir-reqqa tal-implimentazzjoni ta' dan il-ftehim sabiex kulħadd jitgħallem mill-esperjenza u sabiex il-kwistjonijiet problematiċi potenzjali jiġu ttestjati; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, twettaq tali monitoraġġ;
7. Jinnota, madankollu, li l-progress li sar rigward il-kooperazzjoni dwar l-applikazzjoni tal-liġijiet tal-kompetizzjoni Svizzeri u tal-Unjoni Ewropea m'għandux jaħbi l-ħtieġa urġenti għal ftehim istituzzjonali komprensiv bejn l-Isvizzera u l-Unjoni Ewropea li jiggarantixxi l-interpretazzjoni, il-monitoraġġ u l-applikazzjoni uniformi tal-ftehimiet bilaterali tagħhom. jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tikkonkludi b'mod rapidu u tippreżenta lill-parlament ftehim istituzzjonali komprensiv bejn l-Isvizzera u l-Unjoni Ewropea sabiex tiġi żgurata l-effikaċja ta' dan il-ftehim;
8. Iqis li l-element ġdid ewlieni introdott minn dan it-tip ta' "ftehim tat-tieni ġenerazzjoni", jiġifieri l-possibilità għall-Kummissjoni u l-Kummissjoni Svizzera dwar il-Kompetizzjoni li bejniethom ikun hemm skambju ta' informazzjoni kunfidenzjali, huwa pass pożittiv; jemmen li dan il-ftehim jista' jitqies bħala mudell għall-ftehimiet ta' kooperazzjoni bilaterali futuri fil-qasam tal-infurzar tal-kompetizzjoni fejn ikun hemm livell għoli ta' xebh bejn il-partijiet tal-ftehim fir-rigward tar-regoli sostantivi fil-qasam tal-kompetizzjoni, is-setgħat investigattivi u s-sanzjonijiet applikabbli tagħhom; huwa tal-opinjoni li l-UE għandha tadotta qafas ġenerali li jistabbilixxi bażi minimu komuni u konsistenti għal kwalunkwe negozjar futur dwar din il-kwistjoni, filwaqt li, madankollu, tħalli marġini ta' manuvra lill-Kummissjoni għal kisbiet aktar ambizzjużi biex jintlaħqu fuq bażi ta' każ b'każ; jinnota li dan il-qafas għandu jinkludi regoli dwar kanali siguri għat-trażmissjoni ta' informazzjoni kunfidenzjali;
9. Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi b'mod attiv il-kooperazzjoni fil-qasam tal-infurzar tal-kompetizzjoni fuq livell internazzjonali, b'mod partikolari f'fora multilaterali bħalma huma l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), in-Netwerk Nazzjonali dwar il-Kompetizzjoni (ICN) u l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD); jemmen li dan ikun l-iżjed mezz ta' kooperazzjoni effettiv minħabba l-fatt li, spiss, l-investigazzjonijiet jinvolvu bosta ġurisdizzjonijiet fejn ma jeżistux ftehimiet bilaterali bejn il-partijiet kollha jew il-ftehimiet ikollhom termini differenti meta dawn jeżistu; jistieden lill-OECD u l-ICN jiżviluppaw għodod biex irawmu l-kooperazzjoni multilaterali u jżommu aġġornati l-linji gwida għall-aħjar prattiki;
10. Jinnota li, filwaqt li l-kooperazzjoni multilaterali mhijiex qed topera b'mod sħiħ, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jippromwovu dan it-tip ta' ftehimiet bilaterali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tesplora l-possibilità li tagħti bidu għal negozjati simili mal-pajjiżi li magħhom diġà jeżisti ftehim tal-ewwel ġenerazzjoni, kif ukoll ma' atturi internazzjonali importanti oħra bħalma huma ċ-Ċina u l-Indja, fil-każ fejn ikun hemm livell suffiċjenti ta' xebh bejn il-partijiet tal-ftehim fir-rigward tar-regoli sostantivi tagħhom fil-qasam tal-kompetizzjoni, is-setgħat investigattivi tagħhom u s-sanzjonijiet applikabbli tagħhom; jappoġġa, fir-rigward taċ-Ċina, iż-żieda fil-kooperazzjoni abbażi tal-Memorandum ta' Qbil bejn l-UE u ċ-Ċina (MtQ) dwar il-kooperazzjoni fil-qasam tal-liġi kontra l-monopolju tal-20 ta' Settembru 2012, u jitlob l-inklużjoni ta' din il-kwistjoni fin-negozjati dwar l-investiment bilaterali sabiex jiġu protetti aħjar id-drittijiet tal-kumpaniji tal-UE; jenfasizza li l-istrateġija biex tintlaħaq konverġenza fl-infurzar tal-antitrust għandha tipprevedi l-iżvilupp ta' mezzi effettivi biex jiżguraw li l-liġi dwar il-kompetizzjoni f'pajjiżi terzi ma tintużax bħala mezz li jistaħbew warajh biex jipprovaw jilħqu objettivi ta' politika industrijali;
11. Jilqa', f'dan il-kuntest, il-MtQ dwar il-kooperazzjoni mal-Indja tal-21 ta' Novembru 2013 dwar attivitajiet ta' infurzar tal-kompetizzjoni u n-negozjati tat-tieni ġenerazzjoni li għadhom għaddejjin dwar ftehim bilaterali mal-Kanada, kif ukoll in-negozjati ta' dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni fil-kompetizzjoni fil-Ftehim dwar il-Kummerċ Ħieles mal-Ġappun; jenfasizza li filwaqt li d-dispożizzjonijiet tal-MtQ jew tal-Ftehim dwar il-Kummerċ Ħieles huma pass tajjeb fir-rigward tal-kooperazzoni, huwa essenzjali li nimxu lejn tip ta' kooperazzjoni aktar sofistikata u vinkolanti fuq żmien twil, peress li l-kartelli internazzjonali u l-każijiet ta' ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni qed jirrikorru dejjem aktar u aktar fuq skala globali;
12. Jistieden lill-Kummissjoni u l-Kunsill jagħtu aktar prijorità lit-tisħiħ tat-taqsima tal-politika tal-kompetizzjoni fl-Ftehimiet dwar il-Kummerċ Ħieles;
13. Jinnota, madankollu, li huwa essenzjali li jkun hemm xebh suffiċjenti bejn ir-reġimi tal-liġi dwar il-kompetizzjoni; jinnota wkoll li għandu jkun hemm garanzija li l-informazzjoni trażmessa mill-UE ma tistax tintuża biex jiġu imposti sanzjonijiet kriminali fuq persuni fiżiċi, sakemm din tkun il-politika fis-seħħ fuq il-livell tal-UE;
14. Jistieden lill-Kummissjoni tinforma lill-Parlament b'mod regolari dwar l-attivitajiet tagħha fil-qasam tal-kooperazzjoni internazzjonali, kemm jekk ikunu inizjattivi multilaterali kif ukoll bilaterali ta' tipi differenti (ftehimiet formali, MtQs, eċċ.), minn ħafna qabel ir-riżultat finali, b'mod partikolari fir-rigward tan-negozjar li għaddej bħalissa mal-Kanada; jitlob li dawn it-tipi ta' attivitajiet jiġu inklużi fil-programm ta' ħidma annwali ppreżentat lill-Parlament mill-Kummissarju għall-Kompetizzjoni u li l-Kummissarju jinforma b'mod regolari lill-president tal-kumitat parlamentari responsabbli permezz ta' ittra dwar l-evoluzzjoni tal-kooperazzjoni internazzjonali dwar l-infurzar tal-kompetizzjoni;
15. Jistieden lill-Kummissjoni biex, fir-rigward tan-negozjati futuri dwar il-ftehimiet tal-kompetizzjoni, tipprovdi informazzjoni aktar komprensiva u fuq bażi aktar frekwenti lill-Parlament;
16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, lill-Kummissjoni Svizzera dwar il-Kompetizzjoni, lid-WTO, lill-OECD u lill-ICN.