Dokument ta' sessjoni
31.1.2014 B7‑0094/2014
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B7‑0104/2014
skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar NAIADES II – Programm ta' azzjoni biex jappoġġja t-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni
( 2013/3002(RSP) )
Brian Simpson
f'isem il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar NAIADES II – Programm ta' azzjoni biex jappoġġja t-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni
( 2013/3002(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra il-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar NAIADES II – Lejn il-kwalità fit-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni ( O-000016/2014 – B7‑0000/2014 ),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Ottubru 2006 dwar 'il-promozzjoni ta' trasport fl-ilmijiet navigabbli interni:
NAIADES, Programm ta' Azzjoni Ewropew integrat għat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni[1]
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Settembru 2013 bit-titlu 'Lejn il-kwalità fit-trasport bil-passaġġi fuq l-ilma interni – NAIADES II’ ( COM(2013)0623 ),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2011 dwar il-'Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti'[2],
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Jannar 2006 dwar il-promozzjoni tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni - 'NAIADES - Programm ta' Azzjoni Integrat għal Trasport fl-Ilmijiet Navigabbli Interni' ( COM(2006)0006 ),
– wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tal-10 ta' Settembru 2013 bl-isem 'Greening the fleet: reducing pollutant emissions in inland waterway transport’ (SWD (2013)0324),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) u (110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi s-settur tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni jagħti kontribut konsiderevoli lis-sistema tat-trasport tal-UE billi jittrasporta prodotti bejn il-portijiet tal-UE u l-intern tal-pajjiżi;
B. billi t-trasport b'navigazzjoni interna hu effiċjenti fl-enerġija u jikkontribwixxi għall-objettivi ta' ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju, stabbilit fil-White Paper dwar il-politika tat-Trasport tal-UE;
C. billi l-isfruttar tal-potenzjal sħiħ tas-settur tat-trasport b'navigazzjoni fuq l-ilmijiet interni jista' jkollu rabta qawwija fl-Ewropa mas-soluzzjoni tal-problemi ta' konġestjoni u ambjentali ġġenerati mill-prodotti impurtati minn portijiet marittimi;
D. billi jkun hemm bżonn ta' modernizzazzjoni tal-flotta tal-ilmijiet interni u l-adattament tagħha biex tirrifletti l-progress tekniku sabiex tkompli ttejjeb il-prestazzjoni ambjentali tal-bastimenti, bl-iżvilupp ta' inter alia Bastimenti Adattati għax-Xmajjar għal Navigazzjoni Interna Sostenibbli (River Adapted Ships for Sustainable Inland Navigation - RASSIN), u b'hekk ikun żgurat il-vantaġġ kompetittiv tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni;
E. billi s-sitwazzjoni ekonomika dgħajfa tal-Ewropa kellha impatt ukoll fis-settur tan-navigazzjoni interna, u billi l-industrija tat-tbaħħir qiegħda f'sitwazzjoni ekonomika diffiċli;
F. billi l-kapaċità żejda attwali qed ikollha impatt devastanti fuq l-industrija tat-tbaħħir intern;
G. billi l-istruttura tas-settur tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni hi bbażata fil-biċċa l-kbira tagħha fuq l-SMEs, i.e. ħaddiema għal rashom li jaħdmu u jgħixu mal-familji tagħhom fuq il-bastimenti, u billi dawn l-SMEs huma partikolarment vulnerabbli għall-kriżi;
H. billi l-istandards soċjali, bħal ħin tax-xogħol, kif ukoll l-edukazzjoni, huma ta' importanza kruċjali f'dan is-settur;
I. billi hemm mezzi ta' finanzi limitati li huma ddedikati għas-settur tal-ilmijiet interni, u billi l-aċċess għall-finanzi qiegħed dejjem isir aktar diffiċli;
1. Jilqa' tajjeb l-inizjattiva tal-Kummissjoni li taġġorna u ġġedded il-programm NAIADES sal-2020;
2. Jappoġġja l-azzjonijiet speċifiċi fil-programm ta' azzjoni NAIADES II 2014-2020;
3. Jiddispjaċih għall-fatt li l-Kummissjoni m'akkumpanjatx il-proposta ta' NAIADES II b'fondi xierqa u ddedikati biex jinkisbu l-objettivi tal-programm ta' azzjoni u għalhekk jitlob għal politika strutturata tajba b'objettivi fuq tul ta' żmien qasir u medju u pjan direzzjonali li jiddeskrivi inter alia r-riżorsi għall-implimentazzjoni;
4. Jitlob lill-Kummissjoni biex tipprovdi kemm jista' jkun malajr azzjonijiet konkreti li jqisu l-ispeċifitajiet ta' settur ibbażat fil-biċċa l-kbira tiegħu fuq l-SMEs;
5. Jenfasizza l-importanza ta' infrastruttura ta' kwalità għolja bħala kundizzjoni għall-iżvilupp u l-integrazzjoni tat-trasport fuq l-ilmijiet navigabbli interni u ta' portijiet interni fin-netwerk trans-Ewropew tat-trasport, jitlob lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jintegraw l-konġestjonijiet importanti kollha fil-pjanijiet ta' implimentazzjoni li jridu jiġu adottati, u jenfasizza l-fatt li l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF) tagħti prijorità lill-finanzjament għall-iżvilupp ta' infrastrutturi għall-mezzi ta' trasport aktar ekoloġiċi, bħal pereżempju l-ilmijiet interni;
6. Jilqa' l-fatt li l-ilmijiet interni ġew integrati f'sitta minn disa' kuruturi ta' netwerk ewlenin tan-Netwerk trans-Ewropew tat-trasport (TEN-T) u jittama li l-konġestjonijiet u l-konnessjonijiet neqsin ikunu indirizzati b'mod xieraq, peress li s-CEF se jipprijoritizza l-infiq biex jitneħħew il-konġestjonijiet u jinbnew kollegamenti fil-konnessjonijiet neqsin u, b'mod partikolari, biex jittejbu s-sezzjonijet transkonfinali tan-netwerk ewlieni; ifakkar li s-CEF se jżomm bħala prijorità il-finanzjament ta' sistemi ta' applikazzjoni telematiċi li jaħdmu bħala Servizzi tal-Informazzjoni tax-Xmajjar (RIS);
7. Jenfasizza, flimkien mal-obbligi tal-Istati Membri biex ikomplu n-netwerk ewlieni, ir-responsabbiltà li tkun ipprovduta infrastruttura xierqa u affidabbli permezz ta' manutenzjoni regolari sabiex ikun ippreservat status ta' navigazzjoni tajjeb bil-ħsieb li jiġi żgurat ir-rwol tat-trasport fuq l-ilmijiet interni bħala mezz ta' trasport affidabbli u kosteffikaċi;
8. Jitlob lill-Kummissjoni biex tgħaġġel l-integrazzjoni tas-RIS, tad-data ta' osservazzjoni tas-suq tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni u tal-għodda tal-kuruturi tat-TEN-T sabiex tkun appoġġata l-governanza tat-trasport multimodali integrat; jappoġġja l-espansjoni u l-integrazzjoni l-iskambju ta' data tas-RIS ġewwa flussi ta' informazzjoni ta' mezzi ta' trasport oħra sabiex tkun iffaċilitata l-integrazzjoni tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni ma' mezzi ta' trasport oħra, u jitlob lill-Kummissjoni biex minnufih tiżviluppa orjentazzjonijiet li jippermettu li sseħħ din l-integrazzjoni;
9. Jitlob lill-Kummissjoni biex tappoġġja l-użu tal-aqwa prattiki fl-integrazzjoni tas-servizzi tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni f'katini ta' loġistika multimodali;
10. Jisħaq dwar l-importanza li jkun ipprovdut finanzjament xieraq għat-teknoloġija l-ġdida, l-innovazzjoni u s-servizzi tat-trasport tal-merkanzija sostenibbli skont il-programmi eżistenti tal-UE bħall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, l-Orizzont 2020 jew il-Fond ta' Koeżjoni sabiex ikun stimolat it-teħid tal-innovazzjoni u tiżdied il-prestazzjoni ambjentali tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni, u jitlob lill-Kummissjoni biex telabora programmi ta' finanzjament konkreti biex tintlaħaq din il-mira;
11. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tressaq alternattivi dwar kif jista' jinħoloq effett ta' lieva bil-fondi ta' riżerva waqt li jintużaw flimkien ma' strumenti finanzjarji disponibbli taħt fondi disponibbli tal-Unjoni bħas-CEF u mill-Bank Ewropew tal-Investiment;
12. Jistieden lill-Istati Membri biex jiżviluppaw aktar il-politiki nazzjonali biex jistimulaw it-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni, filwaqt li jitqies il-Programm ta' Azzjoni Ewropew u biex iħeġġu lill-awtoritajiet reġjonali, lokali u tal-portijiet sabiex jagħmlu l-istess;
13. Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u parlamenti tal-Istati Membri.