Dokument ta' sessjoni
4.2.2014 B7‑0138/2014
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina
( 2014/2547(RSP) )
Rebecca Harms, Mark Demesmaeker, Werner Schulz, Tarja Cronberg, Raül Romeva i Rueda, Indrek Tarand
f'isem il-Grupp Verts/ALE
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina
( 2014/2547(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Diċembru 2013 dwar l-eżitu tas-summit ta' Vilnjus u l-futur tas-Sħubija tal-Lvant, b'mod partikolari fir-rigward tal-Ukraina[1],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2013 dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat: ħidma favur sħubija aktar b'saħħitha. Il-pożizzjoni tal-PE dwar ir-rapporti ta' progress 2012[2],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2013 dwar il-pressjoni mir-Russja fuq il-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant[3],
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Summit tas-Sħubija tal-Lvant tad-29 ta' Novembru 2013, bit-titolu "Eastern Partnership: the way ahead" (Sħubija tal-Lvant: it-triq li għandna nsegwu),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President/Rappreżentant Għoli, Catherine Ashton, tat-22 ta' Jannar 2014, dwar il-vjolenza u l-imwiet irrapportati ta' dimostranti f'Kiev u tas-17 ta' Jannar 2014 dwar l-iżviluppi fl-Parlament Ukrain,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Ukraina adottati fil-laqgħa tal-Kunsill "Affarijiet Barranin" tal-20 ta' Jannar 2014,
– wara li kkunsidra s-Summit UE-Russja tat-28 ta' Jannar 2014,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukraina, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Marzu 1998, u l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni l-ġdid inizjalat fit-30 ta' Marzu 2012,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi mid-deċiżjoni tal-gvern Ukrain li jissospendi l-iffirmar tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, mijiet ta' eluf ta' nies niżlu minn jeddhom fit-toroq tal-pajjiż kollu biex jipprotestaw favur l-għażla Ewropea; billi f'Kiev id-dimostranti qegħdin jokkupaw paċifikament Pjazza Indipendenza u jagħmlu appelli għal bidla politika qawwija bil-għan li jġiegħlu lill-gvern jerġa' jeżamina d-deċiżjoni tiegħu,
B. billi matul dawn il-ġimgħat reċenti s-sitwazzjoni kompliet tmur għall-agħar inkwantu n-nies niżlu fit-toroq għad-difiża tad-demokrazija u tal-libertajiet ċivili wara repressjonijiet brutali mwettqa fuq id-dimostranti, l-attivisti favur id-drittijiet tal-bniedem u l-ġurnalisti mill-pulizija għal kontra l-irvellijiet "Berkut";
C. billi minkejja l-pressjonijiet internazzjonali, il-politika ta' intimidazzjoni, repressjoni u vjolenza kontra d-dimostranti ma waqfitx, bil-konsegwenza li seħħew aktar arresti, 'il fuq minn 2 000 ruħ sfaw feruti, ħafna nħatfu u mill-inqas 6 nqatlu,
D. billi fit-28 ta' Jannar il-Prim Ministru Azarov u l-gvern tiegħu offra r-riżenja tagħhom; billi fl-istess ġurnata l-Verkhovna Rada aboloxxiet il-liġijiet adottati malajr malajr fis-16 ta' Jannar, li rrestriġew id-drittijiet ta' għaqda u l-libertà tal-kelma u llimitaw l-attivitajiet tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili,
E. billi fil-ġurnata segwenti l-Parlament Ukrain adotta liġi dwar l-amnistija mingħajr ma laħaq preċedentement qbil mal-oppożizzjoni dwar il-kundizzjonijiet u l-modi ta' applikazzjoni tal-liġi, kif ukoll mingħajr ma affronta l-kwistjoni tal-impunità attwali mifruxa li jgawdu minnha l-uffiċjali inkarigati mill-eżekuzzjoni tal-liġijiet,
F. billi l-Ukraina kienet waħda mit-temi prijoritarji fl-aġenda tas-Summit UE-Russja li sar fi Brussell fit-28 ta' Jannar 2014,
1. Jesprimi l-appoġġ, il-mogħdrija u s-solidarjetà kbar mal-persuni kollha li niżlu fit-toroq matul dawn l-aħħar xahrejn fl-Ukraina bil-għan li jesprimu l-appoġġ tagħhom favur l-għażla Ewropea, id-demokrazija u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem;
2. Jikkundanna bil-qawwa l-attakki brutali min-naħa tal-forzi speċjali tal-pulizija tal-Ukraina fil-konfront tad-dimostranti, l-atti kontinwi ta' indimidazzjoni u vessazzjonijiet tal-uffiċjali inkarigati mill-eżekuzzjoni tal-liġijiet, is-sekwestru tad-dimostranti, l-arresti arbitrarji u l-perjodi ta' arresti preventivi eċċessivament twal kif ukoll l-istrateġija ta' provokazzjoni, u l-appelli biex id-dimostranti jittellgħu l-qorti;
3. Jistieden lill-President Yanukovych jordna li dawn il-prattiki jieqfu u jesiġi l-ħelsien immedjat u inkondizzjonat u r-riabilitazzjoni politika tad-dimostranti u tal-priġunieri politiċi kollha miżmuma illegalment, fosthom Yulia Tymoshenko; jappella biex jitwaqqaf kumitat ta' inkjesta bil-għan li jinvestiga l-ksur kollu tad-drittijiet tal-bniedem li seħħ mill-bidu tad-dimostrazzjonijiet;
4. Jilqa' b'sodisfazzjon il-votazzjoni tal-Verkhovna Rada tat-28 ta' Jannar 2014 li rrevokat il-liġijiet antidemokratiċi tas-16 ta' Jannar, wara li ntlaħaq qbil bejn il-forzi tal-maġġoranza u tal-oppożizzjoni, u jiddispjaċih li qbil bħal dan ma kienx possibbli għal-Liġi dwar l-Amnistija; jappella, f'dan ir-rigward, għat-tkomplija tad-djalogu bejn il-mexxejja politiċi, u jawspika li dan se jissarraf f'qasir żmien f'riżoluzzjoni paċifika tal-kriżi;
5. Huwa tal-fehma li waħda mill-kwistjonijiet importanti li trid tiġi ttrattata biex tiġi riżolta l-kriżi fl-Ukraina hija r-riekwilibriju politiku tal-istituzzjonijiet u r-ritorn eventwali għall-Kostituzzjoni tal-2004, abolita illegalment fl-2010 mill-Qorti Kostituzzjonali, mingħajr il-konsultazzjoni tal-Parlament Ukrain;
6. Huwa tal-fehma li l-preżenza attiva tal-Membri tal-Parlament Ewropew f'Kiev taf tipprevjeni t-tiħrix ulterjuri tal-kriżi u jappella, f'dan ir-rigward, biex tintbagħt missjoni parlamentari permanenti fl-Ukraina li tinvolvi wkoll lill-parlamenti nazzjonali, bil-għan li tnaqqas it-tensjoni u taġevola d-djalogu bejn il-partijiet;
7. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-proposta biex jiġi ffirmat il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni għadha valida u li l-UE tinsab lesta tiffirmah malli l-kriżi politika attwali tiġi riżolta u dment li l-parametri ta' riferiment stabbiliti mill-Kunsill "Affarijiet Barranin" ta' Diċembru 2012 ikunu sodisfatti;
8. Jistenna li l-Kunsill u l-Kummissjoni jwettqu dak li wiegħdu u jibqgħu jgħinu lill-Ukraina biex tegħleb din il-kriżi politika u ekonomika profonda; iħeġġeġ, b'mod partikolari, lill-Kummissjoni ssib modi biex tagħti assistenza medika u appoġġ lill-vittmi kollha tal-vjolenzi matul id-dimostrazzjonijiet;
9. Jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kunsill jieħu azzjoni immedjata, inkluża aktar pressjoni diplomatika u l-introduzzjoni ta' miżuri u sanzjonijiet individwali mmirati fuq l-ivvjaġġar, l-iffriżar tal-beni u tal-proprjetà ta' dawk l-uffiċjali, il-leġiżlaturi kollha tal-Ukraina u tal-isponsors tagħhom fid-dinja tan-negozju, li huma responsabbli mir-repressjonijiet u mill-imwiet tad-dimostranti, u jintensifika l-isforzi biex iwaqqaf il-ħasil ta' flus u l-evażjoni tat-taxxa tal-kumpaniji u tal-imprendituri Ukraini fil-banek Ewropej;
10. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, partikolarment, jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex jinvolvu lill-FMI, lill-Bank Dinji, lill-BERŻ u lill-BEI bil-għan li jadottaw malajr kemm jista' jkun pakkett għat-terminu twil ta' sostenn finanzjarju konkret biex l-Ukraina tingħata l-għajnuna ħalli taffronta s-sitwazzjoni ekonomika u soċjali tagħha li qiegħda tmur għall-agħar kif ukoll tagħti sostenn ekonomiku biex tniedi r-riformi profondi u komprensivi neċessarji għall-ekonomija Ukraina;
11. Hu tal-fehma li l-finalizzazzjoni rapida ta' ftehim ta' vjaġġar eżenti mill-viża bejn l-UE u l-Ukraina hija l-aħjar mod kif għandha tingħata tweġiba lill-appelli tas-soċjetà ċivili u tal-istudenti Ukraini li, tul dawn l-aħħar jiem, għamlu dimostrazzjonijiet fil-pjazez tal-pajjiż favur l-għażla Ewropea tal-Ukraina; jirrimarka li dan il-ftehim se jistabbilixxi u jiffaċilita skambji u kuntatti interpersonali bejn is-soċjetajiet ċivili, u b'hekk iżid il-fehim reċiproku u jagħti opportunità lill-opinjoni pubblika Ukraina tiffamiljarizza ruħha mal-istandards u l-aħjar prattiki Ewropej fl-oqsma kollha; jappella, sadattant, għall-introduzzjoni immedjata ta' proċeduri tal-viża temporanji, sempliċi ħafna u rħas;
12. Jistieden lil Moska tadotta atteġġjament kostruttiv u twaqqaf il-miżuri ta' ritaljazzjoni u pressjoni indebita intiża li timmina d-dritt sovran tal-ġirien tagħha li jiddeterminaw liberament il-ġejjieni tagħhom; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jitkellmu mar-Russja b'vuċi waħda b'appoġġ għall-aspirazzjonijiet Ewropej tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant li jagħżlu liberament li japprofondixxu r-relazzjonijiet tagħhom mal-UE; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-UE taġixxi billi ssostni l-Ukraina jew kwalunkwe pajjiż ieħor tas-Sħubija tal-Lvant fi ħdan id-WTO jew kwalunkwe organizzazzjoni internazzjonali oħra f'każ ta' tilwima mal-Federazzjoni Russa;
13. Jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni taħdem mal-awtoritajiet Ukraini bil-għan li jinstabu modi kif jiġu kontrobilanċjati l-effetti tal-miżuri ta' ritaljazzjoni adottati minn Moska biex twaqqaf l-iffirmar tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni;
14. Jistieden lill-Kummissjoni żżid il-finanzjamenti favur l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-Ukraina b'mod konsiderevoli u tiżviluppa strateġija sostenibbli, apposta għall-pajjiż u viżibbli dwar is-sostenn għas-soċjetà ċivili fl-Ukraina; jemmen li għandhom jingħataw riżorsi umani adegwati għall-ġestjoni ta' tali programm għas-soċjetà ċivili;
15. Jemmen, barra minn hekk, li l-Ukraina għandha tiġi offruta prospettiva tassew Ewropea ladarba l-pajjiż juri, f'termini prattiċi, id-disponibilità tiegħu li jħaddan riformi u jadotta u jikkondividi l-valuri tal-UE;
16. Jirrimarka li l-istrateġija tal-komunikazzjoni tal-UE fil-pajjiżi sħab għadha nieqsa mill-effikaċja; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tintensifika l-isforzi tagħha biex tispjega l-benefiċċji u l-vantaġġi potenzjali tal-ftehim ta' assoċjazzjoni lill-opinjoni pubblika fil-pajjiżi rilevanti;
17. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-President, il-Gvern u l-Parlament tal-Ukraina u lill-President, il-Gvern u l-Parlament tal-Federazzjoni Russa.