Dokument ta' sessjoni

 

4.2.2014                                                                                                                  B7‑0141/2014

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja

( 2014/2547(RSP) )

Charles Tannock, Ruža Tomašić, Ryszard Czarnecki, Tomasz Piotr Poręba, Ryszard Antoni Legutko, Adam Bielan

f'isem il-Grupp ECR

 

B7‑0141/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja

( 2014/2547(RSP) )

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sirja,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin dwar is-Sirja, l-aktar riċenti dwak tat-18 ta' Novembru 2013 u tal-20 ta' Jannar 2014,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet preċedenti tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar is-Sirja,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar is-Sirja,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tas-27 ta' Settembru 2013 dwar il-qerda tal-armi kimiċi tas-Sirja (S/RES/2118(2013)),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-12 ta' Settembru 2013 dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja[1] u tad-9 ta' Ottubru 2013 dwar miżuri tal-UE u tal-Istati Membri biex jindirizzaw il-fluss ta' rifuġjati b'riżultat tal-kunflitt fis-Sirja[2],

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra tal-1949 u l-protokolli addizzjonali għalihom,

–       wara li kkunsidra l-Protokoll għall-Projbizzjoni tal-Użu fil-Gwerra ta' Gassijiet Asfissjanti, Velenużi jew Gassijiet Oħra, u ta' Mezzi Batterjoloġiċi, iffirmat f'Ġinevra fis-17 ta' Ġunju 1925,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Projbizzjoni tal-Iżvilupp, il-Produzzjoni u l-Ħażna ta' Armi Batterjoloġiċi (Bijoloġiċi) u Tossiniċi u dwar id-Distruzzjoni Tagħhom, iffirmata f'Londra, f'Moska u f'Washington, fl-10 ta' April 1972,

–       wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Economiċi, Soċjali u Kulturali, il-Konvenzjoni Kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti Oħra, il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Protokoll Fakultattiv ta’ magħha dwar l-Involviment tat-Tfal f'Kunflitti Armati, u l-Konvenzjoni dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt ta’ Ġenoċidju, li tagħhom kollha s-Sirja hija firmatarja,

–       wara li kkunsidra r-rapporti tal-Kummissjoni ta' Inkjesta Internazzjonali Indipendenti dwar is-Sirja tat-11 ta' Settembru 2013,

–       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u tal-Kummissjoni Ewropea tal-25 ta' Mejju 2011 bit-titlu "Risposti ġodda għal Viċinat fi trasformazzjoni",

–       wara li kkunsidra l-communiqué finali tal-Grupp ta' Azzjoni għas-Sirja tat-30 ta' Ġunju 2012, iktar 'il quddiem il-"communiqué ta' Ġinevra",

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-ferment u t-tixrid tad-demm fis-Sirja issa ilu għaddej għal tliet snin sħaħ, mingħajr ebda prospettiva evidenti li l-ġlied dalwaqt se jieqaf;

B.     billi l-ferment ċivili u r-ripressjoni brutali tal-awtoritajiet Sirjani, inklużi rapporti dwar l-użu ta’ armi kimiċi, wasslu lill-pajjiż fi stat ta' gwerra ċivili totali li ġġib magħha r-riskju li jinħoloq kunflitt reġjonali aktar mifrux;

C.     billi aktar minn 110 000 ċittadin Sirjan inqatlu minn mindu beda l-ġlied;

D.     billi fl-2013 inqatlu aktar minn 1 200 Nisran fis-Sirja; billi hu stmat li l-popolazzjoni Nisranija fis-Sirja tammonta għal madwar 1.3 miljun;

E.     billi l-għadd totali ta' rifuġjati Sirjani reġistrati issa huwa stmat li jaqbeż iż-żewġ miljuni, u hemm disa' miljuni Sirjani spostati;

F.     billi l-President Assad kompla jinjora l-għadd kbir ta' sejħiet mill-komunità internazzjonali biex itemm il-vjolenza orribbli fis-Sirja;

G.     billi l-vjolenza, inklużi l-użu tal-artillerija ta' kalibru kbir u l-bumbardamenti fuq żoni popolati, u l-qtil orribbli mill-armata Sirjana u l-forzi tas-sigurtà u s-Shabiha, kif ukoll minn diversi forzi tal-oppożizzjoni, komplew jiżdiedu;

H.     billi twettqu diversi massakri u qtil ("point-blank") immirat lejn il-massa, ta' rġiel, nisa u tfal;

I.      billi r-rikors għat-tortura, l-arresti tal-massa u l-qerda mifruxa ta' żoni popolati eskalaw drammatikament fix-xhur li għaddew;

J.      billi kuljum eluf ta' Sirjani qed jaħarbu mill-ġlied lejn il-pajjiżi tal-viċinat biex ifitxxu sikurezza u protezzjoni, iżda xorta jsibu ruħhom f'qagħda vulnerabbli fil-kampijiet tar-rifuġjati;

K.     billi l- pajjiżi li ntlaqtu b'mod l-aktar drammatiku mill-kunflitt u mill-fluss ta' rifuġjati huma l-Libanu, il-Ġordan u t-Turkija;

L.     billi diversi rapporti indipendenti jikkonfermaw l-użu ta' armi kimiċi fil-21 ta' Awwissu 2013 fl-attakk fil-Lvant ta' Ghouta;

M.    billi l-użu tal-armi kimiċi jikkostitwixxi delitt tal-gwerra projbit taħt il-Protokoll ta' Ġinevra u l-Istatut tal-Qorti Kriminali Internazzjonali;

N.     billi għalkemm is-Sirja hija wieħed fost il-ftit pajjiżi li għadhom ma ffirmawx il-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Armi Kimiċi, wieħed jista' jargumenta li d-dispożizzjonijiet tal-konvenzjoni japplikaw xorta waħda fl-ambitu tad-dritt konswetudinarju internazzjonali;

O.     billi r-rappreżentanti tal-Gvern Sirjan u l-membri tal-Koalizzjoni Nazzjonali tal-Forzi Sirjani tar-Rivoluzzjoni u tal-Oppożizzjoni qablu li jipparteċipaw f'kollokji ta' paċi internazzjonali konvokati mill-invjat tal-paċi tal-Nazzjonijiet Uniti, Lakhdar Brahimi, li seħħew f'Montreux u Ġinevra mit-22 sat28 ta' Jannar 2014. billi ċiklu ulterjuri ta' kollokji ta' paċi propost mis-Sur Brahimi għandu jibda fl-10 ta' Frar 2014;

1.      Jiddeplora l-vjolenza, l-intimidazzjoni u t-tortura mwettqa kontra rġiel, nisa u tfal minn dawk involuti fil-kunflitt intern fis-Sirja;

2.      Jikkundanna bil-qawwa l-qtil tal-massa ta’ nies ċivili b’armi kimiċi fil-21 ta' Awissu 2013, u jilqa' l-isforzi internazzjonali biex tiġi distrutta l-ħażna ta' armi kimiċi akkumulati mir-reġim Sirjan; iħeġġeġ il-partijiet kollha biex jaħdmu flimkien ħalli tiġi żgurata t-tneħħija rapida u kompleta tal-armi kimiċi kollha mis-Sirja;

3.      Jilqa' l-konferenza ta' Ġinevra II u l-impenn muri mill-membri tal-oppożizzjoni Sirjana għall-prinċipji li jinsabu fil-communiqué ta' Ġinevra; jissottolinja l-bżonn għal progress meta jerġgħu jibdew il-kollokji ta' paċi, u b'mod partikolari għall-komunità internazzjonali u l-bżonn li l-atturi kollha involuti fil-kunflitt Sirjan jaħdmu favur it-tisjib ta' soluzzjoni politika għall-ġlied fis-Sirja bbażata fuq dawn il-prinċipji; ikompli jħeġġeġ lill-komunità internazzjonali biex timpenja ruħha fi ppjanar konkret għal tranżizzjoni demokratika post-Assad fis-Sirja;

4.      Jirrikonoxxi l-ħtieġa urġenti li l-isforzi mwettqa fil-livell internazzjonali u dak reġjonali jkunu kkonċentrati sabiex il-kriżi Sirjana tiġi riżolta; ikompli jħeġġeġ lill-membri kollha tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jonoraw ir-responsabbilitajiet tagħhom fir-rigward tal-kriżi; iħeġġeġ lill-pajjiżi kollha attivi fil-promozzjoni ta' soluzzjoni għall-kriżi sabiex jappoġġjaw dawn l-isforzi;

5.      Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-kriżi umanitarja li għaddejja fis-Sirja u l-implikazzjonijiet għall-pajjiżi tal-viċinat; jesprimi t-tħassib tiegħu, barra minn hekk, dwar il-fatt li r-rata tal-eżodu tar-rifuġjati mis-Sirja qed tkompli tikber; jappella għall-konklużjonijiet ta' ftehimiet li jiggarantixxu l-aċċess umanitarju immedjat u sħiħ u l-possibbiltà ta' ħruġ miż-żoni taħt assedju, mingħajr il-biża ta' rappreżalji futuri;

6.      Jiddispjaċih bis-sitwazzjoni li dejjem qed tmur għall-agħar ta' ħafna mill-minoranzi tas-Sirja, inkluża l-komunità Nisranija fil-pajjiż, u jikkundanna bil-qawwa n-numru kbir ta' qtil tal-insara fis-Sirja;

7.      Jilqa' d-deċiżjoni tal-gvernijiet tal-pajjiżi tal-viċinat, b'mod partikolari tat-Turkija u l-Libanu, li jipprovdu appoġġ umanitarju lir-rifjuġati Sirjani; jirrikonoxxi li l-għoti ta' dan l-appoġġ xeħet pressjoni addizzjonali fuq is-servizzi eżistenti u l-baġits f'dawk il-pajjiżi; jitlob lill-komunità internazzjonali tappoġġa lil dawk il-pajjiżi hekk milquta;

8.      Josserva li l-President Assad, bħala l-kap tal-Istat Sirjan kemm mill-aspett kostituzzjonali kif ukoll ġuridiku, għandu r-responsabilità aħħarija tal-azzjonijiet kollha meħuda mill-forzi armati tas-Sirja; iħeġġeġ lill-President Assad jirrikonoxxi ċ-ċaħda tar-reġim tiegħu mill-poplu Sirjan u jirtira fl-aħjar interessi ta' pajjiżu u tal-għaqda tal-poplu tiegħu;

9.      Jitlob lil dawk kollha fis-Sirja jikkonformaw mal-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija u jimpenjaw ruħhom flimkien mal-komunità internazzjonali biex jiksbu t-tmiem paċifiku tal-kunflitt;

10.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tal-Lega Għarbija, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika Għarbija Sirjana, u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-pajjiżi tal-viċinat tas-Sirja.

[1] Testi adottati, P7_TA(2013)0378
[2] Testi adottati, P7_TA(2013)0414