Dokument ta' sessjoni
4.2.2014 B7‑0145/2014
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu
( 2014/2532(RSP) )
Cristian Dan Preda, Elmar Brok, Tokia Saïfi, Marietta Giannakou, Davor Ivo Stier, Alf Svensson, Andrej Plenković, Rodi Kratsa-Tsagaropoulou, Ria Oomen-Ruijten, Peter Šťastný, Elena Băsescu, Monica Luisa Macovei, Marco Scurria, Salvatore Iacolino, Eduard Kukan, Salvador Sedó i Alabart, Roberta Angelilli
f'isem il-Grupp PPE
<<<
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu
( 2014/2532(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Eġittu,
– wara li kkunsidra d-diskors mill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtá (VP/RGħ), Catherine Ashton, tal-11 ta' Settembru 2013 fil-Parlament Ewropew, u d-dikjarazzjonijiet tagħha tat-3 ta' Ottubru 2013, tas-27 ta' Novembru 2013, tal-1, it-23 u l-24 ta' Diċembru 2013 u tal-11 u d-19 ta' Jannar 2014,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Eġittu tal-2001, li daħal fis-seħħ fl-2004, u li ssaħħaħ bil-Pjan Ta' Azzjoni tal-2007, u r-rapport ta' progress tal-20 ta' Marzu 2013 tal-Kummissjoni dwar l-implimentazjoni tiegħu,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Kostituzzjonali maħruġa mill-Eġittu fit-8 ta' Lulju 2013, li tipproponi pjan direzzjonali għal emendi kostituzzjonali u elezzjonijiet ġodda,
– – wara li kkunsidra l-kostituzzjoni l-ġdida tal-Eġittu, adottata mill-Kumitat Kostituzzjonali fl-1 ta' Diċembru 2013, u r-riżultat tar-referendum li sar fl-14 u l-15 ta' Jannar 2014,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali, Kulturali, li tagħhom it-tnejn l-Eġittu huwa firmatarju,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi serje ta' attakki bil-bombi u taqbidiet vjolenti waqt id-dimostrazzjonijiet li fakkru t-tielet anniversarju tar-rivoluzzjoni popolari li rriżultat fit-tneħħija tar-reġim ta' Mubarak wasslu għal aktar imwiet u persuni midruba;
B. billi fl-1 ta' Diċembru 2013 l-abbozz ta' kostituzzjoni l-ġdid tal-Eġittu ġie approvat biex jitressaq għal referendum mill-Kumitat Kostituzzjonali magħmul minn 50 espert, inkluża firxa wiesgħa ta' mexxejja politiċi u reliġjużi iżda mingħajr l-ebda rappreżentant tal-Aħwa Musulmani; billi fl-14 u l-15 ta' Jannar 2014 sar ir-referendum dwar il-kostituzzjoni, fejn ħarġu jivvutaw 38.6 % u l-appoġġ għall-kostituzzjoni kien ta' 98.1 %; billi skont dikjarazzjoni tal-VP/RGħ Catherine Ashton "filwaqt li l-UE mhijiex f'pożizzjoni li tagħmel valutazzjoni bir-reqqa ta' kif tmexxa r-referendum jew li tivverifika l-irregolaritajiet allegati, dawn ma jidhrux li affettwaw b'mod fundamentali r-riżultat";
C. billi fil-pajjiż kollu ġie skjerat għadd kbir ta' persunal tas-siġurtà biex tiġi żgurata s-sigurtá tar-referendum; billi seħħew għadd ta' inċidenti vjolenti waqt il-perjodu tar-referendum; billi skont il-Ministeru tal-Affarijiet Interni mietu disa' persuni u 444 persuna oħra ġiet arrestata f'inċidenti marbuta mar-referendum;
D. billi minn Lulju 2013 'il hawn inqatlu aktar minn elf ruħ u ħafna aktar ġew midruba f'taqbidiet bejn dawk li jżommu mal-president li tneħħa Morsi u dawk li huma kontrih u bejn id-dimostranti u l-forzi tas-sigurtà;
E. billi fit-12 ta' Novembru 2013 l-istat ta' emerġenza u l-kerfju, li kien ġie impost fl-14 ta' Awwissu 2013, tneħħa;
F. billi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom rwol kruċjali x'jaqdu f'dan il-perjodu kritiku ta' tranżizzjoni politika u soċjali fl-Eġittu; billi l-istampa u l-midja liberi u indipendenti, kemm online u kemm offline, jiffurmaw parti ewlenija mis-soċjetà fi kwalunkwe demokrazija vera;
G. billi l-president li tneħħa Morsi qed jiffaċċja erba' proċessi separati quddiem qorti kriminali, li tlieta minnhom huma relatati maż-żmien li għamel fil-kariga; billi l-ewwel proċess quddiem il-qorti beda fl-4 ta' Novembru 2013 u sessjoni ġdida ġiet skedata għall-1 ta' Frar 2014; billi fil-20 ta' Diċembru 2013 l-avukati tal-Aħwa Musulmani filwaqt li aġixxew f'isem il-president imneħħi Morsi ressqu lment formali quddiem il-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI);
H. billi t-tensjonijiet bejn il-Musulmani u l-Insara Kopti żdiedu fl-Eġittu mindu tneħħa mis-setgħa l-President Morsi s-sajf li għadda u wasslu għall-qirda ta' għexieren ta' knejjes tal-Insara Kopti;
I. billi fl-2013 fl-Eġittu seħħew l-akbar għadd ta' inċidenti li kienu jinvolvu l-Insara fid-dinja, u kien hemm tal-anqas 167 każ irrappurtat fil-midja; billi kien hemm kważi 500 attentat sabiex jingħalqu jew jinqerdu knejjes fil-pajjiż u tal-anqas 83 każ ta' qtil ta' Nsara b'motivazzjoni reliġjuża;
J. billi s-sigurtà fir-reġjun instabbli tas-Sinaj qed tkompli tiddeterjora fost attakki vjolenti regolari fuq il-forzi tas-sigurtà; billi fl-24 ta' Diċembru attakk suwiċida b'karozza bomba li seħħ barra kwartieri tal-pulizija f'Mansoura fid-Delta tan-Nil, ħalla 16-il ruħ mejta u darab aktar minn 100 ruħ; billi fil-25 ta' Diċembru 2013 l-Gvern Eġizzjan iddikjara lill-Aħwa Musulmani bħala organizzazzjoni terroristika bi tweġiba għall-attakk li ġab tant imwiet; billi l-Aħwa Musulmani jiċħdu li kienu responsabbli tal-attakk filwaqt li grupp ispirat mill-al-Qaeda u li hu bbażat fis-Sinaj iddikjara li hu kien responsabbli tal-attakk;
K. billi eluf ta' nies jitilfu ħajjithom u jgħibu fis-Sinaj kull sena filwaqt li oħrajn, prinċipalment rifuġjati mill-Eritrea u s-Somalja, inklużi ħafna nisa u tfal, jiġu maħtufa u jinżammu għall-fidwa minn traffikanti tal-bnedmin; billi r-refuġjati qed jiġu maħtufa wkoll fil-kampijiet tar-rifuġjati Sudaniżi u jinġiebu fis-Sinaj; billi l-vittmi tat-traffikanti tal-bnedmin jiġu abbużati bl-aktar mod diżumanizzanti u jiġu suġġetti għal vjolenza sistemika, tortura, sfruttament sesswali, u xogħol furzat, jew jinqatlu għall-kummerċ tal-organi;
L. billi n-nisa jinsabu f'sitwazzjoni partikolarment vulnerabbli fil-perjodu attwali ta' tranżizzjoni fl-Eġittu u billi d-drittijiet tan-nisa mhumiex rispettati għalkollox;
M. billi l-ekonomija tal-Eġittu tinsab f'diffikultà kbira; billi mill-2011 'l hawn ir-rata tal-qgħad żdiedet u r-rati tal-faqar marru għall-agħar;
N. billi, f'konformità mal-Politika Ewropea tal-Viċinat rieżaminata tagħha, u b'mod partikolari l-approċċ 'aktar għal aktar', il-livell u l-ambitu tal-involviment tal-UE mal-Eġittu huwa bbażat fuq l-inċentivi u għalhekk dipendenti mill-progress fir-rigward ta' kemm il-pajjiż jirrispetta l-impenji tiegħu, inklużi dawk dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza bejn is-sessi;
1. Jikkundanna bil-qawwa kull att ta' vjolenza, terroriżmu, tixwix, diskors ta' mibegħda; iħeġġeġġ lill-atturi politiċi kollha u lill-forzi tas-sigurtà juru l-akbar rażna u jevitaw il-provokazzjoni, bil-għan li jevitaw aktar vjolenza fl-aħjar interessi tal-pajjiż; jestendi l-kondoljanzi sinċieri tiegħu lill-familji tal-vittmi;
2. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet jiżguraw li jsiru investigazzjonijiet indipendenti u imparzjali fil-pront dwar il-każijiet kollha ta' qtil u ta' abbuż u li dawk responsabbli jittellgħu l-qorti; jitlob li tittieħed azzjoni biex issir riforma tas-settur tas-sigurtà, jiġu stabbiliti proċeduri interni ta' rieżami adegwati u biex il-forzi tas-sigurtà jiġu mħarrġa jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem meta jkunu qed jikkontrollaw il-protesti u biex jiġu pprevenuti t-tortura, it-trattament ħażin u l-vjolenza sesswali;
3. Jinnota r-riżultat tar-referendum, li b'mod ċar japprova l-kostituzzjoni l-ġdida tal-Eġittu; jilqa' r-referenza li tagħmel il-kostituzzjoni l-ġdida tal-Eġittu għal gvern ċivili, il-libertà assoluta tat-twemmin u l-ugwaljanza taċ-ċittadini kollha, id-dispożizzjoni dwar id-drittijiet tat-tfal, il-projbizzjoni dwar it-tortura fis-suriet u l-manifestazzjonijiet kollha, il-projbizzjoni u l-kriminalizzazzjoni tas-suriet kollha ta' skavitù u l-impenn li l-Eġittu joqgħod għat-trattati internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem li tagħhom l-Eġittu huwa firmatarju;
4. Jistieden lill-awtoritajiet jimplimentaw bis-sħiħ l-artikoli u d-dispożizzjonijiet approvati, b'mod partikolari dawk li jappartienu lid-drittijiet u l-libertajiet tal-poplu Eġizzjan, u jkomplu fit-triq lejn demokrazija inklussiva u mmexxija minn persuni ċivili, mibnija fuq it-tolleranza u r-rikonċiljazzjoni; jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani jevitaw l-użu tal-qrati militari biex jiġġudikaw lil persuni ċivili;
5. Itenni li l-proċess ta' tranżizzjoni politika għandu mbagħad iwassal għal elezzjonijiet parlamentari u presidenzjali ħielsa, ġusti, inklussivi u non-vjolenti fl-iskadenza tal-perjodi ta' żmien definiti mill-kostituzzjoni l-ġdida; ifakkar li s-setgħa għandha tiġi trasferita direttament wara kwalunkwe elezzjoni lill-awtoritajiet ċivili li jkunu ġew eletti; jenfasizza li d-djalogu politiku kostruttiv u inklussiv, ir-rikonċiljazzjoni u r-reintegrazzjoni huma l-unika triq għad-demokrazija;
6. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet interim tal-Eġittu u lill-forzi tas-sigurtà tagħha jiżguraw is-sigurtà taċ-ċittadini kollha, huma x'inhuma l-fehmiet politiċi tagħhom, l-affiljazzjoni jew il-professjoni ta' twemmin tagħhom, jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, iħarsu l-libertà tal-assoċjazzjoni, il-libertà tal-assemblea paċifika, il-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-istampa, jagħmlu impenn għad-djalogu u n-non-vjolenza, u jirrispettaw u jwettqu l-obbligi internazzjonali tal-pajjiż;
7. Jinsab imħasseb dwar il-Liġi 107 tal-2013 dwar ir-regolamentazzjoni tad-dritt ta' laqgħat pubbliċi, purċissjonijiet u dimostrazzjonijiet paċifiċi, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet interim tal-Eġittu jiggarantixxu d-dritt għal-libertà ta' assoċjazzjoni u ta' assemblea paċifika, skont il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, u l-konformità mal-istandards internazzjonali.
8. Jitlob għall-ħelsien tad-detenuti politiċi kollha miżmuma minħabba li b'mod paċifiku eżerċitaw id-dritt tagħhom għal-libertà ta' assemblea, assoċjazzjoni u espressjoni, u għal rieżami malajr u trasparent tal-każijiet kriminali kollha; jenfasizza l-importanza ta' proċessi tal-qorti ħielsa u ġusti għal dawk kollha detenuti; jissuġġerixxi li ssir riforma tal-liġi tal-awtoritajiet ġudizzjarji biex tiġi żgurata separazzjoni ġenwina tas-setgħat;
9. Jenfasizza għal darba oħra l-importanza tal-kontribuzzjoni tas-soċjetà ċivili u tal-midja ħielsa għall-bini ta' demokrazija profonda u sostenibbli fl-Eġittu; jistieden lill-awtoritajiet interim Eġizzjani jimplimentaw l-Artikolu 65 tal-kostituzzjoni l-ġdida li tiddikjara li "l-individwi kollha għandhom id-dritt li jesprimu l-fehma tagħhom permezz tad-diskors, il-kitba, l-immaġni, jew bi kwalunkwe mezz ieħor ta' espressjoni u pubblikazzjoni"; jistieden lill-Gvern interim jiggarantixxi li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili lokali u internazzjonali u l-ġurnalisti jkunu jistgħu joperaw fil-pajjiż fil-libertà;
10. Jikkundanna bil-qawwa l-vjolenza kontra l-komunità Kopta u l-qirda ta' għadd kbir ta' knejjes, ċentri komunitarji u negozji madwar il-pajjiż kollu; jesprimi tħassib għall-fatt li l-awtoritajiet naqsu milli jieħdu miżuri ta' sigurtà adegwati biex iħarsu l-komunità Kopta minkejja għadd kbir ta' twissijiet;
11. Jinsab imħasseb dwar iż-żieda fil-atti ta' terroriżmu u attakki vjolenti fis-Sinaj, u jistieden lill-awtoritajiet interim Eġizzjani jerġgħu jġibu stat ta' sigurtà hemmhekk; jistieden lill-awtoritajiet interim Eġizzjani jinvestigaw il-każijiet ta' traffikar tal-bnedmin, qtil, tortura, sfruttar sesswali u kummerċ tal-organi u jieħdu l-miżuri xierqa li jarrestaw u jtellgħu l-qorti lill-membri tas-sindakati tat-traffikar billi japplikaw id-dritt nazzjonali u internazzjonali; ifakkar fl-Artikolu 89 tal-kostituzzjoni l-ġdida, li tipprojbixxi l-iskjavitù u kull sura ta' oppressjoni u sfruttament furzat tal-bnedmin;
12. Jistieden lill-awtoritajiet interim Eġizzjani jiżviluppaw, jadottaw u jimplimentaw leġiżlazzjoni biex tiġi miġġielda kull sura ta' vjolenza bbażata fuq il-ġeneru, jiżguraw mezzi ta' rappurtar effettivi u aċċessibbli u miżuri ta' protezzjoni li jkunu sensittivi għall-ħtiġijiet u l-kunfidenzjalità tal-vittmi u jiżguraw sanzjonijiet kriminali xierqa kontra min iwettaq ir-reati;
13. Jilqa' r-rieda li ġiet imħabbra minn naħa tal-Gvern interim Eġizzjan, wara r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill Nazzjonali Eġizzjan għad-Drittijiet tal-Bniedem, li jiftaħ uffiċċju reġjonali tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem fil-Kajr, u jħeġġeġ lill-Gvern interim Eġizzjan jagħmel dak li hu meħtieġ biex iħaffef il-ftuħ ta' dan l-uffiċċju;
14. Jikkonferma mill-ġdid l-impenn tiegħu li jgħin lill-poplu Eġizzjan fil-proċess lejn riforma demokratika u ekonomika; iħeġġeġ lill-UE tqis kemm il-prinċipju tal-kondizzjonalità ('aktar għal aktar') u kemm l-isfidi ekonomiċi serji li l-Eġittu qed jiffaċċja fir-relazzjonijiet bilaterali tagħha mal-pajjiż, u l-appoġġ finanzjarju tagħha għalih;
15. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lilll-parlamenti tal-Istati Membri, u lill-Gvern interim tar-Repubblika Għarbija tal-Eġittu.