Dokument ta' sessjoni
19.2.2014 B7‑0187/2014
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar il konklużjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija Volontarju bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Indoneżja dwar l-infurzar tal-liġi tal-foresta, governanza u kummerċ fi prodotti tal-injam għall-Unjoni Ewropea
( 2013/2990(RSP) )
Yannick Jadot, Vital Moreira
f'isem il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il konklużjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija Volontarju bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Indoneżja dwar l-infurzar tal-liġi tal-foresta, governanza u kummerċ fi prodotti tal-injam għall-Unjoni Ewropea
( 2013/2990(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija Volontarju bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Indoneżja dwar l-infurzar tal-liġi tal-foresta, governanza u kummerċ fi prodotti tal-injam għall-Unjoni Ewropea[1]
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija Volontarju bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Indoneżja dwar l-infurzar tal-liġi tal-foresta, governanza u kummerċ fi prodotti tal-injam għall-Unjoni Ewropea[2],
– wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont l-Artikoli 207(3)(1) u 207(4)(1), l-Artikolu 218(6)(2), il-punt (a)(v), u l-Artikolu 218(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C7–0344/2013),
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni (adottata mir-Riżoluzzjoni 61/295 tal-Assemblea Ġenerali fit-13 ta’ Settembru 2007),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 995/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ottubru 2010 li jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq injam u prodotti tal-injam[3],
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Bank Dinji tal-14 ta' Marzu 2012 dwar il-Ġustizzja għall-Foresti: Intejbu l-isforzi tal-ġustizzja kriminali għall-ġlieda kontra l-qtugħ illegali tas-siġar (Justice for forests: improving criminal justice efforts to combat illegal logging)[4],
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Human Rights Watch tas-16 ta' Lulju 2013 dwar L-Aspett Negattiv tat-Tkabbir Ekoloġiku: L-Impatti tal-governanza dgħajfa fuq id-drittijiet tal-bniedem fis-settur tal-forestrija fl-Indoneżja (The dark side of green growth: Human rights impacts of weak governance in Indonesia’s forestry sector)[5],
– wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas dwar Sħubija Komprensiva u Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Indoneżja, min-naħa l-oħra, iffirmat fid-9 ta’ Novembru 2009,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi fit-30 ta' Settembru 2013, il-Gvern tal-Indoneżja u l-UE ffirmaw Ftehim ta' Sħubija Volontarju dwar l-infurzar tal-liġi tal-foresta, governanza u kummerċ fi prodotti tal-injam għall-UE (FLEGT), biex b'hekk ikkonfermaw l-impenn reċiproku tagħhom biex jiżguraw li l-injam li jidħol fl-UE ikun prodott, maħsud u trasportat legalment;
B. billi l-Ftehimiet ta' Sħubiji Volontarji huma mfassla biex jiġi eradikat il-qtugħ illegali tas-siġar , tittejjeb il-governanza tal-foresti, u biex finalment iwasslu għall-ġestjoni sostenibbli tal-foresti, filwaqt li jappoġġjaw l-isforzi dinjija biex jitwaqqfu d-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti;
C. billi l-Ftehimiet ta' Sħubija Volontarji għandhom l-għan li jħeġġu bidliet sistemiċi fis-settur tal-forestrija, billi jippremjaw l-isforzi ta' operaturi diliġenti li jixtru l-injam minn sorsi legali u affidabbli, u billi jipproteġuhom minn kompetizzjoni inġusta;
D. billi fl-Indoneżja tinsab it-tielet l-akbar erja fid-dinja f’termini ta’ foresti pluvjali wara l-Amażonja u l-Baċir tal-Kongo, iżda billi hija wkoll emittent sinifikanti fid-dinja ta’ gassijiet b’effett ta’ serra, prinċipalment minħabba l-konverżjoni fuq skala kbira tal-foresti pluvjali tagħha u tat-torbieri li fihom ħafna karbonju għal użi oħrajn tal-art bħall-produzzjoni taż-żejt tal-palm u tal-karta;
E. billi l-Indoneżja tilfet tal-inqas 1 240 000 ettaru ta' foresti bejn l-2009 u l-2011;
F. billi 10 % biss, skont il-valur, tal-esportazzjonijiet tal-injam u tal-prodotti tal-injam tal-Indoneżja huma attwalment destinati għall-UE, filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-esportazzjonijiet hija diretta lejn pajjiżi Ażjatiċi, u għalhekk il-Ftehim ta' Sħubija Volontarju huwa importanti għat-tfassil tal-istandards għall-industrija Indoneżjana kollha tal-injam;
G. billi s-settur tal-foresti tal-Indoneżja għandu riskju għoli ta’ ħasil tal-flus u evażjoni tat-taxxa, skont l-Interpol u studju tal-Bank Dinji tal-2012;
H. billi skont il-Human Rights Watch, il-korruzzjoni, l-evażjoni tat-taxxa u l-ħasil tal-flus fis-settur tal-forestrija swew lill-pajjiż sa USD 7 biljun bejn l-2007 u l-2011; billi l-Viċi President tal-Kummissjoni għall-Qerda tal-Korruzzjoni tal-Indoneżja ddeskriva s-settur tal-forestrija bħala "sors ta' korruzzjoni mingħajr limitu"[6]; billi, madankollu, l-Indoneżja għamlet progress sinifikanti fis-snin riċenti rigward il-prosekuzzjoni tar-reati finanzjarji, kif ġie ppruvat mill-kundanna tal-Qorti Suprema għal evażjoni tat-taxxa tal-produttur taż-żejt tal-palm, Asian Agri Group, f'Diċembru 2012;
I. billi ż-żewġ partijiet iridu jaqblu dwar is-Sistema ta' Assigurazzjoni tal-Legalità tal-Injam tal-Indoneżja (it-TLAS)/ is-Sistem Verifikasi Legalitas Kayu (SVLK) sabiex l-injam u l-prodotti tal-injam Indoneżjani koperti bil-Ftehim ta' Sħubija Volontarju jkunu jistgħu jidħlu fis-suq tal-UE bħala injam awtorizzat mill-FLEGT, li awtomatikament jitqies bħala legali skont it-termini tar-Regolament tal-UE dwar l-Injam[7];
J. billi s-SVLK Indoneżjan attwalment qed jiġi rivedut biex jiġi konformi mar-rekwiżiti tal-Ftehim ta' Sħubija Volontarju;
K. billi l-Kummissjoni għandha s-setgħa, skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2173/2005 dwar l-istabbiliment ta’ skema ta’ liċenzjar FLEGT għall-importazzjoni ta’ injam fil-Komunità Ewropea[8], li tadotta rekwiżiti dettaljati għall-għoti tal-liċenzji FLEGT u temenda l-lista tal-pajjiżi sħab u l-awtoritajiet tal-liċenzjar nominati tagħhom stabbiliti fl-Anness I ta' dak ir-Regolament;
L. billi fis-6 ta’ Mejju 2013 il-Qorti Kostituzzjonali tal-Indoneżja ddeċidiet li l-foresti konswetudinarji tal-popli indiġeni m’għandhomx jiġu klassifikati bħala li jaqgħu fiż-“Żoni Forestali Statali”, li wittiet it-triq għal aktar rikonoxximent tad-drittijiet tal-popli indiġeni fl-arċipelagu;
1. Ifaħħar l-isforz volontarju enormi tal-Indoneżja biex issolvi l-problema tal-qtugħ illegali tas-siġar rampanti u l-kummerċ assoċjat bl-iżvilupp tal-SVLK tagħha permezz ta’ proċess taʼ diversi partijiet interessati u speċjalment bil-progress sinifikanti miksub fix-xhur riċenti; jibqa' madankollu mħasseb dwar ċerti problemi; ifakkar li sabiex formalment jinħarġu liċenzji FLEGT, is-SVLK għandha topera bil-għan li tikseb il-miri tal-Ftehim ta' Sħubija Volontarju;
2. Jilqa’ r-riżultat tan-negozjati dwar il-Ftehim ta’ Sħubija Volontarju bejn l-UE u r-Repubblika tal-Indoneżja dwar l-infurzar tal-liġi tal-foresta, governanza u kummerċ fi prodotti tal-injam għall-UE; itenni l-appoġġ tiegħu għall-konklużjoni tal-Ftehim ta' Sħubija Volontarju u r-rieda tiegħu biex jappoġġja l-implimentazzjoni ta' suċċess tiegħu;
3. Jinnota li l-maġġoranza tas-sorsi ta’ injam inkwistjoni fil-pajjiż għadhom ma ġewx iċċertifikati mis-SVLK u li volumi kbar ta’ injam mid-deforestazzjoni mhux ivverifikat qed jidħlu fil-katina tal-provvista;
4. Jenfasizza l-importanza tal-estensjoni tal-kopertura tal-iskema tas-SVLK, inkluż l-awditjar, biex tkopri l-oqsma kollha tal-produzzjoni tal-injam u kull stadju tal-katina tal-provvista, tiżgura li l-injam legali verifikat ikun separat minn injam mhux verifikat sabiex dan ma jidħolx fil-katini tal-provvista tas-SVLK;
5. Iqis il-kwistjoni tal-konverżjoni tal-foresti bħala problema kontinwa tas-sistema ta' governanza tal-użu tal-art tal-Indoneżja; jiddispjaċih għall-fatt li attwalment is-SVLK mhijiex tawditja l-proċess ta' kif jingħataw konċessjonijiet lill-impriżi għall-konverżjoni tal-foresti, speċjalment fir-rigward tat-twettiq tal-valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali (AMDALs) u l-konformità tagħhom ma' restrizzjonijiet imposti fil-proċess biex jiksbu permessi ta' konverżjoni tal-foresti (IPK);
6. Jinnota li l-SVLK attwali tiċċertifika l-operazzjonijiet tal-injam bħala legali anke meta l-pretensjonijiet għad-drittijiet tal-użu tal-art minn popli indiġeni u l-komunitajiet lokali jkunu għadhom ma ġewx stabbiliti u/jew ikun għadu ma tħallasx kumpens adegwat, fejn xieraq jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Gvern Indoneżjan jiżgura li fejn xieraq, ikunu kkunsidrati d-drittijiet tradizzjonali tal-komunità għall-foresti, il-kunsens liberu, minn qabel u infurmat tal-popli indiġeni u l-komunitajiet lokali, u l-kumpens għall-aċċess mitluf tal-art tal-foresti fil-verifika tal-legalità u li l-korpi tal-verifika jingħataw mandat biex jivvalutaw jekk l-impriżi rrispettawx id-drittijiet lokali tal-użu tal-art u jekk l-art ġietx ippubblikata legalment;
7. Iħeġġeġ lill-Gvern Indoneżjan jiżgura li l-proċess ta’ ċertifikazzjoni ma jiddiskriminax kontra l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju;
8. Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Gvern Indoneżjan tagħti assigurazzjoni li:
– is-sorsi kollha tal-injam u l-ktajjen kollha tal-kustodja tagħhom jiġu awditjati, inkluż il-verifika li qabel kollox l-impriżi tal-injam kellhom id-dritt li jaħsdu;
– l-injam u l-prodotti tal-injam ċertifikati u mhux ċertifikati jinżammu separati,
– il-konverżjoni tal-foresti naturali tinżamm minima u l-oriġini legali tal-injam minn żoni ta' konverżjoni tiġi verifikata, inklużi l-eżistenza ta' AMDAL, u/jew l-osservanza tad-dispożizzjonijiet tagħha li jirregolaw l-użu tal-art konċessa;
9. Jistieden lill-Gvern Indoneżjan, bil-għan li tissaħħaħ il-kredibbiltà tal-pajjiż fil-ħruġ tal-liċenzji FLEGT, jikkumplimenta l-verifika legali taħt is-SVLK b’azzjonijiet deċiżivi li jikkumbattu r-reati finanzjarji marbuta mas-settur tal-forestrija bħall-ħasil tal-flus u l-frodi fiskali;
10. Jistieden lill-Gvern Indoneżjan isegwi d-deċiżjoni riċenti tiegħu li jinforza l-liġijiet dwar it-taxxa u jikseb dokumentazzjoni li turi li l-kumpaniji li jesportaw l-injam ikunu konformi għalkollox mal-liġijiet dwar it-taxxa tal-Indoneżja u mal-liġi tal-2010 kontra l-ħasil tal-flus;
11. Jilqa' l-inizjattiva "mappa waħda" tal-Gvern Indoneżjan biex jiżdied l-aċċess tal-pubbliku għal data u mapep aġġornati u trasparenti, li mingħajrhom il-governanza tajba tal-foresti fl-Indoneżja tkun imfixkla permezz ta' interpretazzjonijiet tal-liġijiet inkonsistenti u multipli, u kunflitti mal-komunitajiet lokali u indiġeni; jenfasizza l-fatt li monitoraġġi indipendenti tal-foresti jeħtieġ ikollhom aċċess għal tali informazzjoni bażika sabiex iwettqu dmirhom b’mod kredibbli, u li l-mapep tal-konċessjonijiet, il-pjanti tal-ħsad u informazzjoni dwar il-permessi għandhom ikunu aċċessibbli għall-pubbliku; jistieden lill-Gvern Indoneżjan iħaffef l-inizjattiva "mappa waħda" u jippubblika l-ewwel verżjoni tagħha, inkluża l-informazzjoni rilevanti marbuta mal-liċenzjar tal-foresti u d-dikjarazzjonijiet tal-użu tal-art;
12. Jistieden lill-Kummissjoni, permezz tal-parteċipazzjoni tagħha fil-Kumitat Konġunt għall-Implimentazzjoni, tiżgura li r-riskju tal-frodi u l-korruzzjoni jiġi indirizzat b'mod sostanzjali, inkluż permezz tat-tħejjija taʼ pjan ta’ kontroll tal-frodi bbażat fuq ir-riskji;
13. Jirrikonixxi l-fatt li l-verifika tal-legalità tal-injam tiddependi kważi kompletament fuq il-prestazzjoni tal-awdituri u monitoraġġ indipendenti; ifaħħar lis-SVLK għar-rwol uffiċjali tagħha fir-rigward tal-monitoraġġ indipendenti mis-soċjetà ċivili; jinnota, madankollu, li l-kapaċità tan-netwerks ta' monitoraġġ indipendenti għadha ferm limitata f’termini ta’ riżorsi umani u finanzjarji;
14. Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Gvern Indoneżjan biex tiżgura li l-awdituri u l-korpi tal-verifika flimkien mal-monitoraġġi indipendenti tal-foresti jirċievu finanzjament u taħriġ xierqa biex ikunu jistgħu jagħmlu monitoraġġi fuq il-post, verifiki għall-għarrieda u awditi regolari;
15. Jilqa’ l-isforzi tal-Gvern Indoneżjan biex isaħħaħ ir-rwol tal-pulizija nominata tal-forestrija; jinnota madankollu li l-Ministeru għall-Forestrija tal-Indoneżja għandu jkompli jtejjeb il-politika tiegħu ta' monitoraġġ, l-ikkatalogar u s-segwitu ta' każijiet tal-qtugħ illegali tas-siġar; jenfasizza l-importanza kbira tal-fatt li kumpaniji li jinstabu joperaw b'mod illegali jiġu rrapurtati lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi;
16. Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Gvern Indoneżjan jiżgura li rapporti ta' monitoraġġ indipendenti li juru ksur tal-leġiżlazzjoni rilevanti jingħatalhom segwitu adegwat, u li tittieħed azzjoni ta' infurzar effettiva u dissważiva mill-awtoritajiet rilevanti fejn jinsab ksur tal-leġiżlazzjoni kkonċernata;
17. Jenfasizza l-fatt li l-monitoraġġ indipendenti u r-rispett tad-drittijiet tal-popli indiġeni u tal-komunitajiet lokali huma fatturi kritiċi li jagħtu kredibbiltà lis-SVLK; jenfasizza, għalhekk, li huwa importanti li dan l-impenn ikompli u li t-trasparenza fir-rigward ta’ partijiet interessati oħrajn tas-soċjetà ċivili tittejjeb, u li l-monitoraġġ indipendenti mis-soċjetà ċivili jseħħ mingħajr il-vjolenza, it-theddid jew kwalunkwe forma ta’ abbuż u, jekk dan iseħħ, għandhom jiġu kkastigati severament;
18. Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Gvern Indoneżjan biex jiżgura li:
– l-involviment tal-partijiet interessati fl-implimentazzjoni u l-funzjonament tas-SVLK jitkompla u jissaħħaħ,
– il-monitoraġġ indipendenti mis-soċjetà ċivili jseħħ mingħajr il-vjolenza, it-theddid jew kwalunkwe forma ta’ abbuż u, jekk dan iseħħ, għandhom jiġu kkastigati severament,
– fil-każijiet kollha jingħata kunsens liberu, minn qabel u infurmat lill-popli indiġeni u lill-komunitajiet lokali, u jitħallas kumpens ġust, meta jkun xieraq, għall-aċċess mitluf tal-art tal-foresti importanti għall-għajxien tagħhom, bħala kundizzjoni mhux negozjabbli ta' kwalunkwe liċenzja tal-FLEGT,
– ir-rekwiżiti tal-awditjar tas-SVLK ma jkunux statiċi iżda jkunu soġġetti għal reviżjoni perjodika mill-partijiet interessati Indoneżjani bil-għan li jkun hemm titjib kontinwu min-naħa tagħhom;
19. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li s-sejbiet tad-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali tal-Indoneżja tas-6 ta' Mejju 2013 jitqiesu kif suppost fir-reviżjoni tas-SVLK;
20. Jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita l-isforzi mitluba mill-Gvern Indoneżjan u biex tiżgura ambjent ekwu reġjonali billi tilqa' t-talba tal-Gvern Indoneżjan li jinkludi r-reġjun ta’ Sarawak fin-negozjati tal-Ftehim ta' Sħubija Volontarju bejn l-UE u l-Malasja;
21. Huwa konxju tal-fatt li ċerti talbiet f’din ir-riżoluzzjoni jmorru lil hinn mill-kriterji stabbiliti fl-Anness 8 tal-Ftehim ta' Sħubija Volontarju rigward l-approvazzjoni tas-sistema tal-liċenzjar; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura progress biex jintlaħqu dawn it-talbiet addizzjonali li l-Parlament iqishom importanti u tirrapporta lura lill-Parlament dwar il-progress li sar qabel tiġi approvata s-sistema tal-liċenzjar;
22. Jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta regolarment lill-Parlament dwar il-progress tal-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Sħubija Volontarju u b’mod partikolari dwar kif il-kwistjonijiet imsemmija hawn fuq ġew u se jiġu indirizzati;
23. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Gvern kif ukoll lill-Parlament tal-Indoneżja.