Dokument ta' sessjoni

 

19.2.2014                                                                                                                B7‑0188/2014

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar is-sitwazzjoni fl-Iraq

( 2014/2565(RSP) )

Jelko Kacin, Marietje Schaake

f'isem il-Grupp ALDE

<<<

B7‑0188/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew is-sitwazzjoni fl-Iraq

( 2014/2565(RSP) )

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Iraq, b'mod partikolari dawk tal-14 ta' Marzu 2013 dwar "L-Iraq: is-sitwazzjoni tal-gruppi minoritarji, inklużi t-Turkomeni Iraqini"[1],

–       wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Iraq, min-naħa l-oħra, u r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Jannar 2013 dwar il-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni UE-Iraq[2],

–       wara li kkunsidra d-Dokument Strateġiku Konġunt tal-Kummissjoni għall-Iraq (2011-2013),

–       wara li kkunsidra r-"Report on Human Rights in Iraq: January to June 2012" (Rapport dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fl-Iraq: Jannar - Ġunju 2012), ippreżentat konġuntament mill-Missjoni ta' Assistenza tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iraq (UNAMI) u mill-Uffiċċju tan-NU tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem fid-19 ta' Diċembru 2012,

–       wara li kkunsidra il-"Middle East Report" (Rapport dwar il-Lvant Nofsani) Nru 144 tal-International Crisis Group tal-14 ta' Awwissu 2013 bit-titolu "Make or Break: Iraq's Sunnis and the State" ("Suċċess jew Falliment: Is-Sunniti tal-Iraq u l-Istat)",

–       wara li kkunsidra n-numru tal-vittmi għal Settembru 2013, ippubblikat min-NU fl‑1 ta' Ottubru 2013,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-29 ta' Lulju 2013 mis-Segretarju Ġenerali tan-NU Ban Ki-moon, fejn ħeġġeġ lill-mexxejja jiġbdu lill-Iraq "mix-xifer",

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-1 ta' Settembru 2013 mis-Segretarju Ġenerali tan-NU Ban Ki-moon dwar l-avvenimenti traġiċi fil-Kamp ta' Ashraf li fihom inqatlu 52 persuna,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU tal-1981 dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha tal-Intolleranza u d-Diskriminazzjoni abbażi tar-Reliġjon jew it-Twemmin,

–       wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, li l-Iraq hu parti tiegħu,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Catherine Ashton, dwar il-vjolenza reċenti fl-Iraq,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2013 dwar il-libertà tal-istampa u tal-midja fid-dinja[3],

 

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-Iraq għadu qed iħabbat wiċċu ma' sfidi gravi fl-ambitu politiku, tas-sigurtà u soċjoekonomiku u billi x-xena politika tiegħu hija estremament frammentata u kkaratterizzata mill-vjolenza u mill-politika settarja, fatt li jmur askapitu tal-aspirazzjonijiet leġittimi tal-poplu tal-Iraq għall-paċi, għall-prosperità u għal tranżizzjoni effettiva lejn id-demokrazija;

B.     billi skont in-numru tal-vittmi ppubblikat mill-UNAMI, 7 818-il ċivili nqatlu fl-2013, waqt li 17 781 indarbu, fatt li jagħmel l-2013 l-agħar sena mill-2008; billi f'Jannar 2014 inqatlu 661 ċivili filwaqt li 1 201 oħra ndarbu; billi l-belt ta' Bagdad konsistentement kienet l-iktar reġjun li ntlaqat ħażin;

C.     billi l-konsegwenzi tal-kriżi Sirjana fl-Iraq laħqu qofol ġdid aktar kmieni din is-sena meta militanti mill-Istat Iżlamiku tal-Iraq u tal-Lvant (ISIS) ħadu f'idejhom il-bliet ta' Ramadi u Fallujah, kif ukoll partijiet mill-provinċja ta' Anbar; billi l-ġellieda mill-Iraq għandhom ukoll rwol prominenti fiż-żewġ naħat tal-kriżi Sirjana; billi l-Iraq allegatament ippermetta t-trasport tal-armi u provvisti mill-Iran għar-reġim Sirjan u l-Hezbollah;

 

D.     billi skont iċ-ċifri tal-UNHCR, 222 759 rifuġjat Sirjan qed jgħixu fl-Iraq, iżda l-għadd reali probabbilment huwa akbar;

E.     billi l-awtoritajiet Iraqini sikwit jiddependu fuq tribujiet Sunniti fil-provinċja ta' Anbar biex jikkumbattu r-ribelli estremisti;

F.     billi aktar minn 300 000 persuna ħarbu mill-mewġa reċenti ta' vjolenza fil-provinċja ta' Anbar;

G.     billi l-problemi soċjali u ekonomiċi serji – faqar mifrux, livell għoli ta' qgħad, staġnar ekonomiku, degrad ambjentali u nuqqas ta' servizzi pubbliċi bażiċi – għadhom jolqtu perċentwal kbir tal-popolazzjoni; billi diversi dimostrazzjonijiet paċifiċi b'talbiet għal aktar drittijiet soċjali, ekonomiċi u politiċi qed ikomplu jirriżultaw f'repressjoni sistematika ħafna mill-forzi tas-sigurtà, imwettqa b'impunità;

H.     billi l-libertà tal-istampa u tal-midja qed tiġi attakkata b'mod ripetut u dejjem aktar ta' sikwit mill-gruppi tal-gvern kif ukoll dawk estremisti; billi l-ġurnalisti u s-sorsi tal-aħbarijiet ġew attakkati jew iċċensurati, u Reporters Without Borders irrappurtat blackout fuq l-aħbarijiet dwar is-sitwazzjoni fil-provinċja ta' Anbar; billi l-Iraq hu klassifikat bħala "mhux liberu" mir-rapport Freedom in the World ("Il-Libertà fid-Dinja") 2014 tal-organizzazzjoni mhux governattiva Freedom House;

I.      billi l-kostituzzjoni tal-Iraq tiggarantixxi l-ugwaljanza quddiem il-liġi għaċ-ċittadini kollha, flimkien mad-"drittijiet amministrattivi, politiċi, kulturali u edukattivi tad-diversi nazzjonalitajiet"; billi l-Gvern tal-Iraq iġorr responsabilità għall-benessri u s-sigurtà tal-popolazzjoni kollha;

J.      billi l-politiki tal-Gvern Iraqi ddominat mix-Xiiti, inkluża r-repressjoni vjolenti ta' protesti Sunniti, żiedu t-tensjoni settarja u wasslu għal sens ta' iżolament fost partijiet tal-popolazzjoni tal-Iraq;

K.     billi l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni UE-Iraq, b'mod partikolari l-klawsola dwar id-drittijiet tal-bniedem misjuba fih, jenfasizza li d-djalogu politiku UE-Iraq għandu jikkonċentra fuq id-drittijiet tal-bniedem u fuq it-tisħiħ tal-istituzzjonijiet demokratiċi;

1.      Jikkundanna bil-qawwa l-atti ta' terroriżmu u ż-żieda fil-vjolenza settarja, li ġġib magħha l-periklu li l-pajjiż jerġa' jmur lura għal aktar ġlied settarju u qiegħda tiġġenera biża' ta' kunflitt settarju usa' fir-reġjun kollu; jindika li minkejja li l-kawżi tal-vjolenza huma politiċi aktar milli reliġjużi, l-involviment ta' gruppi estremisti bħall-ISIS kompla jkabbar il-kriżi;

2.      Jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-familji u l-ħbieb tal-vittmi u l-midruba;

3.      Jindika li l-ġlieda kontra t-terroriżmu u r-ribelljoni għandha tinkludi fiha aktar minn sempliċi azzjoni militari u trid tikkonsisti f'approċċ komprensiv li jindirizza l-kawżi primarji tal-vjolenza, kif ukoll politiki li jrawmu l-fiduċja, is-sigurtà u l-iżvilupp soċjali u ekonomiku inklużiv;

4.      Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-mewġa ġdida ta' instabilità u jistieden lill-mexxejja politiċi kollha tal-Iraq, mill-isfondi etniċi u reliġjużi kollha, biex jaħdmu flimkien bil-għan li jtemmu l-vjolenza settarja u n-nuqqas ta' fiduċja u jgħaqqdu l-poplu tal-Iraq flimkien;

5.      Jistieden lill-Gvern tal-Iraq u l-gvernijiet reġjonali jikkundannaw l-attakki u jiffaċilitaw investigazzjoni internazzjonali indipendenti sħiħa u b'ħeffa tal-attakki terroristiċi reċenti fir-reġjun, u jistieden lill-Gvern tal-Iraq jikkoopera bis-sħiħ ma' din l-investigazzjoni biex il-persuni responsabbli jitressqu quddiem il-qrati;

6.      Jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-vjolenza tal-kunflitt fis-Sirja nfirxet sal-Iraq, fejn ribelli ġiħadisti marbuta mal-ISIS saru prominenti; jistieden lill-Gvern tal-Iraq jagħmel kulma jista' biex iżomm lill-ġellieda milli jgħaddu mis-Sirja għall-Iraq jew viċi versa u biex iwaqqaf kwalunkwe trasferiment ta' armi mill-Iran li jista' jkun li qed isir mill-fruntieri jew l-ispazju tal-ajru tal-Iraq;

7.      Ifaħħar lill-Gvern Iraqin li laqa' għadd kbir ta' rifuġjati Sirjani; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jibqgħu jappoġġaw lill-Iraq u pajjiżi oħra ġirien li qed jilqgħu ir-rifuġjati u jiżguraw il-benessri tagħhom;

8.      Jistieden, bħala kwistjoni ta' urġenza, lill-mexxejja politiċi, reliġjużi u ċivili u lill-forzi tas-sigurtà jkomplu jaħdmu flimkien biex itemmu t-tixrid tad-demm u jiżguraw li ċ-ċittadini kollha tal-Iraq fil-fatt jingħataw l-istess livell ta' protezzjoni;

9.      Jistieden lill-Gvern tal-Iraq u lill-mexxejja politiċi kollha jadottaw il-miżuri neċessarji biex jipprovdu sigurtà u protezzjoni lill-poplu kollu tal-Iraq, partikolarment il-membri tal-minoranzi vulnerabbli; jistieden lill-Gvern tal-Iraq jiżgura li l-forzi ta' sigurtà jottemperaw mal-Istat tad-dritt u mal-istandards internazzjonali;

10.    Jistieden lill-atturi kollha tal-Istat u mhumiex jirrispettaw il-libertà tal-istampa u tal-midja u biex iħarsu lill-ġurnalisti u lill-sorsi tal-aħbarijiet mill-vjolenza; jirrikonoxxi li stampa u midja liberi huma partijiet essenzjali ta' demokrazija li tiffunzjona, li jipprovdu aċċess għall-informazzjoni u pjattaforma għaċ-ċittadini;

11.    Jistieden lill-komunità internazzjonali u lill-UE jagħtu l-appoġġ tagħhom lill-Gvern tal-Iraq billi jippromwovu inizjattivi għad-djalogu nazzjonali, il-konsolidament tal-Istat tad-dritt u l-forniment tas-servizzi bażiċi, bil-għan li jinħoloq Iraq sigur, stabbli, magħqud, prosperu u demokratiku li fih id-drittijiet tal-bniedem u politiċi tal-persuni kollha jiġu mħarsa;

12.    Jistieden lill-awtoritajiet tal-Iraq, fid-dawl tal-fatt li s-sitwazzjoni tas-sigurtà żiedet il-problemi għall-gruppi l-aktar vulnerabbli bħan-nisa, il-ġurnalisti, iż-żgħażagħ u l-attivisti favur id-drittijiet fundamentali, jintervjenu b'urġenza biex jidderieġu aktar riżorsi lejn il-programmi mmirati biex titjieb is-sitwazzjoni;

13.    Iħeġġeġ id-djalogu reliġjuż bejn il-klierki Sunniti u Xiiti bħala għodda meħtieġa għar-riżoluzzjoni tal-kunflitt; iqis li t-taħditiet reċenti bejn l-E3+3 u l-Iran ukoll joffru opportunità għall-Iraq biex jaġixxi ta' pont, minħabba li hu wieħed mill-ftit pajjiżi li għandu relazzjonijiet b'saħħithom maż-żewġ partijiet; jistieden lill-mexxejja tal-Iran jinvolvu rwieħhom kostruttivament fl-istabbilizzazzjoni tar-reġjun;

14.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Kunsill tar-Rappreżentanti tal-Iraq, lill-Gvern Reġjonali tal-Kurdistan, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti.

 

[1] Testi adottati, P7_TA(2013)0101
[2] Testi adottati, P7_TA(2013)0022
[3] Testi adottati, P7_ TA(2013)0274.