Dokument ta' sessjoni

 

24.2.2014                                                                                                                B7‑0201/2014

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar l-użu ta' drones armati

( 2014/2567(RSP) )

José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Michael Gahler, Arnaud Danjean, Tunne Kelam, Krzysztof Lisek, Elena Băsescu, Roberta Angelilli, Anne Delvaux

f'isem il-Grupp PPE

 

B7‑0201/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-użu ta' drones armati

( 2014/2567(RSP) )

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-rapporti dwar l-użu ta' drones armati tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, sommarji jew arbitrarji tat-28 ta' Mejju 2010 u tat-13 ta' Settembru 2013 u tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali waqt il-ġlieda kontra t-terroriżmu tat-18 ta' Settembru 2013,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-13 ta' Awwissu 2013 tas-Segretarju Ġenerali tan-NU, Ban Ki-moon, dwar l-użu ta' drones armati,

–       wara li kkunsidra s-smigħ tal-25 ta' April 2013 dwar l-implikazzjonijiet għad-drittijiet tal-bniedem mill-użu ta' drones, organizzat b'mod konġunt mis-Sottokumitat tal-Parlament għad-Drittijiet tal-Bniedem flimkien mas-Sottokumitat tiegħu għas-Sigurtà u d-Difiża,

–       wara li kkunsidra l-istudju tiegħu tat-3 ta' Mejju 2013 dwar "L-implikazzjonijiet għad-drittijiet tal-bniedem mill-użu ta' drones u robots awtonomi fil-gwerer",

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-użu ta' sistemi ta' inġenji tal-ajru ppilotati mill-bogħod (minn hawn 'il quddiem "drones") f'operazzjonijiet extraterritorjali letali żdied b'mod qawwi matul l-aħħar deċennju;

B.     billi hemm rapporti ta' każijiet fejn nies inqatlu jew ġew midruba serjament minn attakki bi drones; billi huwa diffiċli li jiġi stmat in-numru ta' każijiet bħal dawn;

C.     billi d-dritt internazzjonali b'rabta mad-drittijiet tal-bniedem jipprojbixxi l-qtil arbitrarju/illegali, anke f'sitwazzjonijiet ta' kunflitt armat;

D.     billi d-dritt umanitarju internazzjonali ma jippermettix il-qtil immirat ta' persuni mhux kombattenti, kulfejn dawn ikunu;

E.     billi f'kunflitt armat, meta ċivili jinqatlu permezz ta' attakki bi drones, l-istati huma obbligati li jwettqu inkjesti għal ġbir ta' informazzjoni immedjati, indipendenti u imparzjali u jipprovdu spjegazzjoni pubblika dettaljata u aċċess għal rimedju;

F.     billi seba' Stati Membri (Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Italja, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja u Spanja) ffirmaw ittra ta' intenzjoni mal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA) li ngħatat il-kompitu li tħejji studju dwar il-produzzjoni konġunta ta' inġenji ta' Altitudni Medja u Awtonomija fit-Tul (MALE), li jistgħu jintużaw f'attakki fuq miri militari jew għas-sorveljanza ta' dgħajjes ta' migranti fil-Baħar Mediterran, u b'hekk jibda x-xogħol fuq RPAS Ewropew;

1.      Jopponi kull użu ta' drones armati li mhuwiex skont il-liġi, b'mod partikolari fil-każ ta qtil immirat extraġudizzjarju; jistieden lill-Istati Membri, lill-Kunsill u lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà jopponu u jipprojbixxu dawn il-prattiki;

2.      Jistieden lill-Istati Membri jinkludu d-drones armati fir-reġimi internazzjonali rilevanti ta' diżarm u kontroll tal-armi;

3.      Iħeġġeġ lill-Kunsill jadotta pożizzjoni komuni tal-UE dwar l-użu ta' drones armati;

4.      Huwa assolutament tal-fehma li deċiżjonijiet għall-użu ta' forza letali, li jittieħdu b'mod awtonomu mid-drones, għandhom isiru illegali;

5.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Kunsill, lill-Parlamenti tal-Istati Membri u lill-Kummissjoni.