Dokument ta' sessjoni
25.2.2014 B7‑0219/2014
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea/ ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina
( 2014/2595(RSP) )
Charles Tannock, Paweł Robert Kowal, Ryszard Antoni Legutko, Ryszard Czarnecki, Adam Bielan, Tomasz Piotr Poręba, Marek Henryk Migalski, Valdemar Tomaševski
f'isem il-Grupp ECR
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina
( 2014/2595(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijet preċedenti tiegħu dwar l-Ukraina,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Diċembru 2013 dwar l-eżitu tas-Summit ta' Vilnjus u l-futur tas-Sħubija tal-Lvant, b'mod partikolari fir-rigward tal-Ukraina[1],
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Summit tas-Sħubija tal-Lvant li sar f'Vilnjus fid-29 ta' Novembru 2013,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukraina, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Marzu 1998, u l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni ġdid inizjalat fit-30 ta' Marzu 2012,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi d-dimostrazzjonijiet fi Kiev, li bdew f'Novembru 2013 bi protesta kontra d-deċiżjoni tal-gvern li ma jiffirmax il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni mal-UE, inbidlu f'moviment ġenerali kontra l-awtoritajiet governattivi;
B. billi għal bosta ġimgħat il-poplu tal-Ukraina nġabar fl-Euromaidan f'numri mingħajr preċedent biex jesprimu l-appoġġ tagħhom għal-libertà u d-demokrazija;
C. billi mietu tal-inqas 82 ruħ wara l-ġlied imdemmi li fih intuża munizzjon attiv fuq dimostranti mhux armati;
D. billi l-awtoritajiet Ukraini kienu responsabbli għall-eskalazzjoni tal-kunflitt fl-Ukraina u għar-radikalizzazzjoni tas-sitwazzjoni;
E. billi l-inħawi ta' fejn jinsab il-President li tneħħa Yanukovych, wara d-denunzja tiegħu mill-Parlament Ukrain (Verkhovna Rada), u tar-rappreżentanti prominenti tar-reġim tiegħu, mhumiex magħrufa u l-gvern tal-pajjiż, permezz ta' force majeure, għadda temporanjament f'idejn il-Verkhovna Rada, li ħatret Speaker u President interim ġdid u trid tgħaqqad gvern ta' unità nazzjonali; billi nħareġ mandat ta' arrest kriminali għall-eks President Yanukovych fuq suspett li ordna l-qtil ta' dimostranti mhux armati;
F. billi d-data għal elezzjonijiet ġodda ġiet stabbilita għall-25 ta' Mejju 2014;
1. Jesprimi l-kondoljanzi sinċieri tiegħu lill-familji ta' dawk kollha li traġikament inqatlu jew sfaw midruba waqt il-ġlied u lil dawk li kienu soġġetti għal atti ta' repressjoni u sekwestru;
2. Jesprimi s-solidarjetà totali tiegħu mal-poplu tal-Ukraina u jikkundanna l-atti vjolenti ta' repressjoni mir-reġim ta' Yanukovych kontra dimostranti paċifiċi, ġurnalisti, attivisti tal-NGOs, studenti u l-kleru;
3. Iħeġġeġ lill-partijiet kollha biex jiżguraw li jkun jista' jsir dibattitu bl-ordni, kalm u ta' riflessjoni dwar is-sitwazzjoni politika u l-futur tal-pajjiż, japoġġja l-involviment ulterjuri tas-soċjetà ċivili fil-proċessi ta' riforma nazzjonali u jitlob djalogu kostruttiv mal-forzi politiċi kollha b'mod inklussiv u demokratiku;
4. Jitlob biex fil-ħajja politika tiġi evitata l-vendetta u l-użu selettiv tal-ġustizzja, li kienu jikkaratterizzaw ir-reġim preċedenti;
5. Jitlob li jitwaqqaf kumitat indipendenti, bil-parir ta' korp internazzjonali rikonoxxut bħall-Kunsill tal-Ewropa, biex jinvestiga l-ksur kollu tad-drittijiet tal-bniedem u l-vjolazzjonijiet kriminali li seħħew mill-bidu tad-dimostrazzjonijiet tal-Euromaidan, b'mod partikolari l-użu kriminali ta' munizzjon attiv minn tiraturi magħżula tal-pulizija fil-massakru ta' dimostranti mhux armati; jitlob li ssir investigazzjoni dwar l-approprjazzjoni massiva ta' fondi u assi tal-istat mill-ħbieb u l-"familja" tal-President imkeċċi Yanukovych, li jiġu ffriżati l-assi kollha tagħhom sakemm tingħata kjarifika dwar kif akkwistawhom u, jekk ikun ippruvat li dawn kienu misruqa, li dawn l-assi jingħataw lura mill-gvernijiet tal-Istati Membri tal-UE bħar-Renju Unit, il-Latvja u l-Awstrija, li hu maħsub li huma l-benefiċjarji ewlenin;
6. Jitlob lill-partijiet kollha u lill-pajjiżi terzi biex iħarsu l-unità u l-integrità territorjali tal-Unkraina;
7. Ifakkar li l-fruntieri eżistenti tal-Ukraina kienu garantiti mill-Istati Uniti tal-Amerika, mill-Federazzjoni Russa u r-Renju Unit fil-Memorandum ta' Budapest dwar garanziji ta' sigurtà meta l-Ukraina ċediet l-armi nukleari tagħha u ssieħbet fit-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari (TNP); ifakkar lill-Federazzjoni Russa li, flimkien maż-żewġ pajjiżi msemmija hawn fuq, impenjat ruħha fl-istess att biex toqgħod lura mill-koerzjoni ekonomika maħsuba biex tissubordina l-eżerċitar mill-Ukraina tad-drittijiet inerenti għas-sovranità tagħha għall-interessi tagħha stess u b'hekk tikseb kull tip ta' benefiċċju;
8. Jappoġġja bis-sħiħ l-aspirazzjonijiet demokratiċi Ewropej tal-Ukraina u jfakkar fir-rieda tagħha li tiffirma l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u l-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles Profond u Komprensiv mal-UE; jenfasizza l-perspettiva ta' sħubija fl-UE tal-Ukraina, li fil-prinċipju tingħata mill-Artikolu 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea;
9. Jitlob lill-Viċi President / ir-Rappreżentant Għoli Catherine Ashton u l-SEAE biex jorganizzaw u jikkoordinaw konferenza internazzjonali tad-donaturi li għandha sseħħ mill-iktar fis possibli, preferibbilment qabel l-aħħar ta' Marzu 2014, sabiex jiġu żgurati fondi addizzjonali li jistgħu jgħinu lill-Gvern Ukrain ġdid jegħleb il-kriżi finanzjarja u baġitarja li l-pajjiż qed iħabbat wiċċu magħha bħalissa;
10. Jitlob lill-UE, lill-Istati Uniti, lill-FMI, lill-Bank Dinji, lill-BERŻ u lill-BEI jkomplu jħejju pakkett ta' appoġġ finanzjarju fit-tul biex jgħinu lill-Ukraina tindirizza s-sitwazzjoni finanzjarja u soċjali li sejra għall-agħar u jagħtuha appoġġ ekonomiku biex il-gvern iniedi r-riformi profondi u komprensivi meħtieġa għall-ekonomija tal-Ukraina;
11. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-SEAE jagħmlu l-aħjar użu tal-fondi disponibbli għall-Ukraina taħt l-istrumenti finanzjarji eżistenti u biex, mill-iktar fis possibli, jikkunsidraw jagħmlu riżorsi addizzjonali disponibbli għall-Ukraina;
12. Jitlob lill-istituzzjonijiet u lill-Istati Membri tal-UE biex jimpenjaw ruħhom favur ftuħ wiesa' lejn is-soċjetà Ukraina, b'mod partikolari permezz ta' ftehim rapidu dwar reġim bla viża; hu tal-opinjoni li l-ħlas fuq il-viża għandu immedjatament jitnaqqas b'mod drastiku għaż-żgħażagħ Ukraini, flimkien ma' kooperazzjoni msaħħa fir-riċerka, t-twessigħ tal-iskambju taż-żgħażagħ u aktar boroż ta' studju disponibbli;
13. Jenfasizza l-ħtieġa ta' riformi profondi, inkluż fir-rigward tal-indipendenza tas-sistema ġudizzjarja, b'mod partikolari l-liġi dwar l-uffiċċju tal-prosekutur u r-riforma elettorali tal-gvern lokali, biex iċ-ċittadini lokali jingħataw iktar setgħa;
14. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-Istati Membri, lill-President tal-Ukraina, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant u tal-Federazzjoni Russa, lill-Assemblea Parlamentari Euronest, u lill-Assemblej Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa u lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa.