Dokument ta' sessjoni
5.3.2014 B7‑0229/2014
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi-President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar l-istrateġija tal-UE għall-Artiku
( 2013/2595(RSP) )
Véronique De Keyser, Libor Rouček, Liisa Jaakonsaari, Jens Nilsson, Ivari Padar
f'isem il-Grupp S&D
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-istrateġija tal-UE għall-Artiku
( 2013/2595(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Artiku, b'mod partikolari r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Jannar 2011 dwar politika sostenibbli tal-UE għat-Tramuntana Estrema[1], u r-rapport tal-Kumitat Parlamentari Konġunt taż-Żona Ekonomika Ewropea tat-28 ta' Ottubru 2013 rigward il-Politika dwar l-Artiku,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Politika Barranija u ta' Sigurtà tas-26 ta' Ġunju 2012 bit-titolu "L-iżvilupp ta' politika tal-Unjoni Ewropea rigward ir-reġjun tal-Artiku: il-progress mill-2008 u l-passi li jmiss", kif ukoll id-dokumenti ta' ħidma tal-persunal li jakkumpanjawha bit-titoli "Inventarju ta' attivitajiet fil-qafas tal-iżvilupp ta' Politika tal-Unjoni Ewropea dwar l-Artiku" ( SWD(2012)0182 ) u "L-ispazju u l-Artiku" ( SWD(2012)0183 ),
– wara li kkunsidra l-mistoqsija orali b'dibattitu tad-9 ta' April 2013 ( O-000042/2013 ).
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar "Il-Politika tal-UE dwar l-Artiku biex tindirizza l-interessi globali emerġenti fír-reġjun – il-fehma tas-soċjetà ċivili" tas-17 ta' April 2013,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Kunsill tal-Artiku ta' Kiruna tal-15 ta' Mejju 2013,
– wara li kkunsidra s-Sħubija UE-Groenlandja 2007-2013 u l-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd bejn l-UE u l-Groenlandja, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2013 u huwa validu għal perjodu ta' 3 snin,
– wara li kkunsidra il-programm ta' riċerka u innovazzjoni tal-UE Orizzont 2020 għas-snin 2014-2020,
– wara li kkunsidra l-programm ta' presidenza tal-Kunsill tal-Artiku, il-Programm ta' Kooperazzjoni Artika tal-Kunsill tal-Ministri Nordiku u l-programm tal-Kunsill Ewro-Artiku ta' Barents (BEAC),
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni fl-okkażjoni tal-20 Anniversarju tal-Kooperazzjoni Ewro-Artika ta’ Barents, maħruġa f'Kirkenes fit-3 u l-4 ta' Ġunju 2013,
– wara li kkunsidra l-istrateġiji nazzjonali u d-dokumenti ta' politika ġodda u aġġornati li jikkonċernaw kwistjonijiet rigward l-Artiku mill-Finlandja, l-Isvezja, id-Danimarka u l-Groenlandja, in-Norveġja, ir-Russja, l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Kanada, kif ukoll il-Ġermanja u r-Renju Unit, rispettivament,
– wara li kkunsidra id-dikjarazzjonijiet adottati waqt il-Forum Parlamentari tad-Dimensjoni tat-Tramuntana fi Frar 2009 u fi Frar 2011,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tat-tielet laqgħa ministerjali tad-Dimensjoni tat-Tramuntana mġedda, li saret fi Brussell fit-18 ta' Frar 2013,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet rispettivi tad-9 Konferenza ta' Membri tal-Parlament tar-Reġjun tal-Artiku, li saret fi Brussell mit-13 sal-15 ta' Settembru 2010, u tal-10 Konferenza ta' Membri tal-Parlament tar-Reġjun tal-Artiku, li saret f'Akureyri mill-5 sas-7 ta' Settembru 2012,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill Nordiku tal-2012,
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2013/30/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-10 ta' Ġunju 2013 dwar l-operazzjonijiet taż-żejt u tal-gass offshore[2],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' April 2012 dwar "L-assigurazzjoni ta' ħajjitna, il-kapital naturali tagħna: strateġija tal-UE għall-bijodiversità sal-2020"[3],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Frar 2014 dwar qafas għall-politika tal-klima u tal-enerġija fl-2030[4],
– wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tat-3 ta' Ottubru 2013 fil-Każ C-583/11 P, u tal-25 ta' April 2013 fil-Każ T-526/10, rigward l-applikazzjoni għall-annullament tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 737/2010 tal-10 ta' Awissu 2010 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) 1007/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kummerċ tal-prodotti mill-foki[5],
– wara li kkunsidra r-rapport tal-panel tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) tal-25 ta' Novembru 2013 bit-titolu "Il-Komunitajiet Ewropej – Miżuri li jipprojbixxu l-importazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti mill-foki", kapitolu 1.3.5 (li jistabbilixxi d-deċiżjoni preliminari maħruġa fid-29 ta' Jannar 2013), u n-notifika ta' appell tal-UE lill-Korp tal-Appell tad-WTO tad-29 ta' Jannae 2014,
– wara li kkunsidra r-Rapport Nordregio 2009:2 ("Qawwijin, Speċifiċi u Promettenti – Lejn Viżjoni għaż-Żoni Nordiċi b’Popolazzjoni Sparsa fl-2020"),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tas-sajf tal-2012 tikkostitwixxi pass ulterjuri 'l quddiem;
B. billi l-Parlament fil-mistoqsija orali għal dibattitu tad-9 ta' April 2013, ikkontesta li l-Kummissjoni u l-Kunsill kellhom jirreaġixxu b'mod iktar speċifiku għat-talbiet u l-konklużjonijiet tar-riżoluzzjoni tiegħu tal-2011 dwar politika sostenibbli tal-UE għat-Tramuntana Estrema u biex joħorġu b'viżjoni politika ċara, prijoritajiet u għanijiet settorjali u azzjonijiet konkreti għall-implimentazzjoni ta' strateġija komprensiva UE-Artiku;
C. billi l-Kunsill għadu ma ppubblikax il-konklużjonijiet tiegħu dwar il-komunikazzjoni konġunta Kummissjoni/SEAE tas-sajf tal-2012;
D. billi l-Parlament kien parteċipant attiv fil-ħidma tal-Kumitat Permanenti tal-Membri tal-Parlament tar-Reġjun tal-Artiku, permezz tad-Delegazzjoni tiegħu għar-relazzjonijiet mal-Isvizzera u n-Norveġja u għall-Kumitat Parlamentari Konġunt bejn l-UE u l-Islanda u għall-Kumitat Parlamentari Konġunt taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE);
E. billi d-Danimarka, il-Finlandja u l-Isvezja huma pajjiżi Artiċi u kemm il-Finlandja kif ukoll l-Isvezja jinsabu parzjalment fiċ-Ċirku Artiku; billi l-uniku poplu indiġenu tal-UE, il-poplu tas-Sami, jgħix fir-reġjuni Artiċi tal-Finlandja u tal-Isvezja kif ukoll fin-Norveġja u fir-Russja;
F. billi n-Norveġja, bħala sieħba impenjata u affidabbli, hija assoċjata mal-UE permezz taż-ŻEE u l-Ftehim ta' Schengen;
G. billi l-Artiku huwa reġjun abitat bi stati sovrani; billi r-reġjun Artiku Ewropew jinkludi soċjetajiet moderni industrijalizzati, żoni rurali u komunitajiet indiġeni; billi l-involviment attiv ta' dawn ir-reġjuni fl-iżvilupp tal-politika UE-Artiku huwa essenzjali biex jiġu żgurati leġittimità, fehim reċiproku u appoġġ lokali għall-impenn Artiku tal-UE;
H. billi kien hemm impenn tal-UE dejjiemi fl-Artiku permezz tal-involviment tagħha fil-Politika tad-Dimensjoni tat-Tramuntana mar-Russja, in-Norveġja u l-Islanda, fil-kooperazzjoni ta’ Barents u b’mod partikolari fil-Kunsill Euro-Artiku ta' Barents u l-Kunsill Reġjonali ta' Barents, fis-sħubijiet strateġiċi mal-Kanada, l-Istati Uniti u r-Russja, u fil-parteċipazzjoni tagħha bħala osservatur ad hoc attiv fil-Kunsill tal-Artiku fis-snin riċenti;
I. billi l-Kunsill tal-Artiku ħa deċiżjoni f'Kiruna fil-15 ta' Mejju 2013 li "jirċievi b'mod affermattiv" l-applikazzjoni tal-UE għal status ta' osservatur permanenti; billi din id-deċiżjoni affermattiva tinkludi l-kundizzjoni li tiġi solvuta l-kwestjoni tal-projbizzjoni fuq il-prodotti mill-foki bejn l-UE u l-Kanada; billi l-UE u l-Kanada jinsabu fil-proċess biex isolvu din il-kwestjoni; billi l-UE diġà qed taħdem taħt l-istatus imsemmi hawn fuq ta' osservatur permanenti għall-Kunsill tal-Artiku;
J. billi l-UE u l-Istati Membri tagħha jagħtu kontribut kbir għar-riċerka fl-Artiku; billi l-programmi tal-UE, inkluż il-Programm Qafas ġdid Orizzont 2020, u l-fondi strutturali u ta' investiment Ewropej jappoġġaw proġetti ta' riċerka kbar fir-reġjun, li minnhom żgur jibbenefikaw il-popli u l-ekonomiji tal-pajjiżi tal-Artiku;
K. billi huwa stmat li madwar għoxrin fil-mija tar-riżorsi idrokarburi mhux skoperti fid-dinja jinsabu fir-reġjun tal-Artiku, għalkemm jeħtieġ li ssir riċerka aktar estensiva biex ikun stabbilit b'mod iktar preċiż kemm hemm gass u żejt, f'liema partijiet tar-reġjun tal-Artiku jinsabu u b'liema riżorsi teknoloġiċi jistgħu jiġu estratti b'mod sikur, u jekk l-isfrtuttament jistax jitwettaq b'garanzija ambjentali u soċjali totalment sodisfaċenti għall-popolazzjonijiet lokali, u kemm ikun ekonomikament u ambjentalment vijabbli li jiġu sfruttati dawn ir-riżervi; billi, f'dan ir-rigward, jeħtieġ ukoll li jiġu kkunsidrati s-sikurezza tal-esplorazzjoni u l-produzzjoni taż-żejt u x'impatt ikollhom dawn l-esplorazzjonijiet fuq il-bijodiversità u l-ekosistema fraġli tal-Artiku;
L. billi l-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar tipprovdi l-qafas ġuridiku għall-ġestjoni taż-żoni tal-Baħar Artiku, inklużi f'żoni li ma jaqgħux taħt ġurisdizzjoni nazzjonali;
M. billi l-interess li qed jikber fir-reġjun tal-Artiku fost atturi mhux Artiċi bħaċ-Ċina, il-Ġappun, l-Indja u nazzjonijiet Asjatiċi oħra, l-allokazzjoni ta' fondi tagħhom għar-riċerka polari u, mhux l-anqas, il-konferma tal-istatus tal-Korea t'Isfel, iċ-Ċina, il-Ġappun, l-Indja u Singapor bħala osservaturi fil-Kunsill tal-Artiku, kollha jindikaw l-importanza ġeopolitika li qed tikber tal-Artiku fuq skala globali;
N. billi r-riċerka u l-iżvilupp, il-valutazzjonijiet tal-impatt u l-protezzjoni tal-ekosistema għandhom jakkumpanjaw l-iżvilupp u l-investiment ekonomiku sabiex jiġi żgurat l-iżvilupp sostenibbli tar-reġjun tal-Artiku;
O. billi r-rikonċiljazzjoni tal-interessi u l-opportunitajiet ekonomiċi prospettivi mal-isfidi soċjokulturali, ekoloġiċi u ambjentali permezz ta' żvilupp sostenibbli għadha prijorità ewlenija, riflessa wkoll fl-istrateġiji nazzjonali dwar l-Artiku tal-istati tal-Artiku;
L-EU u l-Artiku
1. Ifakkar fl-adozzjoni tar-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Jannar 2011 dwar politika sostenibbli tal-UE għat-Tramuntana Estrema, u jilqa' l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tas-26 ta' Ġunju 2012; itenni l-pożizzjoni tiegħu li, billi tliet Stati Membri tal-UE – id-Danimarka, il-Finlandja u l-Isvezja – huma Stati Artiċi, filwaqt li n-Norveġja u l-Islanda huma parti miż-ŻEE u miż-żona Schengen, l-UE għandha interess leġittimu minħabba d-drittijiet u l-obbligi tagħha skont id-dritt internazzjonali, l-impenn tagħha favur politiki ambjentali, klimatiċi u oħrajn, u minħabba l-finanzjament, l-attivitajiet ta' riċerka u l-interessi ekonomiċi tagħha, fosthom fl-oqsma tat-trasport marittimu u tal-iżvilupp tar-riżorsi naturali; ifakkar, barra minn hekk, li l-UE għandha żoni kbar ta' art fl-Artiku fil-Finlandja u fl-Isvezja, li huma abitati mill-uniku grupp ta' popolazzjoni indiġena fl-UE, is-Sami;
2. Jirrakkomanda l-ħolqien ta' mekkaniżmu għal skambju u konsultazzjonijiet regolari dwar suġġetti relatati mal-Artiku mal-partijiet interessati reġjonali, lokali u indiġeni tal-Artiku Ewropew sabiex jiġi ffaċilitat fehim reċiroku;
3. Jieħu nota tad-Dikjarazzjoni ta' Kiruna tal-Kunsill tal-Artiku f'Mejju 2013, u d-deċiżjoni tiegħu dwar l-istatus ta' osservatur permanentio għall-UE kif ukoll għal entitajiet statali oħrajn; iħeġġeġ lill-Kummissjon biex issegwi l-kwestjoni tal-projbizzjoni fuq il-prodotti mill-foki mal-Kanada u biex tinforma kif dovut lill-Parlament rigward dak il-proċess;
4. Ifakkar fl-istatus tal-UE u tal-Istati Membri tagħha bħala membri attivi ta' korpi oħra rilevanti għall-Artiku, bħall-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI); jenfasizza l-bżonn li l-attivitajiet tal-istituzzjonijiet tal-UE jerġgħu jkunu ffokati fuq dawk l-oqsma li jikkonċernaw l-interessi politiċi, ambjentali jew ekonomiċi tal-UE u tal-Istati Membri tal-UE; jenfasizza, b'mod partikolari, l-ħtieġa li jiġu kkunsidrati l-interessi tal-UE u tal-istati u r-reġjuni tal-Artiku Ewropew fl-użu, l-emendar jew l-iżvilupp ta' programmi jew politiki tal-UE li jaffettwaw jew jistgħu jaffettwaw l-Artiku, sabiex ikunu ta' servizz għar-reġjun tal-Artiku kollu kemm hu;
5. Iqis il-Kunsill Ewro-Artiku ta' Barents (BEAC) bħala hub importanti għall-koperazzjoni bejn id-Danimarka, il-Finlandja, in-Norveġja, ir-Russja, l-Isvezja u l-Kummissjoni; jinnota l-ħidma tal-BEAC fl-oqsma tas-saħħa, il-kwestjonijiet soċjali, l-edukazzjoni, ir-riċerka, l-enerġija, il-kultura, iż-żgħażagħ, l-SMEs u t-turiżmu; jinnota r-rwol konsultattiv tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Popli Indiġeni (WGIP) fi ħdan il-BEAC;
6. Ifakkar fil-kontribuzzjonijiet li l-UE qed tagħmel għar-riċerka u l-iżvilupp u l-impenn tal-operaturi ekonomiċi rreġistrati u attivi skont il-liġijiet tal-UE fir-reġjun tal-Artiku;
7. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tressaq proposti dwar kif il-proġett Galileo jew progetti oħra bħall-Monitoraġġ Globali tal-Ambjent u s-Sigurtà, li jista' jkollhom impatt fuq l-Artiku jistgħu jiġu żviluppati sabiex ikun hemm navigazzjoni aktar sikura u rapida fl-ibħra tal-Artiku, u b’hekk isir investiment fis-sikurezza u l-aċċessibilità tal-Passaġġ tal-Lvant mit-Tramunatana b’mod partikolari, bl-għan li jikkontribiwixxu għal prevedibbiltà aħjar tal-movimenti tas-silġ, kif ukoll immappjar aħjar ta’ qiegħ il-baħar tal-Artiku u fehim tal-proċessi ġeodinamiċi ewlenin fiż-żona;
8. Jenfasizza l-ħtieġa ta' ċentri ta' kompetenza għall-iżgurar tas-sikurezza, tal-istat tajjeb ta' tħejjija għall-emerġenzi u tal-faċilitajiet ta' salvataġġ; jirrakkomanda li l-UE tikkontribwixxi b'mod attiv għall-iżvilupp ta' tali ċentri;
9. Jilqa' l-implimentazzjoni mill-membri tal-Kunsill tal-Artiku tal-Ftehim ta' Tiftix u Salvataġġ u l-Ftehim dwar Azzjoni f'Każ ta' Tixrid ta' Żejt; jiddispjaċih, madankollu, li l-ftehim ma jinkludix standards komuni vinkolanti speċifiċi;
10. Jenfasizza l-ħtieġa ta' stument vinkolanti fir-rigward tal-prevenzjoni tat-tniġġis taż-żejt;
11. Jenfasizza l-ħtieġa għal impenn attiv tal-UE fil-gruppi ta' ħidma rilevanti kollha tal-Kunsill tal-Artiku jew f'organizzazzjonijiet reġjonali jew internazzjonali rilevanti, bħalma huma l-OMI u l-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (CBD);
12. Jilqa' l-Istrateġiji l-ġodda dwar l-Artiku ppubblikati reċentement minn Stati Membri tal-UE; jittama li dan se jwassal għal aktar impenji konkreti fl-Artiku;
13. Jitlob lill-Kummissjoni tiżviluppa kooperazzjoni eqreb mal-Islanda f'oqsma ta' interess komuni, bħall-iżvilupp tat-trasport marittimu u l-enerġija rinnovabbli, filwaqt li jintużaw bis-sħiħ l-istrumenti eżistenti u jitħeġġu r-riċerka u l-kooperazzjoni kummerċjali bejn l-atturi Ewropej u dawk Islandiżi, u b'hekk jiġi żgurat li l-interessi Ewropej ma jbatux f'dan ir-reġjun strateġikament importanti;
14. Jilqa' l-preparazzjonijiet biex jiġi stabbilit Kunsill Kummerċjali tal-Artiku, li jkun marbut mal-Kunsill tal-Artiku b'kapaċità konsultattiva, u jenfasizza l-persentaġġ ta' negozji u istituti Ewropej ku jikkontribwixxu għall-Artiku u jinvestu fih; jissuġġerixxi li għandu jkun hemm parteċipazzjoni effikaċi tal-atturi kummerċjali mhux biss mit-tliet Stat Membri tal-UE tal-Artiku iżda wkoll minn stati (osservaturi) oħrajn, filwaqt li tiġi kkunsidrata n-natura globali ta' bosta negozji;
15. Jilqa' x-xogħol ta' inizjattivi minn isfel għal fuq, li jistgħu jiżguraw impenn bilanċjat u fit-tul ta' negozji Ewropej u dawk mhux Ewropej, u jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq suġġerimenti dwar kif tista' tappoġġa negozji Ewropej impenjati fi żvilupp soċjoekonomiku bilanċjat, sostenibbli u fit-tul fl-Artiku;
16. Jenfasizza l-ħtieġa ta' djalogu u sħubija mal-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex jitfasslu investimenti Ewropej effikaċi għall-iżvilupp u l-kooperazzjoni, u, barra minn hekk, biex jiġu indirizzati l-isfidi globali għall-progress fl-Artiku u, anke, biex ikun possibbli li jittieħed il-potenzjal sħiħ ta' żvilupp taż-żona;
17. Jirrikonoxxi l-lakuna attwali bejn il-kompetenza relevanti fir-rigward tal-estrazzjoni tal-minerali, l-ipproċessar u l-ħtiġijiet futuri mbassra hekk kif ir-reġjun ikompli jiżviluppa; jissuġġerixxi li permezz tal-parteċipazzjoni fi proġetti konġunti fil-livell Ewrope, bħas-Sħubija tal-Innovazzjoni dwar il-Materja Prima, l-atturi Artiċi jistgħu jagħmlu skambju ta' informazzjoni u kompetenza fuq diversi suġġetti; jenfasizza li l-UE għandha tqis il-ħtieġa li l-attivitajiet ta' materja prima jwasslu għal benefiċċji lokali u jkunu aċċettati fil-lokal;
18. Jitlob lill-Kummissjoni, fid-dawl tal-għadd enormi ta' attivitajiet xjentifiċi, ekonomiċi u ċiviċi, b'mod partikolari fl-Artiku Ewropew, ir-reġjun ta' Barents u lil hinn, biex tiżviluppa prattiki bl-għan li l-fondi tal-UE jintużaw aħjar u jiġi żgurat bilanċ xieraq fil-protezzjoni u l-iżvilupp tar-reġjun tal-Artiku meta l-fondi tal-UE jkunu qed jiġu allokati lill-Artiku;
19. Jissuġġerixxi wkoll il-ħtieġa li l-programmi eżistenti jiġu allinjati aħjar (eż. il-Programm Interreg IV, il-Programm tal-Periferija tat-Tramuntana, il-Programm Kolartic, il-Programm Baltiku u l-Istrateġija tat-Tkabbir Blu), kif ukoll li jsiru kontribuzzjonijiet għall-finanzjament tas-Sħubija Ambjentali tad-Dimensjoni tat-Tramuntana u s-Sħubija tad-Dimensjoni tat-Tramuntana dwar it-Trasport u l-Loġistika, jew il-pakketi tal-ENPI, sabiex tkun tista' ssir allokazzjoni effiċjenti tal-finanzjament, u sabiex jiġu definiti b'mod ċar il-prijoritajiet ta' investiment għall-impenn mar-reġjun tal-Artiku; jissuġġerixxi t-tfassil ta' pjattaforma tal-Kummissjoni u tas-SEAE li tkun responsabbli biex tiżgura l-allokazzjoni koerenti tal-fondi għall-Artiku;
20. Jafferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tipproċedi bl-istabbiliment ta' Ċentru ta' Informazzjoni dwar l-Artiku tal-UE bħala impriża f'netwerk b'uffiċċju permanenti f'Rovaniemi, fil-qafas tal-Azzjoni Preparatorja dwar il-Valutazzjoni Strateġika tal-Impatt Ambjentali tal-Iżvilupp fl-Artiku, kif appoġġat mill-Kummissjoni u s-SEAE fil-komunikazzjoni konġunta tagħhom tal-2012 u implimentat miċ-Ċentru Artiku tal-Università ta’ Lapland, flimkien ma' netwerk ta' ċentri ta' eċċellenza Ewropej dwar l-Artiku bl-għan li jinkiseb aċċess effiċjenti għal informazzjoni dwar l-Artiku, djalogi f'kull livell, u komunikazzjoni sabiex jintużaw l-informazzjoni u l-għarfien għas-sostenibilità fl-Artiku;
21. Jistenna, f'dan ir-rigward, ir-riżultati tal-proġett ta' Azzjoni Preparatorja (AP) ta' 18-il xahar dwar il-Valutazzjoni Strateġika tal-Impatt Ambjentali tal-Iżvilupp fl-Artiku, li għandhom jiġu ppubblikati din ir-Rebbiegħa; jistieden lill-UE sabiex wara dan tipproċedi b'rapidità bl-istabbiliment taċ-Ċentru ta' Informazzjoni dwar l-Artiku tal-UE;
22. Iħeġġeġ lill-UE għal darba oħra biex tintensifika l-isforzi tagħha f'ħidma diplomatika bilaterali mal-istati tal-Artiku minbarra l-impenji ta' kooperazzjoni multilaterali;
23. Jissuġġerixxi li għandu jkun hemm koordinazzjoni aħjar fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-UE bejn il-Kummissjoni u s-SEAE, b'mod partikolari meta wieħed jikkunsidra n-natura transettorjali tas-suġġetti marbuta mal-Artiku;
24. Jitlob lill-Kummissjoni biex tiżviluppa u tressaq strateġija soċjoekonomika u ambjentali viżjonarja, koerenti u sostenibbli għall-impenn tal-UE fl-Artiku, filwaqt li tiżgura li l-interessi tal-UE u tal-Istati Membri tagħha jitqiesu kull meta l-politiki li jaffettwaw lill-Artiku jiġu żviluppati, mibdula jew aġġornati;
25. Jenfasizza l-ħtieġa ta' allinjament mill-qrib - anki fir-rigward tal-finanzjament - bejn il-politika UE-Artiku u l-azzjonijiet tagħha u l-politika dwar id-Dimensjoni tat-Tramuntana u s-sħubijiet tagħha; ifakkar lill-UE biex tissalvagwardja finanzjament suffiċjenti tal-politika effiċjenti u ta' suċċess dwar id-Dimensjoni tat-Tramuntana;
26. Jenfasizza f'dan ir-rigward, is-sinifikat ta' ċerti prijoritajiet Artiċi, bħall-funzjonament tajjeb tal-infrastruttura u l-loġistika, l-iżvilupp fir-reġjun tal-Artiku, it-tħeġġeġ ta' investiment f'kompetenza dwar klimi kesħin u teknoloġiji relevanti favur l-ambjent, u l-appoġġ għall-intraprenditorija lokali u rurali u b'mod partikolari għall-SMEs; jistieden lill-UE biex tinvesti sforz ikbar fl-integrazzjoni ta' tali prijoritajiet Artiċi fl-Istrateġija Ewropa 2020 għat-tkabbir tagħha u fi programmi bħal Orizzont 2020 u l-Unjoni ta' Innovazzjoni, kif ukoll fi programmi ta' riċerka oħra tal-Unjoni;
27. Jenfasizza l-importanza vitali tal-politika reġjonali u ta' koeżjoni tal-UE, l-ENPI u l-programm Interreg għal dan ir-reġjun tal-UE l-iktar imbiegħed fit-Tramuntana, anke fir-rigward tal-kooperazzjoni interreġjonali u transkonfinali;
28. Jistieden lill-UE biex tinvesti iktar f'inizjattvi ta' kooperazzjoni fir-reġjun tal-Artiku, b'mod partikolari fir-rigward tal-proġetti tas-Sħubija tad-Dimensjoni tat-Tramuntana dwar it-Trasport biex ir-reġjun ta' Barents li huwa mogħni bir-riżorsi jiġi konness mas-swieq Ewropej;
29. Jitlob lill-Kummissjoni biex tiżviluppa Pjan ta' Azzjoni biex jiġu definiti passi konkreti għall-implimentazzjoni koerenti kemm ta' Strateġija UE-Artiku, kif ukoll tal-politiki u l-programmi eżistenti marbuta mal-Artiku, sabiex tiżgura approċċ koordinat meta jiġi trattat ir-reġjun tal-Artiku;
30. Jenfasizza li l-Istrateġija UE-Artiku tirrikjedi appoġġ baġitarju xieraq sabiex issir operattiva; jistlob lill-Kummissjoni biex tiżgura li r-riżorsi baġitarji għall-azzjonijiet u l-programmi tal-Artiku jiġu kkoordinati b'mod effikaċi b'intestaturi baġitarji ċari għall-Artiku u intestatura separata fil-baġit li jmiss tal-UEm sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni kredibbli tal-Politika UE-Artiku;
31. Għadu jistenna l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-komunikazzjoni konġunta Kummissjoni/SEAE tas-sajf 2012;
L-iżvilupp soċjoekonomiku sostenibbli u l-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil tal-klima fir-reġjun tal-Artiku
32. Ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-2011 u jenfasizza l-impatt globali tal-bidlet fir-reġjun tal-Artiku u r-rwol importanti li, minbarra n-nazzjonijiet ċirkumpolari, l-UE u potenzi industrijali oħra se jkollhom fit-tnaqqis tat-tniġġis fir-reġjun tal-Artiku kkawżat minn attivitajiet li qed jiżdiedu fih; jinnota li t-tibdil fil-klima fl-Artiku se jkollu impatt kbir fuq ir-reġjuni kostali fl-Ewropa u nħawi oħra, u fuq setturi dipendenti fuq il-klima fl-Ewropa, bħalma huma l-agrikoltura u s-sajd, l-enerġija, it-trobbija ta’ merħliet ta' renni, il-kaċċa, it-turiżmu u t-trasport;
33. Jenfasizza l-importanza li jiġu rikonoxxuti r-riskji, kif ukoll l-effetti sħaħ fuq l-ambjent u l-ekosistema, meta jiġu diskussi l-prospetti għall-gass u għaż-żejt fl-Artiku; jenfasizza li l-Artiku joffri sfidi uniċi għat-tħaffir għaż-żejt u għall-gass li m’għandhomx jiġu sottovalutati; jirrikonoxxi d-diskussjonijiet attwali bejn l-istati tal-Artiku dwar il-projbizzjoni tat-tħaffir għaż-żejt u għall-gass f'ċerti żoni tal-Artiku;
34. Jemmen li hemm bżonn ta' aktar informazzjoni dwar l-ekosistemi marittimi Artiċi, l-effetti tat-tibdil fil-klima u l-impatti li t-tħaffir għaż-żejt u l-gass għandu fuq l-ispeċi uniċi tal-Oċean Artiku, qabel ma jkomplu bil-prospetti għaż-żejt u għall-gass fl-Artiku; jitlob li qabel ma jibda t-tħaffir għall-esplorazzjoni u l-produzzjoni fl-Artiku, l-istituzzjonijiet, l-organizzazzjonijiet u l-aġenziji bil-kompetenza relevanti għandhom jeżaminaw mill-ġdid il-kundizzjonijiet li bihom jista’ jsir it-tħaffir fil-futur;
35. Ifakkar fit-tixrid taż-żejt tad-Deepwater Horizon fil-Golf tal-Messiku u l-ħtieġa li jittieħdu l-passi kollha neċessarji biex jiġi żgurat li ma sseħx katastrofi ambjentali simili fl-ilmijiet tal-UE;
36. Jirrikonoxxi l-fatt li l-effetti tas-silġ li qed jinħall u t-temperaturi aktar moderati mhux biss qed joħolqu r-riskju li jispostaw popli indiġeni u b’hekk jheddu l-mod kif jgħixu l-indiġeni, iżda qed joħolqu wkoll opportunitajiet għall-iżvilupp ekonomiku fir-reġjun tal-Artiku;
37. Jistieden lill-UE biex tagħmel kull sforz possibbli biex tiżgura rikonċiljazzjoni sostenibbli bejn l-attivitajiet ekonomiċi u żvilupp u protezzjoni soċjoekonomiċi u ambjentali vijabbli, sabiex jitħares il-benessri fl-Artiku u lil hinn;
38. Jenfasizza li ż-żamma ta' komunitajiet żviluppati u sostenibbli fl-Artiku b'livell ta' għajxien għoli hija ta' importanza assoluta, u li l-UE jista' jkollha rwol vitali fil-kwestjoni; jistieden lill-UE, f'dan ir-rigward, biex tintensifika l-ħidma tagħha fl-oqsma marbuta ma' ġestjoni bbażata fuq l-ekosistema, kooperazzjoni multilaterali, teħid ta' deċiżjonijiet abbażi tal-għarfien u kooperazzjoni mill-qrib mal-abitanti lokali u l-popli indiġeni;
39. Jirrikonoxxi r-rieda tal-abitanti u l-gvernijiet tar-reġjun tal-Artiku bi drittijiet u b'responsabbiltajiet sovrani li jibqgħu jsegwu żvilupp ekonomiku sostenibbli filwaqt li fl-istess ħin jipproteġu l-għejun tradizzjonali tal-għajxien tal-popli indiġeni u n-natura sensittiva ħafna tal-ekosistemi tal-Artiku;
40. Jirrikonoxxi li l-ibħra madwar il-Pol Nord huma ibħra internazzjonali;
41. Jiddispjaċih, madankollum, filwaqt li jżomm f'moħħu l-leġiżlazzjoni simili fl-Istati Uniti, fir-rigward tal-effetti li r-regolament tal-UE dwar il-projbizzjoni fuq il-prodotti mill-foki kellu fuq partijiet tal-popolazzjoni, u b'mod partikolari fuq il-kultura u l-għajxien tal-popli indiġeni, u dan wassal għal ostakolu fl-impenji tal-UE fl-Artiku; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, għalhekk, biex tesplora modi kif tadatta jew tirriforma din il-leġiżlazzjoni u tagħmilha kompatibbli mal-bżonnijiet tas-sħab Artiċi tal-Unjoni;
42. Jirrikonoxxi l-importanza fundamentali tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali, li jippermettu lir-reġjuni fl-Artiku li għandhom ċerti karatteristiċi u sfidi, biex ikomplu jużaw mekkaniżmi xierqa sabiex irawmu l-innovazzjoni u t-tkabbir sostenibbli;
43. Jikkonferma l-pożizzjonijiet tiegħu dwar id-drittijiet tal-popli indiġeni inġenerali, u tas-Sami b'mod partikolari, bħala l-uniku poplu indiġenu tal-UE, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli tesplora b'liema mod jista' jiġi żgurat li leħinhom u l-esperjenza tagħhom ikunu preżenti fil-proċessi ta' tfassil ta' politiki tal-UE; jissuġġerixxi, f'dan ir-rigward, li jiġi appoġġat l-istabbiliment ta' Rappreżentanza Indiġena Indipendenti fi Brussell; jenfasizza li l-politiki għall-iżvilupp ta’ ambjenti tal-għajxien fiż-żona jippromwovu wkoll attivitajiet li b’mod partikolari jikkusidraw il-prospetti li l-popli indiġeni tar-reġjun jiżviluppaw il-kultura, il-lingwa u d-drawwiet tagħhom, li jistgħu jkunu differenti minn tal-bqija tas-soċjetà taż-żona;
44. Jirrikonoxxi li l-politiki tal-UE li jsaħħu l-edukazzjoni għolja u l-faċilitajiet għar-riċerka fiż-żona huma fundamentali biex jissaħħu l-ambjenti innovattivi u l-mekkaniżmi għat-trasferiment tat-teknoloġija; jenfasizza l-importanza li jiġi appoġġat l-iżvilupp ta' netwerks ta' kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja fir-reġjun u lil hinn minnu u jiġu pprovduti opportunitajiet ta' finanzjament ta' riċerka, b'mod partikolari f'oqsma fejn ir-reġjun għandu storja ta’ riżultati tajbin, sabiex jitrawwem żvilupp sostenibbli fir-reġjuni tal-Artiku;
45. Jenfasizza l-importanza ewlenija tas-sikurezza u s-sigurtà ta’ rotot ġodda ta' kummerċ dinji permezz tal-baħar fl-Artiku, b’mod partikolari għall-UE u għall-ekonomiji tal-Istati Membri tagħha, li jikkontrollaw 40 % tat-trasport kummerċjali marittimu tad-dinja; jilqa' l-ħidma li qed issir fl-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) dwar il-finalizzazzjoni ta' Kodiċi Polari mandatorju għat-trasport marittimu; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jinvolvu ruħhom f'kuntatt mill-qrib mal-istituti Ewropej tar-riċerka u ma' impriżi tat-trasport u tal-assikurazzjoni, filwaqt li jiżguraw li jitqiesu t-teknoloġiji u l-esperjenzi ġodda; jenfasizza li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jiddefendu attivament il-libertà tal-ibħra u d-dritt ta' passaġġ liberu mill-passaġġi fuq l-ilma internazzjonali; iħeġġeġ il-kooperazzjoni kemm fir-riċerka kif ukoll fl-investiment bl-għan li tiġi żviluppata infrastruttura robusta u sikura għar-rotot marittimi tal-Artiku;
46. Jistieden lill-istati fir-reġjun jiżguraw li kwalunkwe rotta tat-trasport attwali – u dawk li jistgħu jitfaċċaw fil-futur – ikunu miftuħa għat-trasport marittimu internazzjonali, u jżommu lura milli jintroduċu piżijiet unilaterali arbitrarji, kemm finanzjarji kif ukoll amministrattivi, li jistgħu jfixklu t-trasport marittimu fl-Artiku, minbarra l-miżuri maqbula internazzjonalment immirati biex tiżdied is-sigurtà jew il-protezzjoni tal-ambjent;
47. Jinnota l-importanza tal-iżvilupp ta' rabtiet infrastrutturali li jikkolegaw ir-reġjun tal-Artiku mal-bqija tal-Ewropa sabiex l-iżviluppi kummerċjali futuri jkunu ta' suċċess; jenfasizza, b'mod partikolari,l-importanza tal-konnessjonijiet tan-netwerk TEN-T fit-Tramuntana Estrema bħall-konnessjonijiet mal-port ta' Narvik u l-kuritur tal-Botnja;
48. Jieħu nota tal-attivitajiet ta' esplorazzjoni riċenti fl-Artiku Ewropew u fil-Baħar Barents, u jenfasizza l-kooperazzjoni bilaterali bejn in-Norveġja u r-Russja, li jimmiraw għall-ogħla standards tekniċi disponibbli fil-qasam tal-ħarsien ambjentali waqt it-tiftix taż-żejt u l-gass fil-Baħar Barents; jindika b’mod partikolari l-importanza tal-iżvilupp kontroversjali ta’ teknoloġiji ġodda żviluppati speċjalment għall-ambjent Artiku, bħat-teknoloġija tal-installazzjoni taħt qiegħ il-baħar;
49. Ifakkar fil-pożizzjoni tal-UE bħala konsumatur ewlieni tal-gass naturali tal-Artiku, u jenfasizza r-rwol ta' gass naturali minn sors ta' provvista sikur u bla periklu, prodott skont l-ogħla standards possibbli, bħala element importanti li fil-futur ser jorbot ma' ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju; jappoġġa l-approċċ prekawzjonarju pass wara pass fl-iżvilupp tar-riżorsi tal-enerġija fl-Artiku, u jenfasizza l-fatt li d-diversi reġjuni tal-Artiku għandhom kundizzjonijiet li jvarjaw minn xulxin b'mod sostanzjali u għalhekk għandhom jiġu indirizzati separatament;
50. Ifakkar fid-dritt tal-poplu tal-Artiku li jiddetermina l-għajxien tiegħu stess, u jirrikonoxxi x-xewqa tagħhom ta' żvilupp sostenibbli tar-reġjun; jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta dwar liema programmi tal-UE jistgħu jintużaw biex jappoġġaw tali żvilupp sostenibbli, bilanċjat u fuq fit-tul, u biex tħejji mezzi bl-għan li jingħata kontribut aktar konkret biex din ix-xewqa sseħħ;
51. Huwa tal-fehma li sabiex jiġi identifikat il-potenzjal speċifiku ta’ kull lokalità u biex jiġu żviluppati strateġiji adegwati ta’ żvilupp fir-rigward tad-differenzi reġjonali, ikun meħieġ proċess inklużiv bil-għajnuna tal-livelli nazzjonali u tal-UE; jemmen li s-sħubiji u d-djalogu bejn il-livelli kkonċernati ta’ awtorità jistgħu jiżguraw li l-politiki jkunu jistgħu jiġu implimentati fil-livell l-aktar effikaċi;
52. Jieħu nota tal-prijoritajiet tal-gvern il-ġdid tal-Groenlandja, u jistieden lill-Kummissjoni tesplora kif il-programmi tal-UE jistgħu jikkontribwixxu għall-iżvilupp sostenibbli tal-Groenlandja, u kif jista’ jiġi żgurat li r-rabtiet li hemm mad-Danimarka u l-Ewropa kollha kemm hi jistgħu jippromwovu żvilupp li jservi fit-tul l-interessi kemm tal-poplu tal-Groenlandja u kemm tal-atturi tal-UE; iħeġġeġ kemm lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Istati Membri biex jieħdu perspettiva strateġika tal-ġejjieni tal-Groenlandja u l-iżvilupp tar-riżorsi tagħha, filwaqt li jiżguraw li l-parteċipazzjoni xierqa tal-Ewropa sabiex tikkontribwixxi għall-iżvilupp sostenibbli tal-Groenlandja;
53. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar is-suċċess ferm limitat tal-Ittra ta' Intenzjoni ffirmata mill-Viċi President tal-Kummissjoni mal-Groenlandja, meta mqabbla mal-veloċità ta' tħejjija għall-impenn u l-investiment min-nazzjonijiet Asjatiċi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jikkoordinaw ukoll man-negozji Ewropej sabiex jiżguraw li jitqiesu l-interessi fit-tul tal-UE u l-użu tal-kapaċità tagħha li tikkontribwixxi għal żvilupp sostenibbli fit-tul;
54. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-istati tar-reġjun tal-Artiku.