Dokument ta' sessjoni

 

15.7.2014                                                                                                                B8‑0025/2014

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi-President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina

( 2014/2717(RSP) )

Charles Tannock, Anna Elżbieta Fotyga, Ryszard Antoni Legutko, Tomasz Piotr Poręba, Ryszard Czarnecki, Mark Demesmaeker, Roberts Zīle, Bas Belder, Geoffrey Van Orden, Ruža Tomašić

f'isem il-Grupp ECR

 

B8‑0025/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina

( 2014/2717(RSP) )

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-27 ta’ Ġunju 2014,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijet preċedenti tiegħu dwar l-Ukraina,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Summit tas-Sħubija tal-Lvant li sar f'Vilnjus fid-29 ta' Novembru 2013,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-poplu tal-Ukraina qam kontra gvern korrot li rrifjuta li jiffirma l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni mal-Unjoni Ewropea;

B.     billi l-Parlament tal-Ukraina biddel il-Kostituzzjoni u ssieħeb mal-poplu tal-Ukraina fil-ġlieda tiegħu għal valuri Ewropej tad-drittijiet tal-bniedem, tal-libertà u tad-demokrazija;

C.     billi f'April faqqgħet il-vjolenza fil-Lvant tal-Ukraina, meta s-separatisti ddikjaraw indipendenza fir-reġjuni Donetsk u Luhansk, wara l-annessjoni illegali Russa tal-Krimea tal-Ukraina;

D.     billi l-President Petro O. Poroshenko ddikjara pjan ta' 15-il punt għal soluzzjoni paċifika tal-kriżi fil-Lvant tal-Ukraina, inkluż id-diżarmament tal-forzi seċessjonisti;

E.     billi l-awtoritajiet Ukraini ddikjaraw waqfien mill-ġlied unilaterali li ppermetta konsultazzjonijiet bejn l-Ukraina, ir-Russja, l-OSKE u l-forzi separatisti; billi fid-dawl tan-nuqqas ta' kwalunkwe progress sostanzjali u azzjonijiet militari kontinwi minn forzi favur ir-Russja, inkluż it-twaqqigħ ta' ħelikopters militari Ukraini, il-President Poroshenko ddeċieda li jġedded l-isforzi militari tal-forzi tal-gvern biex jegħleb l-irvell tas-separatisti fil-Lvant;

F.     billi f'din l-offensiva l-ġdida l-forzi tal-gvern tal-Ukraina keċċew ribelli favur ir-Russja minn Slovyansk, forztizza tar-ribelli blukkata għal żmien twil u reġgħu ħadu 23 minn 36 reġjun li qabel kienu kkontrollati minn separatist fid-distretti Donetsk u Lugansk, kif ukoll il-punt ta' kontroll fuq il-fruntiera importanti f'Dolzhansky;

G.     billi, skont sorsi tan-NATO, ir-Russja qegħda allegatament tibgħat it-tankijiet kbar tal-gwerra, artillerija u armi oħrajn lir-ribelli, u qegħda tippermetti ġellieda mir-Russja jaqsmu l-fruntiera biex jissieħbu mal-milizzji tar-ribelli;

H.     billi sa mill-bidu ta' dik li Kiev iddefiniet uffiċjalment bħala "operazzjoni kontra t-terroriżmu" fil-Lvant tal-Ukraina minn tal-inqas 200 persuna nqatlu u 600 oħra ndarbu , filwaqt li n-numru tar-refuġjati Ukraini laħaq il-110 000 ruħ u huwa stmat li hemm 'il fuq minn 54 000 persuna spostata f'pajjiżha (IDP);

I.      billi fis-27 ta' Ġunju l-UE ffirmat ftehim ta' Assoċjazzjoni mal-Ukraina, flimkien mal-Ġeorġja u l-Moldova; billi l-iffirmar ta' dan il-ftehim jirrikonoxxi l-aspirazzjonijiet tal-poplu tal-Ukraina li jgħix f'pajjiż immexxi minn valuri Ewropej, bid-demokrazija u l-istat tad-dritt;

J.      billi l-mexxejja politiċi Russi, ippruvjaw jużaw sentimenti rredentisti u ta' ritaljazzjoni bil-ħsieb li jiksbu lura territorji mitlufa sabiex jilleġittimizzaw azzjonijiet tas-separatisti, u kienu qed jistqarru pubblikament li dak li llum huwa x-Xlokk tal-Ukraina, taħt il-kżarijiet, kien reġjun Russu jismu Novorossiya;

K.     billi r-Russja użat il-militar tagħha biex tieħu kontroll u mbagħad tgħaqqad illegalment il-Krimea tal-Ukraina, wara li appoġġat lil gruppi separatist lokali; billi dan ix-xenarju rrepeta ruħu fil-każ tal-Lvant tal-Ukraina, b'hekk inksiru l-prinċipji kollha tal-Ftehimiet ta' Ħelsinki;

L.     billi, b'konformità mad-dikjarazzjoni tal-G7 u kif kien miftiehem fil-Kunsill tal-Affarijiet Barranin tal-14 ta' April, l-UE wessgħet ukoll il-lista ta' persuni suġġetti għal sanzjonijiet immirati għal azzjonijiet li jdgħajfu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina, bi projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u ffriżar tal-assi għal 15-il individwu ieħor;

M.    billi l-President Vladimir Putin iddikjara li r-Russja se 'tkompli tiddefendi b'mod attiv id-drittijiet tar-Russi, tal-kompattrijotti msefrin tagħna, bl-użu tal-firxa kollha tal-mezzi disponibbli – minn mezzi politiċi u ekonomiċi sa operazzjonijiet fl-ambitu tad-dritt umanitarju internazzjonali u d-dritt tad-difiża leġittima';

N.     billi fis-16 ta' Ġunju r-Russja waqqfet il-provvisti kollha tal-gass għall-Ukraina, billi stqarret li l-Ukraina naqqset milli tħallas id-djun tagħha ma' Gazprom; billi r-Russja thedded li tikkastiga lill-Ukraina, flimkien mal-Ġeorġja u l-Moldova, peress li ffirmaw il-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni mal-UE, bl-introduzzjoni ta' projbizzjonijiet fuq il-prodotti tal-ħalib u prodotti oħra;

O.     billi l-aggressjoni Russa u l-qbid tal-Krimea saru bi ksur tad-dritt internazzjonali inkluż tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, minn tal-inqas tliet ftehimiet bejn l-Ukraina u r-Russja dwar relazzjonijiet bilaterali mill-1997, u b'mod partikolari l-Memorandum TNP ta' Budapest tal-1994 u l-atti ewlenin tal-OSKE;

P.     billi l-Kummissjoni ddeċidiet li toħloq Grupp ta' Appoġġ għall-Ukraina, li jaħdem bħala punt ta' kuntatt li jipprovdi struttura u gwida għall-ħidma tal-Kummissjoni biex tappoġġja lill-Ukraina u jgħin jimmobilizza l-esperti tal-Istati Membri u jtejjeb aktar il-koordinazzjoni mad-donaturi u l-Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali; billi l-Kummissjon Ewropea adottat pakkett ta' appoġġ kbir għall-Ukraina b'valur ta' €11.1 biljun mifrux fuq is-seba' snin li ġejjin;

Q.     billi fil-25 ta' Mejju fl-Ukraina saru l-elezzjonijiet presidenzjali li kienu konformi mal-impenji internazzjonali u rrispettaw bis-sħiħ il-libertajiet fundamentali fil-maġġoranza vasta tal-pajjiż, minkejja l-ambjent ta' sigurtà ostili fiż-żewġ reġjuni tal-Lvant u l-annessjoni tal-Krimea mir-Russja;

1.      Jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-Ukraina u l-appoġġ għall-pjan ta' paċi mressaq mill-President Poroshenko u jħeġġeġ lir-Russja ma theddidx lill-Ukraina b'invażjoni militari; jieħu nota tad-dikjarazzjoni tal-President Russu ta' appoġġ fil-prinċipju għall-pjan ta' paċi u d-deċiżjoni tal-Kunsill Federali li jirrevoka l-awtorizzazzjoni li jintużaw forzi Russi biex isir intervent militari fl-Ukraina; ifakkar li sabiex jintlaħaq waqfien mill-ġlied dejjiemi u jiġi implimentat il-pjan ta' paċi, ir-Russja trid twaqqaf kull appoġġ finanzjarju, politiku jew militari lis-separatisti fil-Lvant tal-Ukraina;

2.      Iħeġġeġ lill-Federazzjoni Russa, f'dan ir-rigward, biex ma tappoġġjax gruppi armati illegalment u biex twaqqaf il-fluss tal-armi u tal-militanti fil-Lvant tal-Ukraina, u jsejjaħ lill-Kunsill Ewropew jimponi aktar sanzjonijiet ekonomiċi settorjali fuq ir-Russja jekk tonqos milli tagħmel dan; f'dan il-kuntest, iħeġġeġ lil Franza twaqqaf il-bejgħ tal-bastimenti tal-assalt tal-gwerra tal-klassi Mistral lir-Russja;

3.      Jilqa' r-rieda tajba li wriet in-naħa Ukraina fl-adozzjoni ta' waqfien mill-ġlied unilaterali u jiddispjaċih li s-separatisti naqsu milli jieħdu dak l-eżempju; jilqa' l-ħelsien mill-kontroll tar-ribelli ta' Slovyansk u l-punt ta' kontroll fuq il-fruntiera f'Dolzhansky mill-forzi tal-Ukraina; jappella għal ċessjoni tal-ostilitajiet militari kollha u għall-implimentazzjoni tal-pjan ta' paċi b'kooperazzjoni kostruttiva mir-Russja u fl-ambitu tal-awspiċji u s-sorveljar mill-OSKE;

4.      Jesprimi s-solidarjetà tiegħu man-nazzjon tal-Ukraina unit fil-ġlieda tiegħu biex jiddefendi s-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukraina;

5.      Jikkundanna l-aggressjoni Russa fuq il-Krimea bħala ksur gravi fl-ambitu tad-dritt internazzjonali tas-sovranità tal-Ukraina u l-integrità territorjali u jirrifjuta l-politika Russa ta' fait accompli fir-relazzjonijiet barranin; iqis l-annessjoni tal-Krimea illegali u jirrifjuta li jirrikonoxxi t-tmexxija de facto Russa fuq il-peniżola, inkluża d-deċiżjoni ta' projbizzjoni ta' importazzjoni ta' beni mill-Krimea u Sevastopol li m'għandhomx ċertifikat tal-Ukraina;

6.      Ifakkar li l-fruntieri eżistenti tal-Ukraina ġew garantiti bis-sħiħ mill-Istati Uniti tal-Amerika, mill-Federazzjoni Russa u mir-Renju Unit fil-Memorandum ta' Budapest dwar Garanziji ta' Sigurtà, meta l-Ukraina ċediet l-armi nukleari tagħha u ngħaqdet mat-TNP; ifakkar ukoll lill-Federazzjoni Russa li, flimkien maż-żewġ pajjiżi l-oħra msemmija hawn fuq, ħadet l-impenn fl-istess dokument li ma twettaqx azzjonijiet ta' koerċizzjoni ekonomika bl-għan li tissubordina għall-interessi tagħha l-eżerċitar min-naħa tal-Ukraina tad-drittijiet inerenti għas-sovranità tagħha, u b'hekk tiżgura vantaġġi ta' kwalunkwe tip;

7.      Jinsab imħasseb dwar l-attentati li saru mill-mexxejja politiċi Russi u l-membri tal-gvern biex jużaw argumenti storiċi rredentisti u ta' ritaljazzjoni bil-ħsieb li jiksbu lura territorji mitlufa sabiex jaggravaw is-sitwazzjoni fin-naħa tal-Lvant tal-Ukraina, kif ukoll billi jużaw is-sitwzzjoni ta' ċittadini li jitkellmu r-Russu f'pajjiżi oħra bħala skuża biex iniedu azzjonijiet diplomatiċi, ekonomiċi jew anke militari kontra s-sovranità tal-pajjiż u membri tal-ex Unjoni Sovjetika;

8.      Itenni t-talba t-talba tiegħu lir-Russja biex ma tużax il-gass u ż-żejt bħala għodda ta' koerċizzjoni u ta' pressjoni fuq il-ġirien tagħha; f'dan ir-rigward jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata provvista ta' enerġija sigura għall-Ukraina u għal dawk l-Istati Membri tal-UE li jiġu affettwati fl-eventwalità ta' qtugħ possibbli tal-provvista tal-gass u taż-żejt min-naħa tar-Russja;

9.      Jilqa' l-iffirmar tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni mal-Ukraina u jenfasizza l-prospett rikonoxxut ġuridikament tal-Ukraina li eventwalment tissieħeb fl-UE, li fil-prinċipju jingħata mill-Artikolu 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea;

10.    Jikkundanna bil-qawwa l-intimidazzjoni tal-ġurnalisti mill-'awtoritajiet' li pproklamaw lilhom infushom fir-reġjuni ta' Donetsk u Luhansk, inklużi theddid fiżiku u ħtif ta' persuni; jesprimi l-kondoljanzi tiegħi lill-familja ta' ġurnalist Russu li nqatel fil-Lvant tal-Ukraina u jiddeplora d-detenzjoni illegali tal-korrispondenti Ukraini minn forzi separatisti fir-reġjun ta' Luhansk; jenfasizza l-ħtieġa li l-partijiet kollha tal-kunflitt jiżguraw is-sigurtà tal-ġurnalisti bħala prijorità għolja;

11.    Jenfasizza l-ħtieġa li l-interessi u l-valuri Ewropej jiġu mħarsa u li fil-pajjiżi tal-kontinent Ewropew jiġu promossi l-istabbiltà, il-prosperità u d-demokrazija u biex jissaħħu r-relazzjonijiet ma' sħab strateġiċi globali, b'mod partikolari dawk transatlantiċi;

12.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-Istati Membri, lill-President tal-Ukraina, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant u tal-Federazzjoni Russa, lill-Assemblea Parlamentari Euronest, u lill-Assemblej Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa u lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa.