Dokument ta' sessjoni
15.7.2014 B8‑0026/2014
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi-President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina
( 2014/2717(RSP) )
Knut Fleckenstein, Victor Boştinaru, Richard Howitt, Ana Gomes, Pier Antonio Panzeri, Ioan Mircea Paşcu, Tonino Picula, Kati Piri, Marju Lauristin, Boris Zala, Andrejs Mamikins, Liisa Jaakonsaari, Goffredo Maria Bettini, Afzal Khan, Jo Leinen, Francisco Assis, Arne Lietz, Miltiadis Kyrkos
f'isem il-Grupp S&D
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina
( 2014/2717(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta mill-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Ukraina, ir-Russja, Franza u l-Ġermanja tat-2 ta' Lulju 2014,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Ukraina (AA), li jinkludi Żona ta' Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva (DCFTA), iffirmat fis-27 ta' Ġunju 2014,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet dwar l-Ukraina tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-UE tat-23 ta' Ġunju 2014 u l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-27 ta' Ġunju 2014,
– wara li kkunsidra r-rapporti mill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ukraina tal-15 ta' Mejju u l-15 ta' Ġunju 2014,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern dwar l-Ukraina tas-27 ta' Mejju 2014,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tar-Riżultati Preliminari u l-Konklużjonijiet tal-Missjoni Internazzjonali ta' Osservazzjoni tal-elezzjonijiet presidenzjali tal-25 ta’ Mejju 2014,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Ukraina tkompli taffaċċja sfidi tas-sigurtà, politiċi u soċjoekonomiċi serji; billi l-kunflitt fil-Lvant tal-Ukraina jirrappreżenta impediment serju għall-iżvilupp u l-prosperità tal-pajjiż;
B. billi l-awtoritajiet tal-Ukraina, minkejja l-kriżi fil-parti tal-Lvant tal-Ukraina, irnexxielhom jorganizzaw elezzjonijiet presidenzjali li kienu fil-biċċa l-kbira tagħhom konformi ma' impenji internazzjonali u rrispettaw il-libertajiet fundamentali tal-maġġoranza vasta tal-pajjiż;
C. billi l-President tal-Ukraina li għadu kif ġie elett, Petro Poroshenko, ippreżenta pjan għal soluzzjoni paċifika tal-kriżi; billi Grupp ta' Kuntatt Trilaterali li jikkonsisti f'rappreżentanti għolja tal-Ukraina, il-Federazzjoni Russa u l-OSKE qed jipprova jsib mezzi għal progress konkret lejn soluzzjoni paċifika tal-kunflitt, ibbażat fuq pjan ta' paċi propost u d-dikjarazzjoni konġunta mill-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Ġermanja, Franza, ir-Russja u l-Ukraina tat-2 ta' Lulju 2014, li enfasizzaw il-ħtieġa għal waqfien mill-ġlied sostenibbli sorveljat mill-Missjoni Speċjali ta' Monitoraġġ tal-OSKE fl-Ukraina;
D. billi l-AA/DCFTA toffri assoċjazzjoni politika u integrazzjoni ekonomika bbażata fuq valuri komuni u impenn min-naħa tal-awtoritajiet tal-Ukraina biex iwettqu riformi li jilħqu l-aspettattivi tan-nies tal-pajjiż għal ħajja aħjar, partikolarment fil-qasam tal-istat tad-dritt, id-demokrazija, il-ġustizzja, id-drittijiet tal-bniedem u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni;
1. Jilqa' b'sodisfazzjon l-iffirmar tal-kapitoli li fadal tal-AA/DCFTA UE-Ukraina, kif ukoll tal-AAs/DCFTAs UE-Moldova u UE-Ġeorġja, li jimmarkaw il-bidu ta' era ġdida fir-relazzjonijiet politiċi u ekonomiċi ta' dawn il-pajjiżi mal-UE; jistenna li applikazzjoni proviżorja tal-ftehimiet tista' tibda fil-ħarifa tal-2014 u jistieden lit-tliet pajjiżi inkwistjoni u lill-Istati Membri tal-UE jikkonkludu malajr il-proċessi ta' ratifika; jitlob l-implimentazzjoni tar-riformi relatati u jikkonferma mill-ġdid l-impenn tal-UE li tappoġġja l-pajjiżi assoċjati fl-isforzi tagħhom;
2. Jiċħad l-adozzjoni ta' miżuri ta' kummerċ "punittivi" mir-Russja kontra dawk il-pajjiżi li ffirmaw il-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni mal-UE, peress li dawn il-ftehimiet mhumiex ta' theddida għar-Russja; jinnota b'sodisfazzjon li l-konsultazzjonijiet esperti bejn l-UE, l-Ukraina u r-Russja dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Ukraina u l-kummerċ ħieles għamlu progress u li laqgħa ministerjali bejn tliet partiti saret fi Brussell fil-11 ta' Lulju 2014; jemmen li dan huwa proċess utli li jista' jgħin itemm in-nuqqas ta' ftehim dejjiemi, billi jispjega l-benefiċċji tal-AA/DCFTA u jqis it-tħassib leġittimu tal-partiti kollha;
3. Jiddispjaċih għall-fatt li l-waqfien mill-ġlied offrut b'mod unilaterali minn Kiev naqas milli jikseb soluzzjoni negozjata u li l-ġlied kompla u intensifika; jinsab ferm imħassab dwar is-sigurtà tan-nies ordinarji li jibqgħu maqbuda fiż-żoni ta' Donetsk u Luhansk; jiddeplora t-telf ta' ħajjiet u l-fatt li ġew reġistrati tfal fost il-vittmi; jesprimi l-kondoljanzi mill-qalb tiegħu lill-qraba tagħhom; jikkundanna kwalunkwe mira fuq il-popolazzjoni ċivili u jitlob għal rispett strett tad-dritt umanitarju internazzjonali; iħeġġeġ lir-ribelli jaċċettaw u jiffaċilitaw it-twettiq tal-assistenza umanitarja, u ma joħolqux ostakli għar-rifuġjati li qed ifittxu li jitilqu miż-żona ta' kunflitt;
4. Jenfasizza d-dritt fundamentali tan-nies tal-Ukraina biex jiddeterminaw b'mod liberu l-ġejjieni ta' pajjiżhom u jafferma mill-ġdid id-dritt tad-difiża leġittima tal-Ukraina, skont l-Artikolu 51 tal-Karta tan-NU; jinsab konvint, madankollu, li ma jistax ikun hemm soluzzjoni militari għall-kriżi attwali u għaldaqstant iħeġġeġ lin-naħat kollha juru trażżin, iżommu mal-waqfien mill-ġlied u jinvolvu ruħhom f'negozjati serji li jwasslu għal soluzzjoni politika li tirrispetta l-integrità u s-sovranità territorjali tal-Ukraina;
5. Jilqa' l-pjan ta' paċi propost mill-President Poroshenko bħala opportunità importanti biex titnaqqas it-tensjoni tas-sitwazzjoni fil-Lvant tal-Ukraina u biex issaħħaħ l-unità tal-pajjiż; jappoġġja bis-sħiħ il-ħidma tal-Grupp ta' Kuntatt Trilaterali u l-Missjoni Speċjali ta' Monitoraġġ tal-OSKE fl-Ukraina, u jfaħħar l-isforzi tal-Istati Membri individwali tal-UE biex jassiguraw soluzzjoni negozjata tal-kriżi; jiddispjaċih, madankollu, għall-fatt li l-UE, permezz tar-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà/Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea, m'għandhiex rwol prominenti fil-proċess; jistenna li l-President il-ġdid tal-Kummissjoni se jaħdem id f'id mar-RGħ/VP futur biex jinstab rimedju għal din is-sitwazzjoni sfortunata u li l-Istati Membri individwali tal-UE se jikkontribwixxu għat-tisħiħ tar-rispons immedjat tal-UE u l-impenn dejjiemi;
6. Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Federazzjoni Russa biex jiċħad r-riżoluzzjoni tiegħu "Dwar l-użu tal-Forzi Armati tar-Russja fit-territorju tal-Ukraina", li ppermetta l-użu tal-Forzi Armati Russi fl-Ukraina, kif ukoll id-dikjarazzjoni tar-Russja li hija lesta tagħti aċċess lill-gwardjani tal-fruntieri tal-Ukraina għat-territorju Russu sabiex tikkontrolla l-qsim tal-fruntiera fil-punti ta' kontroll ta' Gukovo u Donetsk, filwaqt li ġie aderit b'mod reċiproku l-waqfien mill-ġlied miftiehem;
7. Jitlob għal projbizzjoni kollettiva fuq il-bejgħ ta' armi lir-Russja u jħeġġeġ l-implimentazzjoni tagħha sa ma s-sitwazzjoni fil-Lvant tal-Ukraina tinnormalizza ruħha; ifakkar li, skont kriterju 4 tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/CFSP tat-8 ta' Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta' esportazzjonijiet ta' teknoloġija u tagħmir, l-Istati Membri tal-UE m'għandhomx joħorġu liċenzji ta' esportazzjoni f'każijiet fejn dawn huma riskju ċar għall-preservazzjoni tal-paċi, s-sigurtà u l-istabbiltà reġjonali u fejn ir-reċipjent intenzjonat juża b'mod aggressiv it-teknoloġija jew it-tagħmir militari esportat kontra pajjiż ieħor jew biex jasserixxi dikjarazzjoni territorjali b'forza; jilqa' l-fatt li bosta Stati Membri diġà applikaw din ir-regola; jiddeplora, madankollu, l-assenza s'issa ta' deċiżjoni kollettiva tal-UE;
8. Javża li kull pass ieħor mill-Federazzjoni Russa biex tiddistabbilizza l-Ukraina se jwassal għal sanzjonijiet addizzjonali u konsegwenzi estensivi għar-relazzjonijiet UE-Russja;
9. Jenfasizza l-ħtieġa għal osservazzjoni internazzjonali tas-sitwazzjoni fuq il-post u jappoġġja l-espansjoni u t-tiġdid tal-missjoni ta' osservazzjoni tal-OSKE sabiex ikun possibbli li tkun sorveljata l-implimentazzjoni ta' waqfien mill-ġlied u jkun żgurat li d-drittijiet tal-komunitajiet kollha huma protetti;
10. Jilqa' r-rilaxx tal-membri tal-Missjoni Speċjali ta' Monitoraġġ tal-OSKE f'Donetsk u Luhansk u jitlob b'mod urġenti r-rilaxx immedjat ta' ostaġġi oħra;
11. Itenni l-kundanna tiegħu għall-annessjoni tal-Krimea u jappoġġja d-deċiżjoni tal-Kunsill li ma jirrikonoxxihijiex, inter alia, billi jipprojbixxi l-importazzjoni ta' merkanzija mill-Krimea u Sevastopol li m'għandhomx ċertifikat tal-Ukraina;
12. Jesprimi tħassib dwar ir-rapporti li t-Tatari tal-Krimea qed ikomplu jesperjenzaw pressjoni sinifikanti, u jitlob b'mod urġenti li tingħata attenzjoni internazzjonali partikolari għas-sitwazzjoni tagħhom; jenfasizza l-obbligi tal-awtoritajiet lokali li jirrispettaw id-drittijiet kulturali tat-Tatari tal-Krimea u d-dritt tagħhom għal-libertajiet tal-espressjoni, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-assemblea paċifika, u l-assoċjazzjoni;
13. Jinnota bi tħassib partikolari t-tneħħija tal-libertà tal-espressjoni, il-projbizzjoni jew l-għeluq tal-istazzjonijiet tat-televiżjoni, u l-episodji ta' fastidji u vjolenza kontra ġurnalisti li jaħdmu fl-Ukraina, speċjalment fil-Lvant tal-pajjiż;
14. Jenfasizza l-ħtieġa li tinbena kunfidenza bejn bosta komunitajiet fis-soċjetà u jitlob għal proċess ta' rikonċiljazzjoni sostenibbli; f'dan il-kuntest, jenfasizza l-importanza li jkun stabbilit djalogu nazzjonali inklussiv, li jevita d-diskors ta' mibegħda u retoriku li jista' jkompli jiggrava l-kunflitt, filwaqt li jiżgura li ssir investigazzjoni bir-reqqa, komprensiva u trasparenti tal-qtil minn snipers fi Frar 2014 f'Maidan u l-avvenimenti traġiċi li saru f'Odesa fit-2 ta' Mejju 2014, li tiżgura li dawk responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja;
15. Ifakkar li talba prinċipali tal-moviment Euromaidan kienet qed ittemm it-tneħħija sistematika u strutturali tad-drittijiet tal-bniedem, il-governanza ħażina, il-korruzzjoni mifruxa u l-ekonomija sewda kolossali; jenfasizza l-importanza tal-proċess li għaddej bħalissa ta' riforma kostituzzjonali fl-Ukraina u jħeġġeġ lill-parlament u l-gvern tal-Ukraina biex ma jitilfux din l-opportunità biex joħolqu sistema ġdida li tippromwovi u tipproteġi d-drittijiet tal-bniedem, tiżgura ġustizzja u governanza tajba għan-nies kollha fir-reġjuni kollha tal-pajjiż u b'hekk tikkontribwixxi għas-sigurtà u l-istabbiltà tiegħu; jenfasizza l-importanza li jiġi appoġġjat l-iżvilupp tas-soċjetà ċivili fil-ksib ta' demokrazija parteċipattiva vera;
16. Jemmen li d-deċentralizzazzjoni tal-poter se jikkontribwixxi għaż-żamma tal-paċi sostenibbli fil-Lvant tal-Ukraina u jesprimi sodisfazzjon li dan huwa wieħed mill-punti ewlenin tal-pjan ta' paċi tal-President Poroshenko, u li dan il-pjan jipprevedi elezzjonijiet lokali u parlamentari bikrin; huwa tal-fehma li l-elezzjonijiet parlamentari fl-Ukraina għandhom ikunu organizzati malajr kemm jista' jkun u skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja;
17. Jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħaħ l-istat tad-dritt, anke permezz tal-involviment fir-riforma ġudizzjarja li tikkontribwixxi għar-restawr tal-fiduċja taċ-ċittadini, u l-ħtieġa li l-istruttura tal-korpi tal-infurzar tal-liġi ma jibqgħux politiċizzati u militarizzati; jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill li jistabbilixxi missjoni PSDK biex tassisti l-Ukraina fil-qasam tar-riforma tas-settur tas-sigurtà ċivili, inklużi l-pulizija u l-istat tad-dritt;
18. Jitlob għal sforzi addizzjonali fil-qasam ta' kontra d-diskriminazzjoni, filwaqt li jinnota bi tħassib partikolari l-attitudni negattiva lejn il-LGBT u l-fatt li żewġ partiti tal-lemin tal-Ukraina jidentifikaw bil-miftuħ il-ġlieda kontra l-omosesswalità bħala wieħed mill-kompiti politiċi tagħhom;
19. Jikkonferma mill-ġdid l-impenn tal-UE li tappoġġja l-Ukraina fl-isforzi tagħha biex timplimenta l-AA/DCFTA; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tibni fuq l-Aġenda Ewropea għar-Riforma u tressaq pjan direzzjonali speċifiku u aktar konkret li se jgħin lill-Ukraina timplimenta r-riformi meħtieġa, tistabbilizza l-ekonomija tagħha u tilħaq il-bżonnijiet bażiċi tan-nies tagħha;
20. Jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea biex tospita laqgħa ta' koordinazzjoni ta' livell għoli tal-pajjiżi donaturi fi Brussell fit-8 ta' Lulju 2014, li ħadet deċiżjoni dwar il-ħolqien ta' kumitat organizzattiv għat-tħejjijiet relatati mal-organizzazzjoni ta' konferenza tal-pajjiżi donaturi din il-ħarifa; jilqa' l-iżborżament tal-ewwel parti tas-self mill-programm tal-Assistenza Makrofinanzjarja tal-UE l-ġdid (MFA II) għall-pajjiż, kif ukoll l-approvazzjoni mill-Bank Dinji ta' self ta' USD 0.3 biljun għall-Ukraina biex jgħinu jimmodernizzaw is-sistema tal-assistenza soċjali; jistenna bil-ħerqa għal aktar assistenza sostanzjali mill-konferenza skedata tal-pajjiżi donaturi;
21. Jiddispjaċih għall-fatt li l-konsultazzjonijiet bejn l-Ukraina, ir-Russja u l-UE, bil-għan li jiżguraw is-sigurtà tal-provvista u t-tranżitu tal-enerġija, għadhom ma wasslux għal riżultati pożittivi; jenfasizza l-ħtieġa għall-UE u l-Istati Membri kollha tagħha biex jibbilanċjaw mill-ġdid id-dipendenza tal-enerġija fuq ir-Russja u jsaħħu l-impenn tagħhom lejn inizjattivi tal-UE għal aktar diversifikazzjoni tal-enerġija permezz ta' sorsi u rotot alternattivi; minn din il-perspettiva, jinsab imħasseb li l-proġett South Stream iżid id-dipendenza tal-UE fuq ir-Russja aktar milli jirrappreżenta soluzzjoni għall-problema; jenfasizza li s-soluzzjonijiet kollha li jiggarantixxu s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tal-UE għandhom jitfasslu u jkunu negozjati billi jqisu l-ħtiġijiet tat-28 Stat Membru kollu, u mhux abbażi tal-interess tal-Istati Membri individwali; f'dan il-kuntest, jilqa' l-komunikazzjoni riċenti mill-Kummissjoni dwar "Strateġija Ewropea għas-Sigurtà tal-Enerġija" ( COM(2014)0330 ); jemmen li l-UE għandha tappoġġja lill-Gvern tal-Ukraina fir-riforma u l-immodernizzar tas-suq tal-enerġija u fl-integrazzjoni tas-suq enerġetiku tal-Ukraina fis-suq enerġetiku tal-UE;
22. Jenfasizza l-importanza li tinstab soluzzjoni ċara, ġusta u stabbli biex tkun żgurata s-sigurtà tal-provvista tal-gass mir-Russja lejn l-Ukraina, billi dan huwa prerekwiżit neċessarju għall-iżvilupp ekonomiku u l-istabbiltà tal-Ukraina; jemmen li l-UE għandha tkompli taqdi r-rwol tagħha fil-faċilitazzjoni ta' ftehim;
23. Jilqa' l-fatt li l-Ukraina mxiet għat-tieni fażi tal-proċess tal-liberalizzazzjoni tal-viża u jistenna bil-ħerqa l-implimentazzjoni tagħha, li se jippermetti vjaġġar mingħajr viża għaċ-ċittadini tal-Ukraina;
24. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi-President/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Istati Membri tal-UE, lill-President, lill-gvern u l-parlament tal-Ukraina u lill-President, lill-gvern u lill-parlament tal-Federazzjoni Russa.