Dokument ta' sessjoni

 

15.7.2014                                                                                                                B8‑0057/2014

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi-President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina

( 2014/2717(RSP) )

Johannes Cornelis van Baalen, Guy Verhofstadt, Petras Auštrevičius, Annemie Neyts-Uyttebroeck, Marielle de Sarnez, Marietje Schaake, Louis Michel, Alexander Graf Lambsdorff, Fernando Maura Barandiarán, Jean-Marie Cavada, Antanas Guoga, Charles Goerens, Nathalie Griesbeck, Gerben-Jan Gerbrandy

f'isem il-Grupp ALDE

 

B8‑0057/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina

( 2014/2717(RSP) )

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat, dwar is-Sħubija tal-Lvant (SL) u dwar l-Ukraina, b'referenza partikolari għar-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina[1], dik tat-13 ta' Marzu 2014 dwar l-invażjoni tal-Ukraina mir-Russja[2], u dik tas-17 ta' April 2014 dwar il-pressjoni Russa fuq il-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant u, b'mod partikolari, id-destabbilizzazzjoni tal-Lvant tal-Ukraina[3],

–       wara li kkunsidra l-eżitu tal-elezzjonijiet presidenzjali li saru fl-Ukraina fil-25 ta' Mejju 2014 u l-konklużjonijiet preliminari tal-Missjoni ta' Osservazzjoni tal-OSKE, li ddikjarat li l-elezzjonijiet kienu organizzati tajjeb, bosta nies ħarġu jivvutaw u kien hemm 'rieda ċara min-naħa tal-awtoritajiet li jagħmlu elezzjoni ġenwina prinċipalment f'konformità mal-impenji internazzjonali u b'rispett għad-drittijiet fundamentali fil-parti l-kbira tal-pajjiż', minkejja t-tensjonijiet fil-Lvant tal-Ukraina,

–       wara li kkunsidra l-inizjattivi u l-azzjonijiet li ttieħdu mill-President Poroshenko biex jerġgħu jsaltnu l-paċi u l-ordni fl-Ukraina, abbażi b'mod partikolari tal-pjan ta' paċi tiegħu b'14-il punt,

–       wara li kkunsidra l-iffirmar tal-partijiet finali tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Ukraina u l-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles Profond u Komprensiv fis-27 ta' Mejju 2014,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Barranin tat-23 ta' Ġunju 2014 u l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar l-Ukraina tas-27 ta' Ġunju 2014,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-okkupazzjoni Russa u l-annessjoni illegali tal-Krimea u l-ferment u l-vjolenza kontinwi, appoġġati mir-Russja, huma sfida kbira għall-għaqda tal-Ukraina, traġedja umana għall-vittmi u l-persuni involuti, u kriżi kbira tas-sigurtà għall-kontinent Ewropew kollu;

B.     billi l-okkupazzjoni Russa u l-annessjoni tal-Krimea jiksru d-dritt internazzjonali u l-obbligi internazzjonali li għandha r-Russja skont il-Karta tan-NU, l-Att Finali ta' Ħelsinki, l-Istatut tal-Kunsill tal-Ewropa u l-Memorandum ta' Budapest tal-1994 dwar il-Garanziji ta' Sigurtà, kif ukoll obbligi bilaterali li jirriżultaw mit-Trattat Bilaterali tal-1997 dwar il-Ħbiberija, il-Kooperazzjoni u s-Sħubija;

C.     billi l-Unjoni Ewropea, flimkien ma' maġġoranza kbira tal-komunità internazzjonali, la rrikonoxxiet, u lanqas se tirrikonoxxi l-annessjoni illegali Russa tal-Krimea, li nkisbet permezz ta' mezzi militari;

D.     billi l-fervent separatista u l-vjolenza fil-Lvant tal-Ukraina, partikolarment fir-reġjuni ta' Lugansk, Donetsk u Kharkiv, huma parzjalment ibbażati fuq diviżjonijiet interni fl-Ukraina li, madankollu qed jitqajmu minn barra permezz ta' strateġija maħsuba min-naħa tar-Russja biex timmina l-awtorità tal-Gvern tal-Ukraina, tħeġġeġ u tappoġġa lis-separatisti b'mod dirett u indirett, anke permezz ta' retorika ħarxa, dikjarazzjonijiet ostili u aħbarijiet inventati;

E.     billi t-tkomplija dan l-aħħar bit-taħdidiet diretti bejn il-Gvern tal-Ukraina u t-tmexxija Russa toffri tama li tista' tinstab soluzzjoni diplomatika sabiex tieqaf il-vjolenza li għaddejja u jiġi evitat li jeskala l-kunflitt, fatt li jkollu konsegwenzi terribli mhux biss għall-Ukraina, iżda għall-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni Russa wkoll;

F.     billi l-waqfien mill-ġlied iddikjarat b'mod unilaterali mill-Gvern tal-Ukraina ma ġiex appoġġat mis-separatisti;

1.      Itenni l-kundanna qawwija tiegħu tal-invażjoni tar-Russja u l-annessjoni tal-Krimea, li jmorru b'mod ċar kontra l-Karta tan-NU, l-Att Finali ta’ Ħelsinki tal-OSKE, l-Istatut tal-Kunsill tal-Ewropa, il-Memorandum ta' Budapest dwar Garanziji ta' Sigurtà tal-1994, it-Trattat Bilaterali dwar il-Ħbiberija, il-Kooperazzjoni u s-Sħubija tal-1997 u l-Ftehim tal-1997 dwar l-Istatus u l-Kundizzjonijiet tal-Preżenza tal-Flotta tal-Baħar Iswed fit-Territorju tal-Ukraina; iqis li l-atti mwettqa mir-Russja qegħdin jheddu s-sigurtà u l-istabbiltà tal-kontinent kollu Ewropew;

2.      Jilqa' l-pjan ta' paċi b'14-il punt li tressaq mill-President Poroshenko u l-viżjoni tiegħu għal forma ta' governanza aktar deċentralizzata għall-Ukraina bħala bażi sabiex tingħeleb id-diviżjoni interna fil-pajjiż u tiġi fi tmiemha l-vjolenza separatista fil-Lvant tal-Ukraina;

3.      Jinnota li l-forzi militari u tas-sigurtà tal-Ukraina dan l-aħħar għamlu progress sabiex jerġa' jkun hemm l-ordni u l-liġi f'għadd ta' bliet ewlenin fil-Lvant tal-Ukraina; jiddispjaċih ħafna dwar l-imwiet li kien hemm, iżda jenfasizza li l-awtoritajiet tal-Ukraina għandhom drittijiet ġuridiċi u responsabbiltajiet sħaħ li jaġixxu; jistieden lill-partijiet kollha jagħmlu dak kollu li jistgħu biex jipproteġu l-popolazzjoni ċivili;

4.      Jesprimi appoġġ qawwi għat-tkomplija ta' negozjati komprensivi bejn il-partijiet kollha, li għandhom ikunu bbażati fuq il-pjan ta' paċi tal-President u jwasslu għal ftehim ta' waqfien mill-ġlied li jkun irrispettat bis-sħiħ mill-partijiet kollha; jilqa' l-involviment attiv tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin Franċiżi u Ġermaniżi fl-isforzi diplomatiċi reċenti sabiex tinstab soluzzjoni, filwaqt li jiddispjaċih dwar l-assenza perċepita tar-Rappreżentant Għoli tal-UE;

5.      Jilqa' wkoll id-dikjarazzjoni tal-President Russu ta' appoġġ fil-prinċipju għall-pjan ta' paċi u d-deċiżjoni tal-Kunsill Federali li jirrevoka l-awtorizzazzjoni li jintużaw forzi Russi biex isir intervent militari fl-Ukraina; jittama li wara din id-deċiżjoni se jkun hemm aktar miżuri min-naħa tar-Russja sabiex jittaffa l-kunflitt, partikolarment u bħala kwistjoni ta' prijorità billi twaqqaf il-fluss ta' ġellieda, armi u tagħmir illegali mill-fruntiera lejn l-Ukraina, u billi tuża l-influwenza li għandha b'mod attiv fuq gruppi armati illegali fil-Lvant tal-Ukraina biex jieqfu mill-vjolenza u jċedu l-armi; jistenna li jsir progress tanġibbli mingħajr aktar dewmien fl-erba' passi identifikati fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-27 ta' Ġunju 2014;

6.      Jistenna lill-Verhovna Rada tadotta malajr it-tibdil kostituzzjonali mistenni fil-pjan ta' paċi tal-President, b'mod partikolari fir-rigward tat-tisħiħ tal-governanza lokali u liġi ġdida dwar l-użu tal-lingwi; jenfasizza l-fatt li l-liġi ġdida dwar l-użu tal-lingwi għandha tissodisfa l-ogħla standards internazzjonali u Ewropej;

7.      Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Ukraina jżomm il-wegħda tiegħu u jipprojbixxi b'mod espliċitu d-diskriminazzjoni minħabba l-orjentazzjoni sesswali fir-riforma li ġejja tal-kodiċi tax-xogħol;

8.      Jiddispjaċih dwar id-dewmien fl-użu ta' missjoni PSDK tal-pulizija, il-liġi u l-ordni fl-Ukraina li inizjalment ġiet proposta f'April u diskussa ulterjorment fil-Kunsill Affarijiet Barranin tat-23 ta' Ġunju 2014; jistenna li l-missjoni tista' titwettaq mingħajr dewmien żejjed fis-sajf;

9.      Jitlob ir-rilaxx tal-persuni kollha miżmuma illegalment mis-separatisti u jenfasizza l-fatt li l-Missjoni Speċjali ta' Monitoraġġ tal-OSKE jrid ikollha aċċess mingħajr restrizzjonijiet għall-partijiet kollha tal-Ukraina sabiex tkun tista' tagħti l-kontribut tagħha għall-waqfien mill-ġlied u għas-sejba ta' soluzzjoni politika għall-kunflitt;

10.    Jenfasizza li l-partijiet kollha jridu jevitaw dikjarazzjonijiet u retorika li jistgħu jaggravaw aktar il-kunflitt; jenfasizza l-fatt li l-problemi li qed tiffaċċja l-Ukraina ma jistgħux jiġu solvuti biss permezz ta' mezzi militari;

11.    Jinnota b'sodisfazzjon li fis-27 ta' Ġunju 2014, il-Kunsill Ewropew enfasizza l-prontezza tiegħu li 'jerġa' jiltaqa' fi kwalunkwe ħin għal aktar miżuri restrittivi sinifikanti', u jenfasizza l-fatt li, għalissa, ir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja ma jistgħux ikunu 'qisu ma ġara xejn'; jistenna li l-Kunsill jestendi l-ambitu u l-kobor tas-sanzjonijiet jekk u meta meħtieġ, u li jtawwal dawk eżistenti; jinnota bi tħassib li l-programm tal-Presidenza Taljana jirreferi biss għar-Russja bħala 'sieħeb strateġiku', mingħajr referenza għall-kriżi attwali fir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja;

12.    Jappoġġa bis-sħiħ l-iżborżament ta' EUR 750 miljun f'assistenza tal-UE lill-Ukraina u l-isforzi sabiex tiġi żgurata aktar assistenza finanzjarja waqt il-laqgħa ta' koordinazzjoni ta' livell għoli tad-donaturi fi Brussell fit-8 ta' Lulju 2014;

13.    Ifakkar lill-Gvern tal-Ukraina u lill-partiti u l-personalitajiet politiċi kollha li jinħtieġu b'urġenza riformi ekonomiċi u politiċi fil-livell nazzjonali; jindika li r-riformi nazzjonali ma jistgħux jinbdew biss minħabba l-pressjoni minn donaturi esterni, iżda għandhom ikunu bbażati fuq appoġġ popolari solidu għall-ħolqien ta' opportunitajiet ekonomiċi u soċjali sostenibbli billi jiġi mmodernizzat il-pajjiż;

14.    Jilqa' d-deċiżjoni li tiġi pprojbita l-importazzjoni ta' prodotti mill-Krimea u Sevastopol li ma jkollhomx ċertifikat tal-Ukraina, u jħeġġeġ lil pajjiżi oħra jintroduċu miżuri simili;

15.    Jistieden lill-Kummissjoni tkompli bl-isforzi tagħha biex tinnegozja ftehim bejn Gazprom u l-Gvern tal-Ukarina dwar il-prezzijiet tal-gass; jenfasizza li l-użu tar-riżorsi tal-enerġija bħala strument tal-politika għall-affarijiet barranin jimmina l-kredibilità fuq perjodu ta' żmien twil tar-Russja bħala sħab kummerċjali ta' min jorbot fuqu għall-UE, u li bħala kwistjoni ta' prijorità għandu jkun hemm aktar miżuri sabiex tonqos id-dipendenza tal-UE fuq il-gass tar-Russja;

16.    Jenfasizza l-fatt li l-punti ta' tħassib li għandha r-Russja dwar il-proċess ta' assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Ukraina u sħab oħra tal-Lvant iridu jiġu ċċarati kif xieraq, biex b'hekk jittaffew il-biżgħat mhux ġustifikati ta' diviżjonijiet ġeopolitiċi ġodda fil-kontinent Ewropew; jirrimarka li kull pajjiż għandu kull dritt jagħmel l-għażliet politiċi tiegħu, iżda li l-impenn tal-UE mas-sħab tal-Lvant għandu l-għan li jxerred il-ġid u jżid l-istabbiltà politika, ħaġa li l-Federazzjoni Russa se tgawdi minnha wkoll;

17.    Jistieden lill-Istati Membri jkomplu rapidament bil-proċess ta' ratifika tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni tal-Ukraina u jenfasizza l-importanza li jiġi implimentat bis-sħiħ;

18.    Jappella lill-Kummissjoni li ġejja sabiex ikollha bħala prijorità assoluta l-ħtieġa għal rieżami komprensiv tal-Politika tal-Viċinat, b'enfasi fuq it-twassil ta' riżultati konkreti u tanġibbli fir-rigward tal-kummerċ, iċ-ċaqliq bejn il-popli u l-istabbiltà politika;

19.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-Aġent President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Ukraina, lill-Kunsill tal-Ewropa u lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa.

 

[1] Testi adottati, P7_TA(2014)0170
[2] Testi adottati, P7_TA(2014)0248
[3] Testi adottati, P7_TA(2014)0457