Dokument ta' sessjoni

 

15.7.2014                                                                                                                B8‑0059/2014

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara d-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar is-sitwazzjoni fl-Iraq

( 2014/2716(RSP) )

Charles Tannock, Geoffrey Van Orden, Anna Elżbieta Fotyga, Ruža Tomašić

f'isem il-Grupp ECR

 

B8‑0059/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Iraq

( 2014/2716(RSP) )

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Iraq,

–       wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Iraq, min-naħa l-oħra, u r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Jannar 2013 dwar il-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni UE-Iraq[1],

–       wara li kkunsidra d-Dokument ta' Strateġija Konġunta tal-Kummissjoni għall-Iraq (2011-2013),

–       wara li kkunsidra ċ-ċifri tal-mortalità fl-Iraq tal-Missjoni ta' Assistenza tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iraq (UNAMI) u r-rapport ta' nofs is-sena tagħha dwar id-drittijiet tal-bniedem, ippubblikat fl-20 ta' Jannar 2014,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet reċenti mill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar il-vjolenza fl-Iraq,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-23 ta' Ġunju 2014 dwar l-Iraq,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi s-sitwazzjoni attwali fl-Iraq hija gravi, peress li l-estremisti armati li qed jiġġieldu għall-grupp jihadist ISIS (l-hekk imsejjaħ Stat Iżlamiku fl-Iraq u l-Levant) qed jintensifikaw il-kampanja ta' terrur tagħhom, li diġà rat il-grupp jieħu kontroll ta' bliet ewlenin bħal Tikrit, Mosul u Tal Afar;

B.     billi fit-30 ta' Ġunju 2014 ġie rrappurtat li ISIS (imsemmi wkoll ISIL) stabbilixxa "kalifat", jew "stat Iżlamiku", fit-territorji li kkontrolla fl-Iraq u s-Sirja;

C.     billi ġie rrappurtat li matul il-vjolenza li saret f'Ġunju waħdu nqatlu 2 400 persuna, b'rapporti ta' qtil indiskriminat, eżekuzzjonijiet tal-massa, torturi u vjolenzi sesswali;

D.     billi n-Nazzjonijiet Uniti stmat li madwar miljun persuna jinsabu attwalment spustati mat-Tramuntana u l-Punent tal-Iraq; billi n-NU wissiet ukoll li l-kunflitt jaf ipoġġi lin-nisa u l-bniet f'riskju ta' vjolenza u sfruttar ibbażati fuq is-sessi;

E.     billi l-estremisti tal-ISIS qerdu ħafna santwarji u postijiet ta' qima fil-provinċja ta' Nineveh fit-Tramuntana tal-Iraq, bi stampi tat-tkissir tagħhom murija fil-midja soċjali;

F.     billi l-ISIS diġà tefa' ħarstu fuq l-impjant ta' Baiji, wieħed mill-ikbar raffineriji taż-żejt fl-Iraq, għalkemm dan l-aħħar reġa' nkiseb mill-forzi tal-gvern; billi l-ISIS ikompli jikkontrolla sitt ibjar taż-żejt fis-Sirja, inkluża l-akbar faċilità taż-żejt tas-Sirja, il-bir ta' al-Omar, qrib il-fruntiera mal-Iraq;

G.     billi mijiet ta' ġellieda barranin, inklużi ħafna mill-Istati Membri tal-UE, ġew irrappurtati li ssieħbu fil-ġlied man-naħa tal-ISIS;

H.     billi anki qabel l-attakki tal-ISIS, l-Iraq affaċċja sfidi politiċi, soċjoekonomiċi u ta' sigurtà serji, bi frammentazzjoni politika u vjolenza, li kienu qed jipperikolaw sew il-prospetti għall-paċi, il-prosperità u tranżizzjoni ġenwina lejn id-demokrazija fl-era post-Saddam;

I.      billi kien hemm falliment min-naħa tal-gvern settarju attwali biex jibni soċjetà aktar inklużiva fl-Iraq; billi l-komunità internazzjonali għandha rwol fil-ħidma mal-Gvern tal-Iraq biex tgħin fil-bini ta' unità nazzjonali;

J.      billi ż-żieda fl-attakki estremisti Sunni fuq ix-Shias u l-Insara biddlu l-2013, sa mill-2007, fl-aktar sena mimlija dmija fl-Iraq b'madwar 7 818 maqtula u 17 981 midruba;

K.     billi, skont il-Human Rights Watch, anki qabel ir-rewwixta tal-ISIS, il-kundizzjonijiet kienu qed jiddeterjoraw fl-Iraq billi t-tensjonijiet settarji żdiedu, inklużi attakki ta' kuljum fuq iċ-ċivili, b'suwiċidji u karozzi bomba u qtil li saru aktar frekwenti; billi l-Gvern tal-Iraq irreaġixxa għall-protesti paċifiċi bi vjolenza u għas-sitwazzjoni ta' sigurtà li qed taggrava b'miżuri ta' kontra t-terroriżmu iebsa u ħorox ħafna;

L.     billi l-elezzjonijiet parlamentari nazzjonali fl-Iraq saru f'April 2014; billi fl-1 ta' Lulju jidher li l-ġlied politiku kien qed idewwem il-proċess biex jifforma parlament Iraqi ġdid;

M.    billi, minkejja l-pressjoni nazzjonali u internazzjonali, il-Prim Ministru Iraqin Nouri al‑Maliki rrifjuta t-talbiet biex tittieħed direzzjoni politika inklużiva u ġdida ħalli tiġġieled ir-ribelli u tinbena unità nazzjonali; billi minkejja l-kriżi, il-Prim Ministru Maliki keċċa l-kap tal-forzi fuq l-art tal-armata Iraqina u l-kap tal-pulizija federali wara l-waqa' tal-armata Iraqina fit-tramuntana tal-pajjiż tax-xahar li għadda;

1.      Jikkundanna bis-sħiħ l-atti terroristiċi magħmula mill-ISIS u gruppi armati oħra kontra ċ-ċittadini tal-Iraq; jiddeplora aktar l-attakki kontra nies ċivili fil-mira u jikkundanna mingħajr riżervi l-użu tal-eżekuzzjonijiet, it-torturi u l-vjolenza sesswali fil-kunflitt;

2.      Jesprimi tħassib serju dwar ir-rigress tal-kriżi umanitarja kkawżata mill-ġlied reċenti, u jinnota l-ispustament kbir ta' ċivili; jistieden lill-Gvern Iraqin biex jagħmel l-almu tiegħu ħalli jipproteġi ċ-ċivili tiegħu u jiżgura li dawk il-persuni spustati kollha jingħataw kull assistenza li jkollhom bżonn;

3.      Ileħħen it-tħassib serju dwar l-atti ta' vjolenza magħmula mill-ISIS u l-mod evidentement faċli li bih ħadu kontroll ta' partijiet mill-Iraq ir-ribelli; ikompli juri tħassib dwar l-implikazzjonijiet tal-ġlied reċenti għas-sitwazzjoni politika u ekonomika fl-Iraq, fir-reġjun usa' u internazzjonalment; jenfasizza l-implikazzjonijiet ġeostrateġiċi gravi tal-vulnerabilità tal-bjar taż-żejt Iraqini;

4.      Jirrifjuta mingħajr riżervi d-dikjarazzjoni mill-mexxej tal-ISIS li huwa waqqaf kalifat fiż-żoni li issa jikkontrolla, u jirrifjuta n-nozzjoni ta' kwalunkwe bidla unilaterali tal-fruntieri rikonoxxuti internazzjonalment permezz tal-forza filwaqt ukoll li jiġu rrispettati d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tan-nies fit-territorji kkontrollati mill-ISIS;

5.      Jesprimi tħassib serju dwar il-vjolenza kontra l-gruppi reliġjużi tal-minoranzi fl-Iraq; ikompli jistieden lill-mexxejja reliġjużi tal-Iraq u lill-Gvern tal-Iraq biex jaħdmu flimkien ħalli jtemmu l-vjolenza settarja u n-nuqqas ta' fiduċja sabiex titħeġġeġ il-libertà tat-twemmin reliġjuż u jingħaqad il-poplu Iraqin;

6.      Ileħħen it-tħassib tiegħu dwar rapporti li mijiet ta' ġellieda barranin, inklużi ċittadini tal-Istati Membri tal-UE, issieħbu fir-rewwixta tal-ISIS; jitlob aktar għal kooperazzjoni internazzjonali sabiex tittieħed azzjoni legali xierqa kontra kwaunkwe individwu ssuspettat li jkun involut f'atti ta' terroriżmu, inkluża l-introduzzjoni ta' miżuri ġodda biex jiġu pproċessati dawk li jippjanaw u jitħarrġu għal terroriżmu barra minn pajjiżhom; ikompli jirrikonoxxi l-implikazzjonijiet tas-sigurtà, kemm fil-livell tal-Istati Membri kif ukoll tal-UE li jinħolqu minħabba l-falliment biex tittieħed azzjoni xierqa;

7.      Jistieden lill-mexxejja reliġjużi, politiċi u ċiviċi fl-Iraq biex iwarrbu d-differenzi ta' bejniethom u flimkien jiġġieldu t-theddida tar-rewwixta u jerġgħu jistabbilixxu s-sigurtà u l-istat tad-dritt;

8.      Jenfasizza l-impenn sod tiegħu lejn ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem bħala għodda essenzjali għall-bini ta' demokrazija b'saħħitha u kontra t-terroriżmu u l-vjolenza; jenfasizza aktar il-konvinzjoni soda tiegħu li l-miżuri eċċessivi u ħorox ma jaħdmux bħala deterrent effikaċi kontra t-terroriżmu;

9.      Jafferma mill-ġdid l-impenn kontinwu tiegħu li jappoġġa l-poplu tal-Iraq fil-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, u li jgħinu jwettaq l-ambizzjonijiet tiegħu ta' pajjiż demokratiku, għani, sigur u inklużiv;

10.    Jerġa' jiddikjara l-impenn tiegħu biex isaħħaħ ir-relazzjonijiet tal-UE mal-Iraq u biex jaħdem mal-Gvern Iraqin għall-iżvilupp ta' dik il-kooperazzjoni permezz tal-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Iraq;

11.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Kunsill tar-Rappreżentanti tal-Iraq, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti.

 

[1] Testi Adottati, P7_TA(2013)0022